
“Nemmen illi l-isfida ewlenija għar-residenti Karkariżi llum hija li filwaqt illi jkomplu jimxu mal-progress, jagħrfu jgħożżu dak li jagħtihom identità.”
Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Desirei Grech, is-Sindku ta’ Birkirkara.

minn Sean Fenech

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?
Ir-rwol ta’ Sindku huwa wieħed kumpless u li jenħtieġ dedikazzjoni u attenzjoni kostanti għad-dettall. Bosta drabi, azzjoni sempliċi jew deċiżjoni, kemm jekk tajba, kif ukoll jekk żbaljata, ikollha impatt wisq akbar milli wieħed jistenna. Għaldaqstant, bħala Sindku, inħoss li għandi l-piż tal-komunità Karkariża fuq spallejja. Piż illi nħossni kburija li ġejt magħżula biex inġorru iżda fl-istess waqt ikun hemm mumenti fejn nieqaf nirrifletti u naħseb jekk f’dan il-perkors inqastx b’xi mod jew wettaqt xi ħaġa li b’xi mod weġġgħet lill-kostitwenti. Dħalt għall-kariga b’determinazzjoni li nservi u nkun hemm għal kulħadd u kontinwament naħdem sabiex dak li nemmen fih, inpoġġih fil-prattika. Konxja li ħadd mhu perfett u ninkwieta li nonqos milli nwettaq dmiri mingħajr ma nintebaħ.
Birkirkara hija lokalità kumplessa, li matul iż-żmien għaddiet minn diversi fażijiet tranżitorji, mhux biss fejn tidħol politika, iżda wkoll fejn jidħlu l-kultura u l-infrastruttura. Matul iż-żmien, il-komunità Karkariża, hekk kif seħħ f’lokalitajiet oħra, għarfet timxi maż-żminijiet u adattat għal ċirkostanzi ġodda. Nemmen illi l-isfida ewlenija għar-residenti Karkariżi llum hija li, filwaqt illi jkomplu jimxu mal-progress, jagħrfu jgħożżu dak li jagħtihom identità.
Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Sabiex il-Kunsill Lokali jkun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet li jidhirlu huma xierqa, jenħtieġ li jkun konxju ta’ dak li jixtieq il-poplu. Għaldaqstant, f’din il-materja, il-Kunsill Lokali mmexxi minni, jaħdem id f’id mal-komunità Karkariża. Fl-istess waqt, il-Kunsill Lokali ma jiddejjaq xejn jieħu pożizzjoni fil-konfront ta’ żvilupp li nemmnu li jista’ jkun ta’ deterrent għal-lokalità, kemm mill-aspett infrastrutturali, kif ukoll dak soċjali. Matul l-aħħar xhur ħdimna qatigħ sabiex il-wirt tanġibbli u intanġibbli tal-lokalità jiġi ppreservat bil-għan illi dak li nemmnu fih, u ċoè li wliedna u min ġej warajna jkun jista’ jgawdi l-lokalità hekk kif aħna kellna l-opportunità li ngawduha, inpoġġuh fis-seħħ. Għaldaqstant, bħala Sindku nipprova niggwida lill-Kunsill Lokali lejn bilanċ sottili ta’ żvilupp sostenibbli.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Birkirkara hija waħda mill-akbar lokalitajiet ta’ Malta. Fortunatament, l-ispazji miftuħa u ġonna ma jonqsux, u għalkemm il-parti kbira tal-lokalità hija żona urbana, għad fadal diversi spazji fejn wieħed jista’ jqatta’ ftit tal-ħin ’il bogħod mid-dinamiċità ta’ spazji urbani u forsi jipprattika xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku. Eżempji tipiċi ta’ dan huma Ġnien l-Istazzjon u Ġnien John Borg, bi Ġnien l-Istazzjon joffri spazju ta’ rilassament flimkien ma’ faċilitajiet oħra, u Ġnien John Borg li saħansitra jinkludi faċilitajiet sportivi. Personalment nemmen illi l-ispazji miftuħa huma element kruċjali sabiex intejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u għalhekk inħoss li l-kelma “biżżejjed” hija restrittiva. Hekk kif inħtart Sindku, fuq inizjattiva personali, varajt il-proġett pilota ‘Pulmun Aħdar f’Birkirkara’ bil-għan illi nikkontribwixxi sabiex jinżergħu siġar fil-lokalità u nħeġġeġ residenti u individwi jagħmlu l-istess. Determinata li dan il-proġett mhux biss jitkompla, iżda li bħalu jinbtu oħrajn bil-għan illi tinħoloq dejjem aktar kuxjenza dwar l-importanza ta’ dan l-aspett.