184 persuna li kienu Malta bla permess jintbgħatu lejn il-pajjiż li minnu ġew

Huwa mifhum li uħud minn dawn intbgħatu fil-pajjiż li fih għandhom id-dritt għall-ażil

Bħala parti mill-ħidma marbuta ma’ operazzjonijiet tal-pulizija u forzi tal-ordni oħra fil-lokalitajiet fl-aħħar jiem kienu kkordinati titjiriet biex persuni li nstabu jgħixu f’Malta illegalment ma jibqgħux f’pajjiżna. Fl-operazzjonijiet tal-aħħar ġimgħat kienu arrestati 208 persuni li nstabu jgħixu f’Malta illegalment.

Fil-fatt minnufih beda x-xogħol biex dawn il-persuni ma jibqgħux f’Malta. 184 persuna diġà ma għadhomx f’pajjiżna u l-ħidma għadha għaddejja b’rabta mal-kumplament tal-persuni.

Fl-aħħar ġimgħat din il-ħidma kkordinata tat attenzjoni partikolari lil Raħal Ġdid, il-Fgura, il-Marsa, il-Ħamrun, Ħ’Attard, Buġibba, San Pawl il-Baħar u Għawdex. Fl-istess ħidma kien identifikat allegat ksur ta’ liġi ieħor tant li persuni tressqu l-qorti.

Skont l-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, din il-ħidma fil-qalba tal-lokalitajiet hi parti minn strateġija maħsuba bil-għan li "jkollna lokalitajiet iktar siguri fejn jintbagħat messaġġ ċar li l-ksur tal-liġi ma għandux ikun ittollerat. Lanqas hu ttollerat li l-istatus irregolari ta’ persuni fostna jwassal biex huma jkunu sfruttati u għalhekk ittieħdu passi li jwasslu dan il-messaġġ ċar."

Il-Gvern qal li n-nazzjonalitajiet ta' dawn il-persuni kienu jvarjaw. Fil-fatt kompla jgħid li kien hemm persuni minn diversi pajjiżi Afrikani, Ażjatiċi, mil-Lvant tal-Ewropa, u mill-Amerka t’Isfel. Minkejja dan ma jfissirx li neċessarjament se jintbgħatu lura lejn il-pajjiż t'oriġinu iżda jista' li se jintbgħatu lejn dak il-pajjiż li huma għandhom l-ażil, jiġifieri l-pajjiż li fih jistgħu jgħixu u jaħdmu. 

More in Kronaka