Minn teatru jew ċinema għall-mużew iddedikat għal Mintoff; Ir-Rialto mill-lenti tal-Bormliżi

Il-gazzetta ILLUM tkompli bl-analiżi dwar ir-Rialto f’Bormla. Din id-darba il-gazzetta tkellmet mal-Bormliżi dwar x’jixtiequ li jsir mir-Rialto

Ir-Rialto hu meqjus bħala ġawhra tal-Kottonera minn bosta persuni, mhux biss residenti. Wara l-konversazzjoni li kellha l-gazzetta ILLUM mal-inġinier ċivili u l-istoriku Marc Zimmermann, il-gazzetta waslet biex fehmet ħafna mir-raġunijiet għaliex ir-Rialto hu maħbub minn bosta.

Biex tkompli tifhem aktar fuq ir-Rialto, il-gazzetta marret fit-toroq ta’ din il-belt. Fil-pjazzetta ta' ħdejn ir-Rialto, taħt il-monument tal-eks-Prim Ministru Dom Mintoff, il-gazzetta bdiet triqitha biex tiltaqa’ mal-Bormliżi. Il-mistoqsija kienet sempliċi; x’tixtieq li jsir minnu r-Rialto? +

X’qalulna l-Bormliżi?

Nhar il-Erbgħa waranofsinhar, hekk kif ix-xemx inkiet il-ħġieġ blu tar-Rialto, ġurnalista tal-gazzetta ILLUM poġġiet bilqegħda mal-ewwel klikka ta’ Bormliżi li rat. 

Kollha kemm huma irġiel, b’te fit-tazza f’idejhom, kollha wieġbu li jridu lir-Rialto jerġa’ jiftaħ. Ftit mumenti wara qabdu diskussjoni bejniethom dwar x’jixtiquh isir. 

Ma kinetx sorpriża li l-maġġoranza tal-Bormliżi li kelmet din il-gazzetta, qablu li r-Rialto għandu jerġa jingħata ir-ruħ basta jkun miftuħ għall-pubbliku. Bħalissa r-Rialto jinsab fi stat kważi ta’ abandun. Fil-fatt jintużaw biss xi partijiet minnu darba f’mitt qamar għall-avvenimenti bħal dawk tal-immudelar, tal-Partit Laburista jew produzzjonijiet teatrali. 

Ma kienetx sorpriża wkoll li l-maġġoranza tan-nies ħassew li r-Rialto qed jinħela u li l-espressjoni tal-interess (EOI) min-naħa tal-Partit Laburista ġiet f’ħin opportun. Kienu tnejn min-nies minn 20 li qalu li lilhom ma tafettwahomx x’jiġri mir-Rialto.

Kumpless tal-ħwienet u teatru

Lura għad-diskussjoni taħraq bejn l-irġiel. Wieħed mill-irġiel li kien imdaħħal sew fl-eta' rrakonta kif jiftakar ir-Rialto fl-aqwa żmien. Hu qal lill-ILLUM li kien iħossu kburi meta jgħaddi minn ħdejh anke jekk mhux dejjem seta’ jidħol jara’ x’ikun qed jiġri ġo fih.

L-istess anzjan fakkar li la darba l-EOI tal-PL tirrikori kemm lejn ir-Rialto u anke lejn ir-residenza, mela il-binja se tkun waħda ta’ kobor mhux ħażin. Skont hu din hi opportunita’ eċċezzjonali biex jinfetaħ kumpless tal-ħwienet kif ukoll teatru. Ir-raġunament hu li jkollok kumpless li jressaq negozji lejn Bormla  iżda ma jintilifx l-aspett ta’ arti u kultura fl-istess waqt.

Hawn fejn beda’ dibattitu ġdid, din id-darba fuq il-parkeġġ. Raġel li kien bilqegħda quddiem l-anzjan argumenta li Bormla diġà għandha problema ta’ parkeġġ u jekk proposta bħal din iseħħ il-problema teskala iktar.

Tajjeb li ngħidu li dan id-dibattitu, il-gazzetta semahtu iktar minn darba fil-fatt Ir-residenti li tkellmet magħhom wara, ukoll ippuntaw lejn il-fatt li ladarba dan il-post jiġi rinovat, irid isir ħsieb fuq il-parkeġġ ukoll. 

Il-maġġoranza jixtiequ xi ħaġa rrilatata mal-arti u l-kultura

Il-maġġoranza jixtiequ xi ħaġa rrilatata mal-arti u l-kuluuratal-Bormliżi li tkellmet magħhom il-gazzetta ILLUM urew xewqa li f’Bormla jkun hemm aktar spazji ddedikati lill-arti u l-kultura. 