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Prijoritajiet għandi ħafna. Ma nemminx illi għandu jkun hemm setturi li jingħataw prijorità fuq oqsma oħra għaliex kull settur għandu impatt fuq il-komunità. Mingħajr dubju se nkun qiegħda naħdem qatigħ fuq oqsma bħal dawk tal-aċċessibbiltà, l-edukazzjoni, l-ambjent u l-kultura — setturi li huma għal qalbi ħafna. Iżda Kunsill Lokali mmexxi minni għandu jżomm il-bibien miftuħa għal kull opportunità li jista’ jkollu mingħajr ebda distinzjoni, u nemmen illi fil-ħames snin li ġejjin għandna nixtarru tajjeb kull possibbiltà, inkluż li jiġu implimentati proġetti u inizjattivi permezz ta’ fondi Ewropej, xi ħaġa illi forsi sal-lum ftit li xejn seħħet fil-lokalità u li nemmen li jista’ jkollha kontribut sabiex materji li sal-lum ma seħħewx minħabba limitazzjonijiet jiġu mwettqa.
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Il-Kunsill Lokali għandu diversi proġetti li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jolqtu kull faxxa tas-soċjetà. Għal din il-leġiżlatura, minbarra sensiela ta’ proġetti żgħar iżda b’impatt kbir fuq il-kwalità tal-ħajja tal-kostitwenti, hemm ippjanat illi tiġi rriġenerata l-qalba tal-lokalità b’pavimentar ġdid u għamara tat-triq li tikkumplimenta u tixraq lil din iż-żona storika. Dan minbarra riġenerazzjoni tas-suq l-antik, riġenerazzjoni taż-żona tal-venda ta’ Birkirkara u l-madwar, u ta’ Ġnien John Borg. Dan tal-aħħar se jiġi implimentat wara li ssir konsultazzjoni pubblika mar-residenti sabiex niżguraw illi jilħaq l-aspettattivi tal-komunità.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Minkejja li kull lokalità għandha l-bżonnijiet tagħha, jeżistu sitwazzjonijiet komuni, li meta nitkellem ma’ membri f’Kunsilli Lokali oħra ninduna illi jenħtieġ li tittieħed azzjoni dwarhom. Ewlenin fosthom huma l-limitazzjonijiet, primarjament ta’ riżorsi, li jwasslu għal nuqqas ta’ sapport mill-Pulizija u l-forzi tal-ordni. Nemmen illi għandu jkun hemm qafas li permezz tiegħu jkun hemm komunikazzjoni aħjar mal-Gvern Ċentrali u dipartimenti u entitajiet governattivi.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?
Nemmen illi hemm lok għal titjib sostanzjali. Bosta drabi, il-Kunsilli Lokali jaffaċċjaw diversi proċeduri burokratiċi meta jiġu biex iwettqu xi proġett, burokrazija li xi kultant minflok tiffaċilita l-ħidma tal-Kunsilli Lokali tkompli titfa’ aktar piż fuq riżorsi li minnhom infushom diġà huma pjuttost limitati. Nuqqas ieħor li nemmen illi għandu impatt negattiv, kemm fuq il-Kunsilli Lokali nfushom, kif ukoll fuq il-perspettiva ta’ kif il-Gvern Lokali jarah il-poplu, huma proġetti li jiġu implimentati fil-lokalitajiet mingħajr konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali — okkorrenzi li sfortunatament iseħħu u li fl-opinjoni tiegħi huma inaċċettabbli.
