‘Għadna wkoll qed nistennew li jitwettqu l-wegħdiet tal-manifest elettorali dwar il-PREP/PEP b’xejn’

Wara l-kawża: Il-gazzetta ILLUM iddur fuq l-għaqdiet fil-qalba tal-komunità li jaħdmu u jistinkaw għal valuri li huma jħaddnu. Din il-ġimgħa nitkellmu mal-Malta LGBTIQ+ Rights Movement magħrufa wkoll bħala MGRM. 

Qed insibu ħafna bibien magħluqin fejn tidħol l-għajnuna għall-persuni LGBTIQ li qed ifittxu l-ażil u third country nationals’
Qed insibu ħafna bibien magħluqin fejn tidħol l-għajnuna għall-persuni LGBTIQ li qed ifittxu l-ażil u third country nationals’

 

 X’inhuma l-ikbar sfidi li qed tesperjenzaw bħalissa? 

Waħda mill-akbar sfidi li qed naffaċċjaw bħalissa hija n-nuqqas ta’ psikjatra fil-Gender Wellbeing Clinic. Persuni trans jinsabu f’limbu, u hemm numru kbir li ilhom jistennew l-appuntament tagħhom għal aktar minn sena. 

Bħalissa hemm ukoll numru ta’ persuni LGBTIQ+ fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi li ilhom jitolbu lill-avukati tagħhom biex jitkellmu ma’ social workers professjonali tal-MGRM u RSS (Rainbow Support Service). Hemm min ċemplilna direttament bit-telefown, jew ġibdulna l-attenzjoni ħbieb tagħhom fil-komunità LGBTIQ+ lokali. L-awtoritajiet qegħdin kontinwament jinjoraw jew jirrifjutaw it-talbiet tagħna biex inżuruhom, minkejja li qed insegwu r-regoli tagħhom u lesti li nikkoperaw. Il-politika aġġornata tagħhom tafferma b’mod ċar id-dritt tal-NGOs li jkollhom aċċess għad-detenuti, però xorta m'għandna l-ebda spjegazzjoni konkreta għala qed jinjorawna.  

Għadna wkoll qed nistennew li jitwettqu l-wegħdiet tal-manifest elettorali dwar il-PREP/PEP b’xejn, kif ukoll ir-riunifikazzjoni tal-familji għal refuġjati kwir u l-konferma tal-ġeneru fuq il-Karta tal-Identità għal TCNs. L-emendi fil-politika tas-saħħa sesswali ma jeskludux mediċini essenzjali bħall-kura tal-HIV. Dawn il-kwistjonijiet kollha qed jolqtu numru sinifikanti ta’ persuni mill-komunità lokali. 

 

Kif tirreklutaw, tħarrġu, u żżommu l-voluntiera?  

Il-voluntiera normalment jilħquna permezz tas-sit elettroniku jew tal-midja soċjali, fejn jesprimu l-interess tagħhom li jikkontribwixxu. Fil-bidu, dejjem niltaqgħu magħhom biex nifhmu x’inhuma l-interessi tagħhom u fuq xiex jixtiequ jaħdmu, kemm fuq livell personali, kif ukoll professjonali, sabiex nassiguraw li x-xogħol li jingħataw ikun ta’ benefiċċju għalihom. 

Bħala MGRM, għandna numru ta’ Working Groups speċjalizzati biex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu fuq affarijiet li jinteressawhom, inkluż Attivitajiet u Ġbir ta’ Fondi, Midja Soċjali, Saħħa Sesswali, u Ażil/Migrazzjoni. 

Kultant norganizzaw ukoll taħriġ u attivitajiet ta’ team building biex il-voluntiera jsiru jafu lil xulxin aħjar filwaqt li jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. 

 

Kemm hemm nies li għadhom lesti jiddedikaw ħinhom għal għaqdiet soċjali?  

Din dejjem tiddependi mis-sitwazzjoni tal-persuna – aħna dejjem insostnu li l-voluntiera jaħdmu kemm jistgħu skont ix-xogħol jew l-istudji tagħhom, u ma nitfgħux pressjoni żejda. Is-soltu, l-ammont ta’ għajnuna li jkollna fis-sajf tiżdied, speċjalment miż-żgħażagħ u nies li jaħdmu fis-settur tal-Edukazzjoni. Ikollna wkoll ħafna interess minn nies barranin li jixtiequ jkunu parti mill-komunità, u jintegraw ma’ nies oħra lokalment.  

 

L-ammont ta’ żgħażagħ li qed jissieħbu magħkom qed jonqos jew jiżdied?  