Dan wera’ li dak li d-Deputat u l-kap tal-Fondazzjoni Kottonera, Glenn Beddingfield qal lill-gazzetta ILLUM ħmistax ilu hu l-ħsieb ta’ bosta Bormliżi wkoll. Hu kien qal li l-Kottonera hi nieqsa ħafna minn dawn it-tip ta' spazji kulturali u li huma meħtieġa.

Mill-20 persuna li kellmet il-gazzetta, 11 minnhom qablu li r-Rialto għandu jkun ċentru ta’ divertiment bħal ċinema jew teatru. Il-Bormliżi tant iħobbuha l-arti u l-kultura li Bormla tibqa’ l-unika lokalità li annwalment itella’ festival ta’ drammi qosra.

Dan hu l-Cospicua Short Play Festival li jitella’ fit-toroq ta’ Bormla kull sajf u jinkludi jumejn ta’ drammi. Dan kollu jiġi iffinanzjat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla. Il-festival innifsu jiġbed bosta persuni lejn Bormla u numru ta’ residenti semmew li din hi l-opportunità biex ikollhom attivatijiet bħal dawn is-sena kollha grazzi għal din il-binja.

B'kumbinazzjoni wieħed mill-Bormliżi li tkelmet magħhom din il-gazzetta kien propju l-Viċi Sindku ta’ din il-belt, Marco Aguis. Il-Viċi Sindku bħal kumplament tar-residenti qabel li r-Rialto m’għandux jibqa’ abbandunat u qal li jixtieq jekk isir xi ħaġa relatata mal-arti u kultura.

Mużew

It-tieni klikka ta’ rġiel li ltaqgħet magħhom din il-gazzetta mitluqa fuq bank fl-istess pjazzetta qalu li jixtiequh jsir mużew. Mistqosija ta’ xhiex jiftħu l-mużew kieku kienet f’idejhom id-deċiżjoni, it-tliett irġiel kollha ħarġu b’idea differenti.

L-ewwel wieħed qal li m’hemmx għalfejn il-binja kollha tkun mużew imma jixtieq li kieku tinżamm rokna x’imkien fil-binja dedikata lir-Rialto l-oriġinali u dak kollu li jinsab fih issa. 

It-tieni raġel qal li jixtieq kieku jsir mużew deddikat lil Bormla jew lil Kottonera. Fih hu kien ipoġġi dak kollu li jagħmilhom dak li huma illum fosthom fdalijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija.

It-tielet raġel ħareġ b’idea oħra innovattiva. Hu qal li jixtieq li jsir mużew għall-Partit Laburista b’mod speċjali s-snin ta’ Mintoff fil-partit. 

Dom Mintoff u r-Rialto

Bħal kull binja storika oħra, r-Rialto wkoll għandu xnieha marbuta miegħu. Din ix-xnieha l-gazzetta semgħatha kemm mir-residenti kif ukoll mill-inġinier ċivili Marc Zimmermann stess. 

Il-Bormliżi jgħidu li meta iċ-ċinema tar-Rialto għalqet fl-1988, in-nies tal-Kottonera ġabru donazzjonijiet ta’ Għaxar Liri Maltin -ir-ras. Dawn id-donazzjonijiet waslu biex il-Partit Laburista jkun jista’ jixtri r-Rialto. In-nies ġew ikkontrubwixxew għal nofs il-binja filwaqt li skont ix-xnieha, in-nofs l-ieħor inxtara mill-but personali ta’ Dom Mintoff. 

Din hi waħda mir-raġunijiet għaliex it-tielet raġel xtaq li jiddedika l-mużew lill-partit b’mod speċjali lil Dom Mintoff. 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Marc Zimmermann li studja r-Rialto fid-dettall għal bosta snin rigward dan. Hu żvela li numru ta’ residenti saħansitra urewh irċevuti tad-donazzjoni iżda ix-xnieha li Mintoff ħallas għal nofs ir-Rialto, qatt ma sab evidenza għaliha. 

Iktar dwar l-Istorja tar-Rialto u dak li qal Zimmermann lill-gazzetta ILLUM

"Huwa impossibbli li r-Rialto jkun ċinema biss... ma tkunx sostenibbli, peress li għandu sala waħda biss.  Imma tagħmel sens li l-binja tintuża bħala ċinema flimkien ma' spazju ta' arti u kreattività." Qal dan mal-gazzetta ILLUM l-Inġinier Ċivili Marc Zimmermann li jmexxi l-NGO Cinema Heritage Group. 

Kif jissuġerixxi l-isem tal-NGO, din tħares l-istorja taċ-ċinema fuq livell internazzjonali. Zimmermann spjega fid-dettall il-passat, il-preżent u l-futur tar-Rialto minn perspettiva ta’ inġinier li dejjem ħadem għall-konservazzjoni tal-bini kif ukoll ta' storiku.

