Editorjal | Żewġ messaġġi, gvern wieħed

Standfirst: Id-dibattitu dwar is-Super Bonus u l-ispiża dejjem tikber tas-sussidji qed jikxef differenzi fil-Gvern dwar kemm jista’ jibqa’ jespandi l-infiq pubbliku. Il-mistoqsija issa hi jekk Malta tistax tkompli tiffinanzja benefiċċji universali mingħajr diskussjoni serja dwar sostenibbiltà u means testing

Hemm diverġenzi u differenzi aktar evidenti fil-Gvern ta’ Robert Abela. Minn naħa hemm prim ministru li jkompli jibni l-politika tiegħu fuq ottimiżmu, wegħdiet, benefiċċji u għajnuna diretta lill-familji u lill-ħaddiema. Min-naħa l-oħra għandna l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, li qed iwissi b’mod dejjem aktar ċar li l-kaxxa tal-Istat mhix bla qiegħ u li l-infiq ma jistax jibqa’ jiżdied mingħajr kontroll. 

Il-kontroversja dwar is-Super Bonus ta’ €1,000 hija l-aktar eżempju riċenti. Din kienet waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-Labour għall-elezzjoni tal-2026, iżda Caruana issa qed jirrifjuta li jikkonferma li se titħallas fil-Baġit li jmiss. Qal li mandat elettorali jdum ħames snin u li “kollox għandu ż-żmien tiegħu”, filwaqt li insista li l-prijorità għandha tkun il-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi u s-sussidji tal-enerġija.  

Caruana jagħmel argument importanti: is-sussidji jiswew il-flus. Ħafna flus. Skont id-dokument ta’ qabel il-Baġit, is-sussidji fuq l-enerġija u l-ikel huma mistennija jilħqu €391.7 miljun fl-2026 u madwar €400 miljun fl-2027. Fl-aħħar ħames snin, skont il-Ministeru għall-Finanzi, intefqu €1.35 biljun fuq sussidji tal-enerġija.  

Imma Caruana huwa parti mill-istess Gvern li kompla jwiegħed aktar. 

U l-politika tal-“b’xejn” jew tas-sussidju mhix xi ħaġa ġdida. Il-Gvern introduċa childcare b’xejn għall-ġenituri li jaħdmu jew jistudjaw; trasport pubbliku b’xejn għal ċittadini u residenti b’Tallinja Card; u trasport skolastiku b’xejn, li llum iservi eluf ta’ studenti mill-iskejjel tal-gvern u dawk privati fuq aktar minn 980 rotta kuljum.  

Ma’ dawn hemm breakfast clubs, in-work benefits, żidiet fl-allowance tat-tfal, tnaqqis fit-taxxa u, fuq kollox, is-sussidji fuq il-fuel u l-elettriku. Fil-Baġit 2026 stess, Caruana fakkar li l-miżuri tal-Gvern favur il-familji bit-tfal waħedhom kienu jiswew madwar €160 miljun fis-sena.  

Ħafna minn dawn il-miżuri għandhom għanijiet soċjali leġittimi u benefiċċji konkreti. Il-kwistjoni mhix jekk familja għandhiex tiġi megħjuna. Il-kwistjoni hija kemm jista’ l-Istat jibqa’ jħallas, lil min, u għal kemm żmien. 

Abela jirrifjuta li jikkonsidra means testing bħala prinċipju għall-għajnuna pubblika. 

Il-kwistjoni mhijiex jekk għandniex ngħinu lil min jinsab f’diffikultà. Naturalment għandna. Il-mistoqsija hija jekk huwiex raġonevoli li l-Istat jagħti l-istess benefiċċju lil min għandu bżonnu u lil min għandu dħul u ġid biżżejjed biex ma jkollux bżonnu. 

Means testing ma jfissirx li l-għajnuna soċjali titneħħa. Jista’ jfisser li r-riżorsi pubbliċi jiġu mmirati aktar lejn dawk li għandhom l-akbar bżonn, filwaqt li jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi tal-pajjiż. Jekk il-Gvern jemmen li l-universalità hija l-aħjar politika, għandu jispjega wkoll lill-pubbliku għaliex dan il-mudell huwa finanzjarjament sostenibbli fit-tul. 

Caruana jwissi dwar il-prezz tas-sussidji u l-freebies, iżda fl-istess waqt huwa parti minn Gvern li jiddefendihom u jirrifjuta anke li jiftaħ diskussjoni serja dwar jekk ċerti benefiċċji għandhomx ikunu mmirati skont il-mezzi finanzjarji ta’ min jirċevihom. 

Abela, min-naħa tiegħu, ma jistax ikompli jwiegħed kollox u mbagħad iħalli lill-Ministru tal-Finanzi jispjega għaliex mhux kollox jista’ jitħallas.  

Il-pajjiż għandu bżonn politika li tgħaqqad għajnuna soċjali ma’ sostenibbiltà finanzjarja. Mhux wegħda wara wegħda, u lanqas twissija wara twissija. 

F’dan kollu, il-kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ukoll għandu rwol importanti. Jekk il-PN irid ikun alternattiva ta’ Gvern, għandu jkun ċar mal-elettorat: liema sussidji jżomm, liema jibdel, liema jnaqqas u kif se jħallas għalihom. Borg diġà qal li s-sussidji fuq il-fuel u l-enerġija huma kruċjali, iżda talab ukoll trasparenza dwar minn fejn se jinqatgħu l-ispejjeż.  

Issa wasal iż-żmien għal aktar minn kritika. 

Wasal iż-żmien li Abela, Caruana u Borg ikunu onesti dwar il-prezz tal-politika li jipproponu. 

Għax fl-aħħar mill-aħħar, xejn mhu tassew b’xejn. Xi ħadd dejjem iħallas għalih. 

More in Politika