Editorjal | Wirt għal-Labour li ma jistax jitħassar
Il-Partit Laburista jista’ jiftaħar bir-rebħiet elettorali u bit-tkabbir ekonomiku tal-aħħar snin, iżda l-wirt tiegħu jibqa’ marbut mal-korruzzjoni u mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Għal Robert Abela, il-verdett fil-każ Yorgen Fenech ma jagħlaqx kapitlu — iżda jżid il-pressjoni biex jingħataw it-tweġibiet li Malta ilha snin tistenna
Il-Partit Laburista għandu kull dritt jiftaħar bir-rebħiet elettorali tiegħu. Mill-2013 ’l hawn, il-PL rebaħ kull elezzjoni ġenerali li kien involut fiha, u bena fuq perjodu ta’ tkabbir ekonomiku, żieda fl-investiment u trasformazzjoni sostanzjali tal-ekonomija Maltija. Għal ħafna, dawn huma snin ta’ prosperità u opportunitajiet li qatt ma dehru qabel.
Iżda l-istorja politika ma titkejjilx biss bil-voti u biċ-ċifri ekonomiċi. Titkejjel ukoll bil-mod kif il-pajjiż jiġi mfakkar, bil-fiduċja li jkun hemm fl-istituzzjonijiet u, fuq kollox, bil-ġrajjiet li jibqgħu mnaqqxa fil-kuxjenza nazzjonali.
U din hija problema fundamentali għall-wirt Laburista.
Il-kisbiet ekonomiċi u elettorali tal-PL se jibqgħu parti mill-istorja moderna ta’ Malta. Iżda se jibqgħu wkoll marbuta ma’ snin ta’ allegazzjonijiet u każijiet ta’ korruzzjoni li laħqu l-qalba tal-poter, u fuq kollox mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan huwa wirt li ma jistax jitħassar b’kampanja politika, b’elezzjoni oħra jew b’ċifri ekonomiċi b’saħħithom.
Joseph Muscat, meta tela’ fil-poter fl-2013, irnexxielu jagħmel xi ħaġa li kienet tidher kważi impossibbli. Irnexxielu jibdel il-perċezzjoni tal-Partit Laburista wara s-snin ta’ Dom Mintoff. Il-wirt ta’ Mintoff kien wieħed kumpless u kontroversjali, iżda għal ħafna kien marbut ukoll ma’ wħud mill-aktar snin mudlama fl-istorja politika riċenti ta’ Malta. Muscat ippreżenta lill-pajjiż viżjoni ġdida, mewġa ta’ tama, modernizzazzjoni u prosperità. U l-elettorat wieġeb b’mod qawwi.
Iżda Robert Abela ma kellux l-istess opportunità.
Għax l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia se jibqa’ parti mill-istorja tal-gvernijiet Laburisti ta’ dan iż-żmien. U l-każ Yorgen Fenech, irrispettivament mill-verdett, mhux se jisparixxi. Il-liberazzjoni tiegħu ma għalqitx il-kapitlu. Għall-kuntrarju, qajmet aktar mistoqsijiet.
Il-proċess kriminali wera għal darb’oħra kemm kien hemm persuni qrib il-poter, negozjanti, uffiċjali u nies li kienu joperaw madwar iċ-ċentru tal-poter politiku, marbuta mal-qtil ta’ Daphne. Il-verdett ma eliminahomx dawn il-mistoqsijiet.
Għalhekk, il-ballun issa jinsab f’riġlejn Robert Abela.
Li jgħid li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu mhuwiex biżżejjed. Mhux għax l-istituzzjonijiet m’għandhomx jitħallew jaħdmu, iżda għax wara dawn is-snin twal hemm parti sostanzjali tas-soċjetà li tilfet il-fiduċja fihom. U meta l-fiduċja tispiċċa, Abela ma jistax jippretendi li l-poplu sempliċement jaċċetta li kollox qed jaħdem kif suppost.
Il-verdett ta’ Yorgen Fenech ma jagħtix lil Abela l-lussu li jħares ’il quddiem u jinsa l-passat. Għall-kuntrarju, jitfa’ fuqu r-responsabbiltà politika li jindirizza l-mistoqsijiet li baqgħu bla risposta, inkluż dwar ir-relazzjonijiet bejn nies fil-poter u l-ambjent li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Disgħa snin wara, Malta għadha bla risposti u l-ferita għada miftuħa beraħ.
Din il-gazzetta temmen li l-pajjiż għandu bżonn paġna ġdida fil-pajsaġġ politiku tiegħu. Mhux biex jinsa dak li seħħ, iżda biex finalment ikun jista’ jħares lejn il-passat mingħajr ma jibqa’ ostaġġ tiegħu.
Il-PL jista’ jibqa’ jirbaħ l-elezzjonijiet. L-ekonomija tista’ tibqa’ tikber. Iżda jekk il-pajjiż ma jsibx il-verità, ir-responsabbiltà u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet, dawn il-kisbiet kollha jibqgħu mgħattra b’dawn iż-żewġ dellijiet li qed jiddefinixxu dan il-perjodu tal-istorja politika Maltija taħt Gvern Laburista: il-korruzzjoni u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
U dan huwa wirt li ebda gvern ma jista’ jikteb mill-ġdid.
