Editorjal | Diskors qawwi, opportunità mitlufa
Id-diskors ta’ Robert Abela fin-Nazzjonijiet Uniti kellu messaġġ rilevanti dwar il-paċi, il-fiduċja u l-multilateraliżmu. Iżda għal Malta, ġimgħa bħal din għandha tkun aktar minn podju u ftit laqgħat viżibbli: għandha tkun opportunità biex tinbena influwenza, jitwaqqfu alleanzi u jinkisbu riżultati konkreti
Id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kien wieħed mill-mumenti li fih Malta setgħet tfakkar lid-dinja li, minkejja d-daqs tagħha, għandha vuċi li tista’ tinstema’ fuq il-palk internazzjonali.
Il-messaġġ tiegħu dwar il-ħtieġa li terġa’ tinbena l-fiduċja bejn il-pajjiżi, dwar il-perikli tal-gwerer u l-kunflitti, u dwar l-importanza tal-multilateraliżmu, kien rilevanti. F’dinja li qed tgħix żmien ta’ inċertezza, polarizzazzjoni u kunflitti, Malta għandha kull dritt tinsisti fuq id-djalogu, il-liġi internazzjonali u l-koperazzjoni.
Iżda diskors tajjeb huwa biss parti mid-diplomazija.
L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti mhijiex sempliċement avveniment fejn il-mexxejja jitilgħu fuq podju u jagħmlu diskors. Hija waħda mill-akbar opportunitajiet diplomatiċi fis-sena. Fi New York jinġabru mexxejja dinjin, ministri, diplomatiċi, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, investituri u mexxejja tan-negozju. Għal Malta, dan għandu jfisser opportunità biex tibni alleanzi, tressaq il-pożizzjonijiet tagħha u tagħmel lobbying dwar il-kwistjonijiet li huma importanti għaliha.
Huwa proprju hawn fejn il-vjaġġ ta’ Abela jidher li tilef parti mill-potenzjal tiegħu.
Il-laqgħat ma’ Mayo Clinic u Delta Airlines jistgħu jkunu ta’ interess u jista’ jkun hemm benefiċċji konkreti minnhom għall-qasam tas-saħħa, l-investiment u l-konnettività. Iżda laqgħat kummerċjali ma jistgħux ikunu s-sostitut għal programm diplomatiku ambizzjuż. Il-mistoqsija għandha tkun: Malta x’riedet tikseb minn din il-ġimgħa, lil hinn mid-diskors tal-Prim Ministru?
U mbagħad kien hemm il-pizza.
Li Prim Ministru jiekol pizza mhu xejn straordinarju. Li jiltaqa’ ma’ Malti jew Għawdxi li qed jagħmel suċċess barra minn pajjiżu jista’ jkun mument sabiħ u ta’ kburija. Iżda meta l-immaġini tal-pizza u l-laqgħa ma’ kok Għawdxi jsiru fost l-aktar mumenti viżibbli tal-vjaġġ, wieħed ma jistax ma jistaqsix jekk il-komunikazzjoni tal-Gvern kinitx iffukata fuq il-prijoritajiet it-tajba. Apparti l-fatt li għal snin twal issa, il-Gvern Malti naqqas milli jistieden ġurnalisti oħra biex jattendu għajr għall-PBS li ċertament f’għajnejn ħafna nies huma portavoce tal-Gvern tal-ġurnata.
Malta għandha tradizzjoni diplomatika ferm aktar ambizzjuża minn hekk.
Pajjiżna, minkejja d-daqs tiegħu, kellu mumenti fejn irnexxielu jagħmel differenza reali fix-xena internazzjonali. Il-ħidma diplomatika ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti, l-impenn tagħha favur il-liġi tal-baħar, ir-rwol tagħha fil-Mediterran u l-inizjattivi tagħha favur il-paċi wrew li pajjiż żgħir jista’ jkollu influwenza kbira jekk ikollu idea ċara ta’ dak li jrid jikseb.
Għalhekk, il-kritika mhijiex għad-diskors ta’ Abela. Għall-kuntrarju, id-diskors wera li Malta għandha x’tgħid.
Il-problema hija dak li jiġri wara.
Diplomazija effettiva ma tintemmx meta jitħalla l-podju. Tibda hemm. Trid tkompli bil-laqgħat, bil-kordinazzjoni, bil-persważjoni u bil-bini ta’ relazzjonijiet li jibqgħu jħallu l-frott ħafna wara li jintfew il-kameras.
Malta għandha leħen li jista’ jinstema’. L-isfida għall-Gvern mhijiex li jsib kliem tajjeb biex juża leħnu, iżda li juża kull opportunità internazzjonali biex jagħmel xi ħaġa bih.
