“Tkeċċejt għax għamilt xogħli”: ir-riżenja sfurzata ta’ Dr Anthony Abela Medici minn Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji

Minn akkademiku u pijunier tal-forensika sa Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji, Dr Anthony Abela Medici jgħid li tneħħa minn rwol pubbliku wara li żvela nuqqasijiet serji fis-sistema

Dr Anthony Abela Medici, wieħed mill-aktar ismijiet marbuta mill-qrib mal-iżvilupp tal-forensika f’Malta u b’karriera twila fis-servizz pubbliku, illum jinsab barra mill-irwol li kien jokkupa bħala Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji – mhux b’deċiżjoni personali, iżda għax, kif jgħid hu stess, “waslitli l-informazzjoni li jriduni nirrizenja issa – għax għamilt xogħli.” 

Din ir-riżenja ma kinitx episodju iżolat, iżda l-aħħar kapitlu f’ħajja professjonali mmarkata minn pressjoni politika, ostakli istituzzjonali u deċiżjonijiet li ħallew impatt profond, kemm fuq ħajtu, kif ukoll fuq il-pajjiż. 

 

Mill-Università ta’ Londra għal Malta 

Dr Abela Medici ħa d-dottorat tiegħu mill-Università ta’ Londra fl-1976, bi speċjalizzazzjoni fil-kimoterapija tal-kanċer. “Id-dottorat tiegħi kien fuq cancer chemotherapy, xogħli kien li niddisinja d-drogi kontra l-kanċer,” jispjega. 

Meta rritorna Malta, ġie appuntat lecturer fl-Università ta’ Malta u kien jgħallem ukoll fil-Fakultà tal-Mediċina. Madankollu, l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu ma setgħetx tkompli tintuża kif ippjana. Meta rritorna Malta qalulu li ma jistax ikompli f’dak il-qasam, imma jrid jaħdem fuq il-qasam tad-dipartiment.” 

 

Il-bidu tal-forensika f’Malta 

Fl-1977, l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, Dr Lawrence Pullicino, talab l-għajnuna tiegħu biex jevalwa l-possibbiltà li Malta jkollha laboratorju forensiku. Dr Abela Medici nħatar Chairman ta’ Board of Inquiry u, flimkien ma’ esperti oħra, żar laboratorji fl-Ingilterra u l-Iskozja. 

“Għamilt rapport lill-pulizija li għandhom ikollhom laboratorju forensiku u b’hekk ftaħt il-bieb għal possibbiltà li l-pulizija jkollhom laboratorju forensiku, però qatt ma kelli l-ħsieb li jien se nkun parti minn dan it-tim.” 

 

“Spiccajt bla xogħol” 

Fl-1979, bidla fil-Ministeru tal-Edukazzjoni wasslet biex il-Fakultà tax-Xjenza – fejn kien jaħdem – tingħalaq, dan kollu “għax il-ministru l-ġdid ħaseb li se noħroġ fuq id-distrett tiegħu”.  Il-Fakultà tal-Mediċina saqsietu biex ikompli magħhom iżda minkejja li l-Fakultà tal-Mediċina aċċettatu formalment u b’voti minn entitajiet oħra,  kollox waqa’ fl-aħħar stadju. 

Meta l-vot wasal għand il-Kunsill tal-Università fejn il-gvern għandu 51% tal-vot, “Siegħa qabel ingħataw ordni biex jivvutaw kontra, u allura spiċċajt bla xogħol.” 

Wara perjodu diffiċli, sab xogħol barra minn Malta, inkluż fl-Istati Uniti u l-Libja, iżda l-ħajja tal-familja sofriet. “Niġi Malta, it-tifel jibki għax ma jafnix u għedt dan mhux sew,” u għalhekk irreżenja. 

 

21 ta’ Mejju 1981: il-forensika tieħu l-ħajja 

Wara li mar għall-interview mill-Kummissarju tal-Pulizija, beda jaħdem fil-forensika fil-21 ta’ Mejju 1981, wara li l-post vakanti kien ħareġ tliet darbiet mingħajr suċċess. 

Tul is-snin, ħadem fuq numru kbir ta’ każijiet li baqgħu mnaqqxin f’moħħu, speċjalment omiċidji. “Dawk jibqgħu dejjem f’moħħi kważi bid-dati u d-dettalji b’kollox.” 

 

Il-każ ta’ Sylvia King 

Wieħed mill-aktar każijiet li ħallew marka kien dak ta’ Sylvia King. Huwa jiddeskrivi b’dettall x-xena makabra tal-karozza maħruqa u l-evidenza kruċjali li wriet li l-vittma kienet għadha ħajja meta nħarqet. 

“Ir-ras kienet qed tistrieħ fuq ħġieġ maħlul tal-karozza … dan juri li l-mara kienet għadha ħajja meta l-vettura kienet ingħatat in-nar.” 

L-awtopsja kkonfermat dan. “Kien hemm evidenza ċara li l-pulmun kien mimli nugrufun.” 

 

Każijiet li jħallu ġrieħi emozzjonali 

Jirrakkonta wkoll każijiet oħra li baqgħu jemozzjonawh sal-lum, fosthom każ ta’ tarbija ta’ sentejn li mietet bil-ġuħ ħdejn ommha mejta. 

“Kienet kerha ħafna, li tirrapporta riħa tinten imma tarbija tibki le.” 

 

Minn Strasburgu sal-Għaqdiet Volontarji 

Wara li telaq mid-Direttorat tal-Forensika, ġie elett fuq Expert Committee ibbażat Strasburgu, fejn kien jagħmel spezzjonijiet f’għases tal-pulizija madwar l-Ewropa. Aktar tard, inħatar Chairman tar-Road Safety Committee, u f’Mejju 2018 sar Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji. 

Meta ħa r-rwol, sab struttura żgħira ħafna. “Konna biss sitt persuni,” jgħid, iżda kabbar it-tim għal madwar 50 biex jiżgura ċ-ċertezza mal-liġijiet u jindirizza r-riskju ta’ money laundering. 

“Minn sitwazzjoni li kważi kienet impossibbli biex ngħaddu, għaddejna u għaddejna tajjeb.” 

 

Ir-rapport li wassal għar-riżenja 

Il-problema bdiet meta, waqt li kien qed iħejji r-rapport obbligatorju tiegħu lill-Parlament, sab aktar minn 1,500 file mhux ipproċessati sa mill-2013. 

“Kien hemm possibbiltà li xi wħud minnhom kienu ngħataw compliant certificate mingħajr ma ġew iċċekkjati.” 

Bħala dmir, irrapporta lill-Awditur Ġenerali, wara li kien ilu jistenna li tittieħed xi azzjoni. Ir-riżultat? “Wara ftit żmien waslitli l-informazzjoni li jriduni nirriżenja issa – għax għamilt xogħli.” 

 

Ħajja ġdida … b’50 qattus 

Illum, Dr Abela Medici jqatta’ l-ġranet tiegħu jieħu ħsieb madwar 50 qattus li ġabar minn barra. “Meta sibt qattusa li kienet għadha żgħira kont inqum kull sagħtejn biex nitmagħha lejl u nhar.” 

Barra minn hekk, ikompli jiddedika ruħu għall-filatelija u r-riċerka dwar l-istorja postali ta’ Malta, passjoni li ilha miegħu sa minn tfulitu. 

More in Intervisti