
Ejja nippruvaw nifhmu lil Ian Borg
Borg ma jistax jiġi deskritt bħala politiku limitat jew fallut, anzi huwa politiku kawt u inċiżiv, li jidher li qed iwassal il-barkun sal-pont, u fuq kollox huwa persuna li jtik l-impressjoni li jaf x’inhu jagħmel.

Ian Borg ilu jurina bl-azzjonijiet tiegħu li huwa politikant li jammira lil Donald Trump. Kien fost il-ftit mexxejja politiċi Ewropej mistiedna għall-inawgurazzjoni tal-President Trump f’Jannar. Giorgia Meloni, il-politiku tal-lemin u l-Prim Ministru Taljana kienet oħra. Matul din is-sena rajna lil Borg jitkellem b’mod kawt immens dwar l-azzjonijiet tal-Amerka jew inkella tal-Gvern ta’ Iżrael. Issa nifhmu għaliex.
Mhux xi sigriet li Borg jammira lil Donald Trump. Borg huwa politiku rispettat lokalment u għandu stima kbira mingħand ħafna nies. Imma ħafna llum qed jistaqsu jekk verament għandux il-kultura politika u l-apprezzament tal-politika soċjal-demokratika. Ftit li xejn tisma’ diskors minnu dwar prinċipji socjalisti jew temi soċjali. Li huwa annimal politiku iva, imma li jħaddan politika tax-xellug żgur li le.
Borg ma jistax jiġi deskritt bħala politiku limitat jew fallut, anzi huwa politiku kawt u inċiżiv, li jidher li qed iwassal il-barkun sal-pont, u fuq kollox huwa persuna li jtik l-impressjoni li jaf x’inhu jagħmel.
Huwa ċar li qabel ma ħarġet l-aħbar li kien se jinnomina lil Trump, Borg għamel il-kalkoli politiċi tiegħu. Huwa jaf li b’din mossa singulari kien se jispiċċa rikonoxxut minn Trump personalment u mill-Gvern Amerikan, sew personalment, u sew bħala pajjiż. Wara li Malta rrikonoxxiet lill-Palestina, din il-mossa kienet waħda viżibbilment apprezzata mill-Amerikani.
Imma din in-nominazzjoni tistona. Tistona għaliex Donald Trump huwa l-politiku li fuq kull livell jikkonfronta s-sewwa magħruf u r-ruħ soċjali. Meta niftakru x’għamel fuq il-migranti, lil nies ta’ ġeneru differenti, il-mod kif tratta lill-barranin f’pajjiżu, il-mod kif ikkalpesta min hu kontrih jew esprima lilu kontrih, id-diskorsi perikolużi fuq l-Ukrajna, il-fatt li ma jirrikonoxxix il-Qorti Internazzjonali għad-Drittijiet Umani, u fuq kollox il-politika li jimla lil Iżrael b’armi potenti biex iwettqu ġenoċidju … ma nistgħux nifhmu kif Ian Borg jasal biex fil-kuruturi ta’ moħħu jipproponi lil dan il-politiku miġnun.
Borg ċertament mhux se jaqa’ fil-popolarità imma ċertament naqas fl-istima fost dawk li huma Laburisti u jemmnu li l-Partit Laburista jrid ikollu ruħ u mhux sempliċement magna biex tirbaħ l-elezzjonijiet.
Il-Partit Laburista kellu nies viżjonarji; Joseph Muscat, l-Eks Prim Ministru Laburista kien wieħed u kellu viżjoni politika minkejja li kien jippreferi lil Trump għal Biden, u llum, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar naraw Partit Laburista li, mhux biss resaq għaċ-ċentru u sar lemini f’ċerti istanzi, imma tilef ruħu.
Ian Borg għandu tiegħu. Ukoll itik l-impressjoni li qisu aktar jinteressah kif jidher mal-Gvern Amerikan u barra minn Malta milli f’Malta.
Malta ma tistax tkun prużuntuża fid-dinja diplomatika, imma lanqas għandha tkun servili u bla prinċipju. Wisq aktar servili lill-istat Amerikan u lil Donald Trump, persuna li b’għemilu għamel aktar ħsara milli ġid bil-kliem li ħareġ – u għadu joħroġ – minn ħalqu u bl-azzjonijiet oxxeni tiegħu u r-rekord tiegħu li jaħdem kontra s-saltna tad-dritt.
Apparti l-istorja personali tiegħu bħala persuna li evada t-taxxa, xtara prostituta biex tibqa’ siekta, għex fiċ-ċrieki tal-pedofli, u wisq aktar innega proċess elettorali u demokratiku u ppremja lil min kisser u qatel.