F’dawn l-aħħar snin, l-attivitajiet soċjali tagħna żdiedu, u magħhom żdiedet il-preżenza tagħna fil-komunità, u l-interess taż-żgħażagħ fil-volontarjat mal-organizzazzjoni. Parti mill-MGRM hemm ukoll sottokumitat ta’ żgħażagħ, fejn jorganizzaw attivitajiet u jaħdmu fuq outreach lejn żgħażagħ oħra, filwaqt li jipparteċipaw f’workshops u seminars, kemm b’mod lokali jew internazzjonali, biex isaħħu l-attiviżmu tagħhom.  

 

Tista’ taqsam storja jew eżempju wieħed ta’ kif l-NGO ħalliet impatt tanġibbli? 

Diffiċli ħafna li nsibu  eżempju wieħed, però l-liġijiet li għandna bħalissa qegħdin hemm permezz tal-ħidma kontinwa mill-attivisti u NGO’s. Però jekk qed nitkellmu fuq il-preżent, ix-xogħol li jagħmlu s-social workers tar-Rainbow Support Service narawh f’nies fil-komunità li jattendu l-ispazji soċjali tagħna, kif kibru fil-kunfidenza u jsiru aktar komdi bihom infushom. Fl-2024, ir-Rainbow Support Service raw 199 każ (li wkoll jinkludu familji u koppji), b’total ta’ 1,022 intervent, u x-xogħol siewi tagħhom jinħass u jħalli impatt qawwi. 

 

X’tip ta’ appoġġ (finanzjarju, riżorsi umani, bidliet fil-politika) jgħin lill-organizzazzjoni tagħkom tikber? 

Il-biċċa l-kbira tal-fondi tagħna jiġu mill-ftehim PSP (Public & Social Partnership) li jingħata mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, li jgħinna fl-operat tas-servizz t’appoġġ tagħna u tal-organizzazzjoni. Għal proġetti separati, napplikaw għal diversi fondi pubbliċi, kemm lokali, kif ukoll internazzjonali, u niddependu wkoll fuq donazzjonijiet individwali u korporattivi għal attivitajiet u proġetti oħra ta’ bini tal-komunità. 

 

Kif tikkollaboraw ma’ NGOs oħra, korpi governattivi, jew negozji? 

MGRM tikkollabora ma’ numru t’organizzazzjonijiet oħra li jaqsmu l-istess etos u valuri rigward id-drittijiet umani u soċjali. Il-missjoni komuni tagħna tgħaqqadna biex naħdmu flimkien sabiex ngħixu f’pajjiż aktar sigur u inklussiv għal kulħadd. Ma’ dawn l-organizzazzjonijiet, naħdmu ħafna fuq attivitajiet soċjali, demostrazzjonijiet u ħtiġijiet soċjali. Nipprovdu u nattendu wkoll taħriġ u seminars organizzati minn entitajiet u organizzazzjonijiet oħra fuq bosta suġġetti. Nipprovdu wkoll sessjonijiet ta’ informazzjoni għal diversi negozji biex ikollhom post tax-xogħol aktar inklussiv u sigur. 

Aħna parti minn networks internazzjonali bħall-ILGA-Europe u TGEU – is-sena l-oħra ospitajna wkoll il-konferenza ta’ TGEU, fejn laqqajna kważi 200 attivist trans minn madwar l-Ewropa u l-Asja Ċentrali. 

Nifformaw ukoll parti mill-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa u dak għad-Drittijiet tal-LGBTIQ+, fejn nippruvaw nagħtu l-kontribut tagħna f’politiki governattivi differenti flimkien ma’ NGOs oħra u entitajiet politiċi. 

 

Kemm hu faċli li ssibu għajnuna jew koperazzjoni mill-Gvern jew mill-entitajiet? 

Insibu għajnuna minn ċerti korpi governattivi, bħall-Ministeru tal-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, però fejn jidħlu policies u attiviżmu, din dejjem tiddependi mill-kwistjoni partikolari. Għandna relazzjoni tajba mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, u s-SOGIGESC Unit tal-Human Right Directorate, però, bħalma semmejna l-ewwel, qed insibu ħafna bibien magħluqin fejn tidħol l-għajnuna għall-persuni LGBTIQ+ li qed ifittxu l-ażil u third country nationals, u għadna qed nistennew laqgħa mal-Ministru tas-Saħħa rigward il-Gender Wellbeing Clinic. Bħala organizzazzjoni, aħna dejjem lesti biex nikkollaboraw u niddibattu ma’ ministeri differenti fuq issues diversi. 

