'Is-sinjur jistagħna u l-fqir jiftaqar'

Wara bosta rapporti ta’ żieda fil-faqar, il-gazzetta ILLUM iddeċidiet titkellem mal-Fondazzjoni għall-Opri Soċjali fl-Arċidjoċesi ta’ Malta (FOSAM) rigward l-inizjattiva tagħhom imsejħa LOOP, li tgħin lil min hu materjalment nieqes b’diversi modi. Weġbitna Helen Zammit, assistenta amministrattiva fi ħdan il-FOSAM

"L-isbaħ ħaġa hija meta nħarsu lura u nagħrfu li mill-bżonn ta’ persuna u mill-kuraġġ ta’ xi ħadd li jitlob l-għajnuna, igawdi, jitgħallem u jikber kulħadd"

X’ħajjarkom biex tagħmlu dat-tip ta’ xogħol? U x’jimmotivakom biex tibqgħu tagħmluh? 

Wara ż-żmien il-COVID ġew flimkien diversi entitajiet li jaħdmu fil-komunità u, għalkemm kulħadd kien qed jara l-bżonn, flimkien stajna nirrispondu aħjar. Bis-sostenn ta’ Alf Mizzi Foundation u ħafna volontiera rajna li nistgħu nkomplu nirrispondu għall-bżonn ta’ madwarna. 

Skont studju riċenti li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, in-numru ta’ nies li huma fir-riskju tal-faqar żdied. Dawn jammontaw għal 92,690. Qed tarawha diż-żieda fl-esperjenza tagħkom? Tgħinu nies li jiġu bżonn tas-servizzi tagħkom minkejja li huma impjegati? 

Iż-żieda narawha u mmissuha, speċjalment fejn jidħlu nies li jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ diffikultajiet kumplessi imma li jaffettwaw anke l-affarijiet bażiċi ta’ kuljum bħall-ikel, l-ilbies, u l-kiri tad-djar. 

Fl-istatistika ma kien hemm xejn miktub dwar faqar assolut. Fl-esperjenza personali tagħkom, qegħdin taraw il-faqar assolut fil-pajjiż jiżdied jew jonqos? 

Aħna dejjem naħdmu ma’ professjonisti li jaraw il-bżonn u jirreferu għas-servizzi tagħna, u għalkemm naraw żieda fin-numri huma l-professjonisti li jevalwaw il-bżonn u kif nistgħu nimxu ma’ dak li jkun biex jerġa’ jqum fuq saqajh. Ovvjament mhux dejjem sempliċi daqs kif tinstema’. 

Qed taraw xi demografika ġdida jew żieda f’demografika partikolari li jiġu bżonn is-servizzi tagħkom? 

Jidher li qed jikber in-numru ta’ nies li jbatu biex ikollhom post fejn jistgħu jgħixu b’dinjità. Il-kirjiet żgur li huma parti importanti mill-problemi li jiġu ppreżentati lilna regolarment. 

Apparti minn hekk, hemm perjodi fis-sena fejn taraw żieda fil-bżonn għas-servizzi tagħkom? 

Is-servizzi tagħna huma fil-bżonn is-sena kollha, iżda l-għajnuna spiss tkun ikbar madwar żmien il-festi. 

Teżisti xi tip ta’ stigma soċjali li taffettwa lil dawk li jfittxu s-servizzi tagħkom? Jekk iva, x’jista’ jsir biex tinqata’ dil-istigma? 

Illum ħadd ma jieħu gost jippreżenta ruħu bħala fqir. U forsi din ħaġa tajba għax tippreżenta l-ewwel pass biex xi ħadd ikun jista’ jerġa’ lura fuq saqajh bis-saħħa tal-kontribuzzjoni komunitarja. Irridu nemmnu lkoll li, anke jekk wieħed għaddej minn żmien diffiċli, bl-għajnuna tal-komunità, mhux biss jista’ jqum fuq saqajh imma jsib mod kif anke hu jew hi tipparteċipa b’mod attiv fil-komunità u ssib fejn tħaddem il-potenzjal tiegħu/tagħha. 

X’inhuma l-ikbar sfidi li taffaċċjaw biex twettqu xogħolkom? Partikolarment minn aspett ta’ riżorsi, fondi, eċċ.? 

Riżorsi u fondi dejjem jidhru limitati imma l-providenza kbira wkoll. Ma nistgħux ngħidu li ma nsibux għajnuna għax iva, hemm min jgħin, u kull qatra tgħodd. Però kif diġà għedna, il-fatt li anke l-orħos kirjiet jispiċċaw jieħdu proporzjon kbir mill-paga minima jew viċin tagħha, ma jgħinx fejn jidħlu r-riżorsi tan-nies li ngħinu. Fuq kollox ukoll, it-taħriġ u l-edukazzjoni jridu jkunu iktar stmati bħala dawk l-aspetti ċentrali fejn tidħol l-għajnuna, dik li tassew twassal għall-parteċipazzjoni attiva u d-dinjità. 

Minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż, il-faqar għadu magħna. Għalfejn taħsbu li dan huwa l-każ? 

Sfortunatament, it-tkabbir ekonomiku mhux dejjem ifisser tqassim ġust tal-ġid. U kif jiġri spiss, is-sinjur jistagħna u l-fqir jiftaqar. Jeħtieġ li nkunu aktar soċjetà ġusta fit-tqassim tal-ġid. 

Taħsbu li l-politiki preżenti tal-gvern huma adegwati biżżejjed biex jgħinu lill-foqra u l-emarġinati? X’taħsbu li għandu jsir biex il-gvern jieħu iktar ħsiebhom lil nies hekk? 

Kulħadd għandu jġorr ir-responsabbiltà tiegħu u jagħmel mill-aħjar li jista’ biex jagħti sehmu għal soċjetà aktar ġusta. Ovvjament min iġorr awtorità ikbar, iġorr ukoll responsabbiltà ikbar. Iżda kulħadd irid jagħmel il-kontijiet u jkun akkontabbli, kemm mal-istrutturi soċjali, kif ukoll mal-kuxjenza tiegħu jew tagħha. 

Issibu appoġġ mill-Gvern fix-xogħol li tagħmlu?  

L-appoġġ tal-istat huwa dejjem ċentrali u ħadd ma jista’ jeħodlu postu. Bl-istess mod is-sehem tas-soċjetà ċivili. 

Għal min jixtieq jgħin lill-foqra, x’jista’ jagħmel? 

Min jixtieq jingħaqad ma’ dan il-proġett, jista’ jibgħat applikazzjoni fuq is-sit tagħna billi jsegwi l-ħolqa loop.mt/join 

Tixtiequ tagħlqu b’xi esperjenza sabiħa li kellkom f’dax-xogħol? 

Kull esperjenza fejn issib mod dinjituż biex tgħin persuna li tkun fil-bżonn hija waħda li tagħti sodisfazzjon u sens ta’ komunità ħajja. Madankollu, l-isbaħ ħaġa hija meta nħarsu lura u nagħrfu li mill-bżonn ta’ persuna u mill-kuraġġ ta’ xi ħadd li jitlob l-għajnuna, igawdi, jitgħallem u jikber kulħadd: min jgħin, min jiġi megħjun, u kull min ikollu x-xorti  jaqsam l-esperjenza tal-komunità magħhom. 

More in Intervisti