“Se nżomm f’moħħi li das-siġġu mhux etern”

Chris Agius dwar il-ħatra ġdida tiegħu, il-mogħdija li se jaqbad u l-proġetti għall-pajjiż żgħir b’potenzjal kbir

Twieled, għex u trabba Bormla u jafuh bħala l-Wefi
Twieled, għex u trabba Bormla u jafuh bħala l-Wefi

Chris Agius ilu involut fil-politika ħafna snin u ġie elett l-ewwel darba fl-1996 meta tela’ l-partit Laburista fil-gvern immexxi minn Dr Alfred Sant. Fl-aħħar elezzjoni ġie elett permezz ta’ elezzjoni każwali u għaldaqstant qatt ma ppretenda li jkun mgħajjat mill-Prim Ministru biex jingħata xi inkarigu uffiċjali.

X’kienu l-ewwel ħsibijiet tiegħek kif ġejt mgħarraf mill-Prim Ministru li ser jagħtik din il-kariga?
Kont ippreparat biex nara logħba futbol id-dar meta f’daqqa waħda permezz tal-webportal MaltaToday bdejt insegwi l-aħbar li l-Prim Ministru kien qiegħed il-Girgenti u li kien hemm numru ta’ kollegi li kienu qed jiġu mgħajta sabiex ikellimhom. Bdejt insegwi kif wieħed wara l-ieħor kienu deħlin u wara ċertu ħin assumejt li la ma kontx għadni smajt xejn, kont se nkompli nsegwi l-logħba iżda fil-pront irċevejt telefonata, il-Prim Ministru xtaq ikellimni immedjatament.
Inħsadt għax għalkemm il-Prim Ministru kien qalli biex inkun ippreparat għal kull eventwalità, nigdeb jekk ngħid li ma bdejtx nirtogħod. Tlaqt kollox minn idejja u b’eċitament liema bħalu u elf ħsieb ieħor għaddej minn moħħi wasalt il-Girgenti.
X’kont tagħmel kieku l-Prim Ministru offrielek xi dekasteru ieħor flok dak li fil-fatt tak?

Il-Prim Ministru jafni sew lili u kont ċert li jekk se joffrili xi ħaġa kienet se tkun xi ħaġa li se tkun fil-kompetenza tiegħi kif fil-fatt ġara.

X’ġara malli wasalt?
Hekk kif wasalt insib lill-kollega Dr Justyne Caruana ħierġa bi tbissima. Kemm fraħtilha u ħadtilha b’idejha u dħalt immedjatament ħdejn il-Prim Ministru li kien qed jistennieni. Sejjaħli kif jafni kulħadd bħala Wefi u talabni npoġġi. Hemmhekk infurmani li se joffrili d-dekasteru li għandi llum u qalli li hu jemmen li jien se nagħmel biċċa xogħol tajba. Saħaq miegħi li jekk ikolli xi diffikultà, dejjem hemm fejn u min nistaqsi. Ma domniex aktar minn ftit minuti. Irringrazzjajtu u bħal ma dħalt eċitat, hekk ukoll erġajt ħriġt. Kien hemm numru ta’ ġurnalisti imma ma tajt l-ebda kumment għax ħassejt li dak hu kompitu tal-Prim Ministru biex iħabbar dak li kien qed iseħħ però sakemm wasalt id-dar, it-telefon kien diġà beda jdoqq għax l-aħbar kienet diġà ħarġet.

Diġà kont il-kelliem tal-Partit Laburista dwar l-isports kif ukoll riċentament kont Chairman tal-Board għar-riforma fl-isports. Issa li int responsabbli minn dan il-qasam, x’se jkunu l-ewwel prijoritajiet li se tkun qed taħdem fuqhom fil-ġimgħat u xhur li ġejjin?
Bħala board għamilna ħafna xogħol u billi kollha konna ġejjin mill-qasam sportiv, kellna ħafna ideat, uħud minnhom komuni, u allura stajna nimxu aħjar. Dawn il-punti jien issa se nsibhom ferm utli biex inkun nista’ nimxi ’l quddiem. Il-fatt li għandi konoxxenza tal-għaqdiet sportivi kollha u naf il-ħtiġijiet li għandhom, se jgħini sabiex minnufih nipprepara pjan li jkun jista’ jitwettaq fil-matul il-kumplament tal-leġiżlatura. Diġà kkunttatjawni ħafna għaqdiet sabiex inkomplu dak li kien diġà beda jibni fuqu l-kollega Stefan Buontempo u allura ninsab fiduċjuz li naslu fl-aħjar interess ta’ kulħadd. Għandi tim tajjeb li qed jaħdem miegħi u se nkomplu ninvestu ma’ dak li diġà sar u ser nagħtu attenzjoni partikolari anke lill-isport minuri li ħafna drabi ma kienx jingħata l-attenzjoni mistħoqqa bħal sports ieħor li jkun iżjed popolari.

