Editorjal | Il-ġustizzja għal Daphne ma tistax tispiċċa b’dan il-verdett

Il-verdett ta’ mhux ħati fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech għandu jiġi rispettat, iżda ma jistax ikun it-tmiem tat-tfittxija għall-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u r-responsabbiltajiet li għadhom iridu jiġu eżaminati

Meta nħarsu lejn il-ġuri ta’ Yorgen Fenech u l-verdett li finalment ħelsu mill-akkużi kollha, jeħtieġ li nibdew minn punt fundamentali: l-għan tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech qatt ma kien li jtaffi l-uġigħ tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, u lanqas li jagħtihom dik li ħafna jsejħulha “closure”. L-għan kien li tingħata ġustizzja. 

Il-familja ta’ Daphne se jkollha tgħix għal dejjem bil-vojt li ħalla l-qtil tagħha. Ebda verdett, ikun liema jkun, ma jista’ jneħħilhom dak l-uġigħ. Iżda pajjiż demokratiku għandu obbligu lejn vittma ta’ qtil: li jagħmel dak kollu possibbli biex isib min kien responsabbli u jiżgura li l-ġustizzja ssir. 

Il-verdett ta’ mhux ħati fil-konfront ta’ Fenech irid jiġi rispettat. Iżda m’għandux ifisser li l-mistoqsijiet jispiċċaw hemm. Fil-fatt, il-ġuri ħalla warajh aktar mistoqsijiet milli tweġibiet

Fost l-aktar importanti hemm dawk dwar ir-rwol ta’ Keith Schembri u Chris Cardona. Ix-xhieda u l-evidenza li ħarġu fil-proċess żvelaw elementi li jeħtieġu aktar skrutinju. Ma jistax ikun li, sempliċement għax Fenech ġie meħlus mill-akkuża li kien involut fil-qtil, il-mistoqsijiet dwar min seta’ kellu rwol, x’kien jaf, ma’ min tkellem u x’azzjonijiet ittieħdu wara l-qtil jiġu midfuna wkoll. 

Dawn il-mistoqsijiet għandhom jiġu investigati bis-serjetà kollha, b’mod indipendenti u mingħajr ma tingħata protezzjoni lil ħadd. Mhux għax kull suspett ifisser ħtija, iżda proprju għax il-ġustizzja titlob li kull allegazzjoni kredibbli tiġi eżaminata sal-aħħar. 

U hawn naslu għall-falliment akbar li għandu jinkwieta lil dan il-pajjiż. 

Il-prosekuzzjoni ma tistax tidħol għal każ ta’ dan il-kalibru billi tibbaża l-każ tagħha kważi kollu fuq xhud ewlieni biss. Xhud “star” jista’ jkun kruċjali, iżda każ b’saħħtu għandu jkun sostnut minn korp ta’ evidenza indipendenti li jorbot flimkien l-avvenimenti u jneħħi d-dubji raġonevoli. 

Meta biċċiet differenti ta’ evidenza jiġu ppreżentati mingħajr argument ċar li jorbothom flimkien, il-ġurati jitħallew jibnu l-istampa huma stess. U dan huwa riskju kbir f’każ daqshekk kumpless. 

Għax il-ġurati huma bnedmin. Xi wħud jista’ jkollhom simpatija lejn Daphne; oħrajn le. Xi wħud jista’ jkollhom opinjoni qawwija dwar Fenech; oħrajn jista’ jkollhom preġudizzji differenti. Huwa proprju għalhekk li l-prosekuzzjoni għandha tippreżentalhom każ tant b’saħħtu li l-evidenza tegħleb kull prekonċezzjoni. U f’dal-każ, il-prosekuzzjoni dan m’għamlitux. 

Il-falliment, għalhekk, ma jistax jitpoġġa fuq il-ġurati. Jeħtieġ li nħarsu lejn is-sistema kollha: lejn il-pulizija, lejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, lejn il-mod kif inġabret u ġiet ippreżentata l-evidenza, u anke lejn ir-responsabbiltà tal-midja biex ma tħallix il-kawża tinbidel fi ġlieda ta’ narrattivi. 

Il-ġuri kellu jagħti ġustizzja. Il-verdett ta’ mhux ħati huwa parti minn dik is-sistema u rridu nirrispettawh. 

Iżda issa ma nistgħux nagħlqu l-ktieb hawn. 

Il-mistoqsija l-kbira li tqajmet b’dal-verdett hija waħda: kif se nagħtu ġustizzja lil Daphne? 

U t-tweġiba ma tistax tkun li nħallu l-mistoqsijiet li għadhom miftuħa jmutu magħha. 

More in Politika