President tal-Assocjazzjoni tad-Dermatoloġisti jitlob għal tibdil fil-politika biex jiġi prevenut il-kanċer tal-ġilda f’Malta

Il-kanċer tal-ġilda f’Malta qed jiżdied b’mod allarmanti, Dr Lawrence Scerri jisħaq li l-użu tas-sunblock hu kruċjali għall-prevenzjoni, iżda l-prezz għoli u l-VAT ta’ 18% qed ixekklu l-aċċess għalih

Dr Lawrence Scerri, President tal-Assoċazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u l-Veneroloġija
Dr Lawrence Scerri, President tal-Assoċazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u l-Veneroloġija

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Dr Lawrence Scerri, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u l-Veneroloġija, biex nifhmu aktar dwar il-kanċer tal-ġilda, marda li qed tikber b’mod allarmanti f’pajjiżna. Ġew imsemmija wkoll l-ostakli li qed taffaċċja l-popolazzjoni biex tipproteġi ruħha b’mod effettiv, b’enfasi partikolari fuq il-prezz u t-trattament fiskali fuq is-sunblock.  

Meta mistoqsi x’inhu eżattament il-kanċer tal-ġilda, Dr Scerri spjega li dan jinħadem f’żewġ kategoriji prinċipali: il-melanoma, li hu l-iktar perikoluż għax jista’ jwassal għall-mewt, għalkemm hu l-inqas komuni; u l-kanċer nonmelanoma, li għandu x’jaqsam max-xemx u jinkludi l-basal cell carcinoma u s-squamous cell carcinoma. Dawn jammontaw għal madwar 90% tal-każi kollha relatati max-xemx. Filwaqt li l-melanoma hija l-inqas komuni, hija wkoll l-iktar perikoluża u qed tiżdied f’Malta, b’120 sa 150 każ ġdid fis-sena. Dawn il-fatti jidhru fi stħarriġ, fejn 1 minn kull 8 każ ta’ melanoma huwa serju ħafna.   

Rigward ir-riskji għal dan kollu, Scerri enfasizza li l-akbar kawża ta’ dan il-kanċer hija l-espożizzjoni għar-raġġi UV, sforz kemm f’Malta jiġu esperjenzati xhur twal b’livelli għoljin ta’ UV li jistgħu jkunu estremament perikolużi, speċjalment bejn April u Ottubru meta l-indiċi UV jkunu bejn 6 u 10. Barra minn hekk, hemm fatturi ġenetiċi bħat-tip ta’ karnaġġjon ċar u kundizzjonijiet speċifiċi bħat-typical mole syndrome li tagħmel lil xi individwi aktar vulnerabbli. Tfal, minħabba l-ġilda tagħhom, li għadha mhux żviluppata biżżejjed, huma wkoll f’riskju akbar. Min-naħa l-oħra, persuni li f’xogħolhom ikunu esposti għax-xemx — bħal sajjieda, bdiewa, u gwidi — għandhom bżonn jieħdu prekawzjonijiet addizzjonali.  

Meta staqsejnieh fuq kif wieħed jista’ jara sinjali bikrin tal-kanċer tal-ġilda, Dr Scerri qal li persuni mhux imħarrġa għandhom dejjem jinnotaw bidliet fil-ġilda bħal ġrieħi li ma jfiqux, għazez ġodda, jew tibdil fil-kobor jew fil-kulur. Huwa qal li mhux kull bidla tfisser kanċer, imma kull dubju għandu jitqies b’serjetà u jiġi ċċekkjat. Il-vantaġġ tal-ġilda huwa li hija organu viżibbli u aċċessibbli, u għalhekk huwa aktar faċli li wieħed jara bidliet b’mod spontanju.   

Meta tkellimna dwar il-ħsara li r-raġġi UV jistgħu jikkawżaw fuq il-ġilda, Scerri spjega li hemm ħsara li tista’ tkun qasira jew fit-tul. Il-ħsara qasira hija l-ħruq tax-xemx, li ġġib magħha ħakk, infjammazzjoni, u ġrieħi li jistgħu jwasslu għal infezzjoni. Il-ħsara fit-tul, min-naħa l-oħra, tikkawża tixħiħ prematur tal-ġilda u tkemmix, u dan kollu jgħin fl-iżvilupp tal-kanċer.  

Dan il-proċess huwa akkumulattiv u permanenti — il-ħsara ma tistax tiġi lura għan-normal faċilment. Meta mistoqsi dwar il-prevenzjoni, Dr Scerri ddeskriva s-sunblock bħala għodda essenzjali li ġiet żviluppata fl-aħħar 40 sena biex tipproteġi l-ġilda minn dawn ir-raġġi perikolużi. Huwa qal li s-sunblock huwa bħal filter li jippreveni r-raġġi mix-xemx milli jidħlu fil-ġilda u jikkawżaw ħsara lit-tessuti. Madankollu, l-effettività tas-sunblock ma ddumx aktar minn sagħtejn jew tliet sigħat u għalhekk huwa kruċjali li jiġi reapplikat regolarment, speċjalment bejn l-10 a.m. u l-4 p.m. meta x-xemx tkun l-aktar qawwija. Hemm ukoll tipi water resistant, li huma utli meta wieħed jiġi espost għall-ilma.  

Filwaqt li s-sunblock huwa strument vitali fil-prevenzjoni, Scerri tenna l-ostaklu l-kbir li huwa l-prezz għoli ta’ dawn il-prodotti, li ħafna drabi jipprevjeni lill-pubbliku milli jużahom b’mod regolari. Huwa jemmen li dawn il-prodotti għandhom jitqiesu bħala mediċini u għalhekk għandhom jitħallsu mingħajr VAT, għax bħalissa huma soġġetti għal 18% VAT, filwaqt li mediċini oħra huma eżentati mill-VAT. “Jiena nemmen li l-gvern għandu jikkunsidra li jagħti status VAT-free lis-sunblocks, speċjalment dawk b’SPF 50+, biex tinkoraġġixxi l-użu tagħhom u dawk l-aktar vulnerabbli jkunu protetti,” qal Dr Scerri.   

Barra l-użu tal-krema tax-xemx, Scerri qal li wieħed għandu jilbes ukoll beritta jew kappell li jkopru r-ras u l-għonq, u ħwejjeġ li jipproteġu l-ġilda. Fl-istess ħin, huwa importanti li wieħed jipprova jevita l-espożizzjoni diretta mix-xemx bejn l-10 a.m. u l-4 p.m. u juża oġġetti bħall-umbrella jew tinda meta jkun meħtieġ. Dan huwa partikolarment importanti għat-tfal, li għandhom bżonn attenzjoni speċjali.   

Fl-aħħar, Dr Scerri wera l-inkwiet tiegħu dwar l-inċidenza dejjem tiżdied tal-kanċer tal-ġilda f’Malta, anke meta tittieħed skont ir-rata għall-popolazzjoni. Dan juri l-bżonn urġenti għal aktar edukazzjoni, għarfien, u wkoll politiki appoġġanti biex jagħmlu prodotti protettivi bħas-sunblock aktar aċċessibbli għal kulħadd.

More in Intervisti