Bidliet leġiżlattivi riċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
Fil-każ tal-lokalità ta’ Birkirkara, dil-bidla ma kellha ebda impatt fuq il-Kunsill Lokali. Personalment nemmen illi l-motivazzjoni u d-determinazzjoni taż-żgħażagħ hija fattur determinanti fil-qasam tal-Gvern Lokali. Taħlita ta’ żgħażagħ ma’ individwi aktar maturi u b’esperjenza fis-settur tkun tfisser illi ntlaħaq bilanċ li finalment isarraf f’ġid għall-komunità li jkunu qegħdin jaħdmu għaliha.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Li tagħlaq b’kapital tax-xogħol negattiv mhux neċessarjament ifisser li jkun hemm instabbiltà finanzjarja. Wieħed irid janalizza s-sitwazzjoni tas-16-il Kunsill Lokali sabiex jiġi identifikat għaliex is-sena finanzjarja ngħalqet b’kapital negattiv. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu varji u wħud minnhom jistgħu jkunu lil hinn mill-kontroll dirett tal-Kunsill Lokali nnifsu. Konxja, pereżempju, illi bil-proġett ta’ ġbir ta’ skart abbażi ta’ sejħa għall-offerti maħruġa mill-Kunsilli Reġjonali, kien hemm numru ta’ Kunsilli Lokali li ġew impattati b’mod drastiku. Konxju ta’ dan, il-Gvern Ċentrali rrimedja billi alloka l-fondi direttament lill-Kunsilli Reġjonali.
Rigward Birkirkara, hekk kif inħtart Sindku, sibt sitwazzjoni illi minkejja li ma kinitx kritika, lanqas kienet wisq pożittiva. Ovvjament dan kien ifisser illi l-operat tal-Kunsill Lokali jkun pjuttost ristrett u l-Kunsill Lokali kellu joqgħod lura milli jimplimenta jew jippjana proġetti ta’ natura kapitali, flimkien ma’ nfiq eċċessiv. Dan kollu però, ma żammniex lura milli xorta waħda nwettqu diversi proġetti u inizjattivi favur il-komunità. Konna kreattivi biżżejjed u minflok ma rrassenjajna ruħna, il-Kunsill Lokali fittex sorsi alternattivi ta’ finanzjament għall-ideat u proġetti li kellu. B’wiċċi minn quddiem ngħid illi s’issa l-istrateġija ħadmet, għaliex filwaqt li ġew implimentati diversi inizjattivi, tjiebet il-qagħda finanzjarja tal-Kunsill Lokali.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu?
Dwar din il-materja ddikjarajt dak li naħseb pubblikament permezz ta’ mezzi soċjali. Nisħaq u nemmen illi ħadd m’għandu dritt juża lokalità u l-kostitwenti tagħha għal qligħ politiku. Filwaqt li nħossni persuna progressiva, u ma niddejjaq xejn mill-bidla, nemmen illi bidla għandha sseħħ sabiex ikun hemm progress u mhux biex ikun hemm qligħ.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
Ilni involuta fil-qasam tal-Gvern Lokali għal ftit aktar minn sena. B’umiltà ngħid li qabel dħalt għal dan l-irwol, għalkemm dejjem kont attiva fil-lokalità, ftit li xejn kont konxja tar-responsabbiltà u d-doveri li ġġorr magħha l-kariga ta’ Sindku. Mhuwiex rwol faċli, u bosta drabi jkollok tieħu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-kurrent u mhux dejjem ikunu konvenjenti. Kull diffikultà u dubju jixxejjen meta nara illi b’ħidmieti nkun qiegħda nħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja tar-residenti. Is-sodisfazzjon tiegħi huwa li nara illi qiegħda nikkontribwixxi sabiex intejjeb il-kwalità ta’ ħajja ta’ dawk li nirrappreżenta, għaliex huwa proprju dan l-għan ewlieni tal-irwol li ġejt fdata bih.