 

X’inhuma xi kunċetti żbaljati li għandhom in-nies dwar xogħolkom?  

Xogħolna jiffoka fuq il-ħolqien ta’ soċjetà inklussiva għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, l-età jew l-istatus soċjoekonomiku tagħhom. Aħna niffokaw fuq il-qsim tal-esperjenzi ma’ komunitajiet oħra, iżda l-ħidma tagħna tħalli wkoll effett fuq nies lil hinn mill-komunità tagħna – inkluż membri tal-familja, impjegati, kollegi, ġirien u ħbieb ta’ persuni LGBTIQ+. 

Nindirizzaw kwistjonijiet li jtejbu l-ħajja tal-familji u kull persuna f’Malta, nippromovu sistema edukattiva aktar inklussiva u miftuħa, waqt li noħolqu ambjenti ta’ sostenn għad-drittijiet tan-nisa u għal dawk li qed jaffaċċjaw inugwaljanza ekonomika. 

Ukoll, ħafna nies għadhom jaħsbu li aħna norganizzaw il-pride, però dak il-krettu jmur lejn l-ARC (Allied Rainbow Communities), li huma organizzazzjoni oħra li nikkollaboraw magħha! 

 

Taħseb li hemm nuqqas t’interess jew nuqqas t’għarfien rigward għaqdiet bħalkom? 

Nemmen li hemm ħafna interess, għax ħafna nies li jkollhom bżonn is-servizzi tagħhom, dejjem isibuna. Però fejn jidħol nuqqas t’għarfien, inħoss li xorta għad hemm nuqqas ta’ għarfien ġenerali fuq identitajiet LGBTIQ+ minn ċerti gruppi ta’ nies li forsi ma tantx iltaqgħu jew integraw ma’ persuni LGBTIQ+. Qed nippruvaw negħlbu dan billi nilħqu lill-popolazzjoni ġenerali permezz tal-midja soċjali u l-midja b’mod ġenerali, iżda dan jiddependi fuq il-politiki u l-prijoritajiet tal-istazzjonijiet u d-djar tal-midja rispettivi.  

 

Kieku tista’ tbiddel ħaġa waħda dwar is-settur tal-NGOs f’Malta xi tkun? 

Għalkemm il-proċeduri burokratiċi huma importanti biex jinżamm rekord u għal trasparenza, hemm ċerti burokraziji li jagħmluha iktar diffiċli għal grupp ta’ voluntiera biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Pereżempju, fejn jidħlu ċerti proċeduri relatati mal-finanzi u l-amministrazzjoni jista’ jkun hemm aktar appoġġ! L-organizzazzjoni tagħna – u anki ħafna organizzazzjonijiet oħrajn –  għandna riżorsi finanzjarji u umani limitati, u b’hekk ġieli nsibuha iktar diffiċli biex nilħqu l-potenzjal sħiħ tagħna. 

 

Madwar dawn l-aħħar ħames snin, rajtu bidla kbira fil-qasam kif toperaw?  

Il-pandemija tal-COVID ġabet ħafna diviżjoni, però għaqqdet ukoll. Permezz tal-komunikazzjoni diġitali, żdied ħafna x-xogħol u l-appoġġ, kemm internazzjonali, kif ukoll lokali. Il-preżenza tal-midja soċjali tagħna dejjem tibqa’ tiżdied, u bħala organizzazzjoni qed nikbru, u magħha qed jikbru l-bżonnijiet tas-servizzi. Aktar persuni qed iħossuhom komdi bihom infushom u qed ifittxu s-servizzi u l-ispazji tagħna. 

 

 

Malta LGBTIQ+ Rights Movement hija għaqda li taħdem fil-qasam soċjali billi tipprovdi appoġġ lill-komunità LGBTIQ+. L-għaqda taħdem sabiex tikseb ugwaljanza għal nies LGBTIQ+ f’Malta. Dan jaħdmu għalih billi joffru informazzjoni, konsultazzjoni, servizzi psiko-soċjali, fost oħrajn. L-MGRM hija parti minn għaqdiet internazzjonali bħal ILGA-Europe, Transgender Europe, IGLYO, OII Europe, ENP u PHROM. Barra minn hekk, l-MGRM kienet fuq quddiem għall-ġlieda sabiex liġijiet rigward l-ugwaljanza jidħlu f’pajjiżna, ngħidu aħna l-liġi taż-żwieġ bejn l-istess sess u l-ipprojbizzjoni tal-conversion therapy. 

More in Intervisti