Lejl impenjattiv għall-Pulizija; Arrestati 49 persuna oħra li kienu f'Malta illegalment

L-arresti seħħew kollha fil-Marsa bil-Ministru Camilleri jgħid li l-ħidma se tissokta u tissaħħaħ fil-ġimgħat li ġejjin

Matul il-lejl li għadda, minkejja l-maltemp, il-Pulizija arrestat 49 persuna oħra li kienu qed jgħixu f'Malta illegalment. Ir-rejd li sar fl-aħħar sigħat kien wieħed minn sensiela ta' rejd simili li saru fl-aħħar ġimgħat.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri li spjega kif ir-rejd tal-aħħar lejl kien akkumpanjat ukoll minn  ħidma kontra d-droga u l-kriminalità organizzata.

L-arresti saru kollha fil-Marsa bil-Ministru jgħid li mill-ewwel beda l-proċess biex dawn il-persuni jkunu rritornati lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu. 

Matul dawn l-ispezzjonijiet ġew issiġillati propjetajiet u anke ġie maqtugħ is-servizz tad-dawl u l-ilma.

"Dawn ir-rejds qed isiru bħala parti minn pjan tal-istess awtoritajiet li permezz tiegħu qed jattakkaw l-immigrazzjoni rregolari u allura dawk il-persuni li qed jgħixu f’pajjiżna b’mod illegali. Permezz tagħhom qed jintbagħat messaġġ ċar u sod li pajjiżna mhuwiex miftuħ għal dawk li ma josservawx il-liġi," qal il-Ministru.

Insista wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin din il-ħidma "se tissokta u tissaħħaħ," u ser ikunu qed ikomplu jsiru għadd ta’ operazzjonijiet simili madwar il-pajjiz.

More in Kronaka