“Irċevejt telefonata, il-Prim Ministru xtaq ikellimni immedjatament”

Iż-żgħażagħ qed ikollhom opportunitajiet biżżejjed fejn jistgħu jiżviluppaw it-talenti sportivi tagħhom professjonalment sa minn kmieni?
Jien nemmen li ċ-ċokon ta’ pajjiżna kultant jaffettwa wkoll l-isports. Il-popolazzjoni sportiva ta’ pajjiżna hi dik li hi u għalkemm żgħar xorta għandna individwi li għamlu isem bħal William Chetcuti u diversi nies oħra kif ukoll għandna timijiet sportivi li sejrin tajjeb ukoll bħalma huma t-tim nazzjonali tal-waterpolo, kellna suċċessi fir-Rugby, il-Billiard u l-Pool fost oħrajn. Nemmen li nistgħu nagħmlu iżjed però dejjem irridu nżommu quddiem għajnejna li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna hi ta’ ftit iżjed minn erba’ mitt elf u allura ċerta limitazzjonijiet jibqgħu magħna. Irridu wkoll noħorġu b’ideat ġodda anke fejn jidħlu l-flus għax saret drawwa li niddependu biss fuq il-Gvern u għalhekk irridu naraw x’qed jagħmlu pajjiżi żgħar oħra li minkejja ċ-ċokon tagħhom l-isports ta’ pajjiżhom xorta mexa ’l quddiem bħal ma ġara f’Ċipru.

X’taħseb dwar l-iżvilupp ta’ kulleġġi tematiċi bħal ma’ nħoloq fil-kulleġġ San Benedittu li qed jagħti prijorità lill-isport?
Fil-fatt in-National School of Sports hija skola sekondarja li tibda minn Form 1 u l-Assoċjazzjonijiet li jaħdmu ma’ l-iskola jirrakomandaw studenti li jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet sportivi tagħhom. Din l-iskola issa qiegħda fit-tielet sena tagħha u hemm il-ħsieb li timxi lejn Pembroke. Però iva hemm ideat oħra li rridu niddiskutuhom dwar kif jistgħu jsiru dawn l-affarijiet u fil-jiem li ġejjin se nkun qed niltaqa’ mal-Ministru tal-Edukazzjoni u flimkien naraw x’qed isir f’pajjiżi oħra.

“Dan hu siġġu li jrid jissarraf f’xogħol, u tiegħu rrid nagħti rendikont”

U fejn jidħlu ż-żgħażagħ inġenerali, dawk mhux sportivi, x’se tkun qed tagħmel fir-rigward tagħhom?
Id-Dekasteru tiegħi responsabbli miż-żgħażagħ kollha u allura jien se nkun qed naħdem ma’ Ministeri oħra, bħal ma’ huma l-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici u oħrajn fejn jidħlu ż-żgħażagħ. Ma ninsewx li hawnhekk għandna l-Aġenzija Żgħażagħ, li magħha hemm persuni apposta sabiex jisimgħu u jaraw x’inhuma l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet tagħhom u għalkemm għadni fl-ewwel jiem tiegħi nwiegħed li se nagħti l-importanza kollha ugwali.