Il-binja tar-Rialto hija protetta bi Grad 2 mill-Awtorità tal-Ippjanar, li jfisser illi għandha element ta' interess storiku u arkitettoniku jew inkella tikkontribwixxi għall-immaġini viżwali ta' Żona ta' Konservazzjoni Urbana. B'din il-protezzjoni, ir-Rialto ma jistax jitwaqqa u alterazzjonijiet fuq ġewwa tal-binja jitħallew isiru biss jekk huma sensittivi għall-binja u huma tal-inqas detriment għall-karattru u l-arkitettura.

Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija sal-aħħar tal-1980

Oriġinarjament r-Rialto kien jeżisti ftit passi 'l bogħod minn dak eżistenti. Kif nafu t-tlett ibliet kienu fost dawk li l-aktar sofrew fit-Tieni Gwerra Dinjija u r-Rialto l-oriġinali kien wieħed mill-binjiet li ġġarfu f’dawn in-naħat. Kien għalhekk li l-Bormliżi ħassew l-bżonn li jinbena Rialto l-"ġdid". 

Din il-binja bdiet tinbena fl-1954 taħt id-diżinn tal-perit Edwin England Sant Fournier u bdiet topera fl-1956. Ir-Rialto fl-aqwa tiegħu kien jilqa’ sa 1,100 spettatur u għalhekk kien meqjus bħala wieħed mill-ikbar swali taċ-ċinema ta’ dawk iż-żminijiet.

Mibni fuq l-istil ‘art-moderne’ li hu taħlita tal-20ijiet u l-50ijiet, ir-Rialto kien jinkludi Cinemascope u sistema ta' ħoss stereofoniku li għandhom hemm sal-ġurnata tal-lum. 

Wara snin ta’ suċċess, r-Rialto għalaq il-bibien għall-pubbiku fl-1988 u ftit wara il-Partit Laburista ħadu f’idejh. Din il-binja kienet serviet bħala kwartieri għall-konferenzi tal-partit fi żmien Mintoff, għall-diversi snin, sakemm il-PL mexa għal Mile End fil-Ħamrun.

Fl-istess binja tar-Rialto kien hemm ukoll restaurant żgħir fuq in-naħa tax-xellug u l-bank tal-Barclays fuq il-lemin. Mal-għeluq tar-Rialto, il-bank mexa għal dik li qabel kienet id-daħla prinċipali tal-binja filwaqt li r-restaurant għalaq maż-żmien. 

Fis-snin 2000

Fil-bidu tal-2000ijiet saret ħsara kbira fuq ġewwa tal-binja iżda qatt ma kien konkluż jekk kienx każ ta’ vandaliżmu jew sempliċiment bejta ħamiem li użat ir-Rialto bħala santwarju tagħhom.

FL-2009, l-NGO Cinema Heritage Group qabdet id-diskussjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex numru ta’ swali taċ-ċinema f’Malta jiġu restawrati, fosthom ir-Rialto.

L-NGO ippreżentat studju lill-Awtorità li jinkludi mhux biss x’fih minn ġewwa u barra il-bini iżda wkoll fuq l-impatt li ħalla r-Rialto fuq il-Bormliżi.

L-Awtorità  għarfet is-sinifikat wara r-Rialto u min hemm bdiet tipproteġi il-binja bit-tieni grad. 

L-espressjoni tal-interess maħruġa mill-PL u dak li żvelat l-ILLUM 

Il-Partit Laburista ppubblika espressjoni ta’ interess (EOI) li ssejjaħ għal kunċetti kummerċjali u ta' negozju "ta' livell għoli  għall-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tas-sit" kemm fuq ir-Rialto innifsu u fuq residenza li tinsab ħdejh. Dan filwaqt li jibqgħu sidien tal-proprjetà.

Bosta urew interess fil-passat fosthom l-imprenditur Ġordaniż Hani Salah minn Sadeen Group. Dan kien il-moħħ wara ftuħ kontroversjali tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), li tinsab eżattament faċċata tar-Rialto. 

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li Joseph Portelli kien wera interess f’din l-EOI, ftit wara li sar President tal-regatta. Din id-darba mid-dehra ma kienx Joseph Portelli biss li wera’ interess fuq il-binja. 

Skont l-EOI sa Diċembru trid tittieħed deċiżjoni finali fuq il-futur tar-Rialto u għalhekk il-gazzetta ILLUM saqsiet lil Marc Zmerman x’inhi l-proposta tal-NGO.

Aqra wkoll:

More in Socjali