Il-Gvern stqarr li qed ipoġġi r-Riċerka u l-Innovazzjoni fuq l-aġenda nazzjonali biex tinkiseb sostenibbiltà ekonomika, xi jfisser dan kollu eżattament u fiex se jiżviluppa eventwalment?
Jiena qrajt ħafna fuq riċerka u innovazzjoni għax din hija xi ħaġa ġdida għalija u l-Ewropa qed tagħti ħafna importanza lil dan is-settur. Naħseb li bħala pajjiż għadna lura u naħseb li se tkun sfida sabiex nilħqu l-miri tagħna fuq kemm se nipproduċu riċerka u innovazzjoni. Diġà ltqajt ma’ nies involuti għax ir-riċerka u l-innovazzjoni qiegħda hemm sabiex nagħmlu ħajja aħjar għal kulħadd u dan iġib miegħu ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’pajjiżna. Hemm ħafna nies involuti u ċerti li bl-għajnuna minn naħa tal-gvern u għajnuna mill-Unjoni Ewropea nkunu nistgħu nimxu aktar ’il qudiem f’dan is-settur. Li hu żgur hu, li bħalissa ħafna ideat u riċerka qed jintilfu u għalhekk, ftit ilu ġiet imnedija Voucher Scheme, maħruġa mill-MCST, li tgħin lil min għandu idejat sabiex ikunu jistgħu fejn jingħataw linji gwida dwar il-viabbiltà tal-proġett kif ukoll ilaħħqu mal-ispejjeż bħal ma huma r-reġistrazzjonijiet ta’ patents.

“Meta taqsam l-ideat hemm aktar ċans li joħroġ il-frott fl-interess nazzjonali”

Horizon 2020 hu programm tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni b’baġit ta’ ’l fuq minn €80 biljun u li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ħolqien u tkabbir ta’ mpjiegi fl-Ewropa – kif se tibbenefika minnu Malta u x’qed isir bħalissa?
Il-Horizon 2020 ġie wara l-FP7 liema programm kien wisq burokratiku biex tapplika għalih u għalhekk diversi nies kienu jaqtgħu qalbhom sabiex japplikaw. Xorta però, għalkemm persentaġġ żgħir, kien hemm xi Maltin li bbenefikaw minn dawn il-fondi. Horizon 2020 inħoloq bl-iskop li jkun aktar aċċessibbli għal min japplika u hu mifrux fuq diversi stadji, b’hekk wieħed jista’ jingħata l-għajnuna f’perjodi differenti skont ma tkun qed tiġi żviluppata r-riċerka jew innovazzjoni. Fil-fatt, fi Frar li għadda saret konferenza f’pajjiżna fejn ġie varat dan il-programm u kellna anke opportunitajiet ta’ networking ma’ riċerkaturi minn barra li ngħaqdu magħna. Kien hemm ’il fuq minn 250 riċerkatur Malti, li jfisser li hemm interess qawwi f’dan is-settur. U fil-ġimgħat li ġejjin ħa nkunu qed iniedu l-istrateġija nazzjonali fuq riċerka u innovazzjoni li bħalissa tinsab fil-fażi finali u li saret b’konsultazzjoni sħiħa mal-MCST.

 Int illum tinsab hawn frott ta’ reshuffle fil-kabinett li seħħet ħmistax ilu. Kemm se tkun qed iżżomm dan il-fattur f’moħħok waqt ħidmietek u l-fatt li tista’ terġa’ sseħħ?
Meta Clyde Puli kien fis-siġġu li ninsab fih jien illum, hu kien iżommni infurmat b’dak kollu li kien ta’ interess li jaqsam miegħi. Kien anke jikkonsulta miegħi fejn kien iħoss il-ħtieġa u nista’ ngħid li ħdimna tajjeb ħafna flimkien u b’rispett reċiproku. Mhux dejjem qbilna però meta taqsam l-ideat hemm aktar ċans li joħroġ il-frott fl-interess nazzjonali. Nemmen li kien esperiment tajjeb u jien m’għandix għalfejn ma nkomplix l-istess pass mal-kelliem tal-oppożizzjoni Robert Cutajar. U għalhekk iva se nkun qed inżomm f’moħħi li dan is-siġġu mhux etern. Dan hu siġġu li jrid jissarraf f’xogħol u għalhekk hemm responsabbiltà li nagħti rendikont ta’ ħidmieti mhux biss lill-Prim Ministru imma anke lill-poplu, kif wara kollox hu xieraq.

More in Intervisti