‘Qegħdin nagħmlu riċerka fost it-tfal biex nifhmu x’mezzi soċjali jużaw u kif jużaw il-ħin online’
Fuq XTRA, Saviour Balzan jitkellem ma’ Rebecca Buttigieg, Julianne Grima, Graziella Attard Previ u Elaine Pavia Grima
Saviour Balzan: Il-midja soċjali definittivament ħaditilna ħajjitna. Kważi spiċċajna skjavi tal-mowbajl, mhux biss it-tfal, mhux biss iż-żgħażagħ, iżda anke l-adulti. X’se nagħmlu hija l-mistoqsija l-kbira. Il-gvern illi inti parti minnu nieda s-sena l-oħra li se jagħmel konsultazzjoni pubblika sabiex jara kif se jindirizza dak illi qiegħed jiġi meqjus bħala problema. Ix-xahar l-ieħor bdew ir-reazzjonijiet u d-diskussjonijiet, imma qabelxejn, għalfejn kien hemm il-ħtieġa li ssir din?
Rebecca Buttigieg: Il-midja soċjali, bħalma għedt inti, hija xi ħaġa li nkunu fuqha kuljum. Hija xi ħaġa li sfortunatament ħafna nies illum saru dipendenti fuqha.
Bħala gvern qegħdin nirrikonoxxu li hemm bżonn niddiskutu dan is-suġġett illi jista’ jkun kontroversjali għaliex, kif għedna, hawn min għalih il-midja soċjali hija importanti ħafna. Però rridu nirrikonoxxu li hija problema u qiegħed ikun hemm effetti negattivi dwarha. Allura l-għan tagħna kien illi titnieda konsultazzjoni pubblika sabiex nifhmu eżatt ir-realtà tal-użu tal-midja soċjali ġewwa pajjiżna.
Qegħdin nifhmu li hemm konsensus li hemm bżonn nieħdu deċiżjoni, issa x’se tkun dik id-deċiżjoni sta għall-konsultazzjoni pubblika, u għalhekk inħeġġeġ dibattiti bħal dan it-tip sabiex nieħdu deċiżjoni infurmata abbażi tar-realtajiet tagħna. Aħna ħabbarna kumitat tekniku li proprju xogħlu hu li jħejji rakkomandazzjonijiet dwar it-triq ’il quddiem.
Saviour Balzan: Julianne Grima, psikoterapista. Jekk taqbad taqra fuq dan is-suġġett hemm ħafna affarijiet negattivi u min illum għandu t-tfal jaf eżatt x’jistgħu jkunu l-problemi. Mill-esperjenza tiegħek illi taħdem f’dan il-qasam, x’inhuma fl-opinjoni tiegħek l-affarijiet illi huma allarmanti? F’dan il-qasam partikolari, f’dawk it-tfal u f’dawk l-adolexxenti, x’inhuma l-aktar affarijiet allarmanti vis-à-vis il-midja soċjali?
Julianne Grima: Inti semmejt il-bullying. It-tifel ikun id-dar u l-ġenituri lanqas ikunu jafu x’qiegħed jiġri. Dawn huma affarijiet li ż-żgħażagħ qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom u ma tantx jitkellmu. Il-biża’ li jkollok żgħażagħ illi filmati tagħhom stess minħabba xi tip ta’ peer pressure u dawn il-filmati jixxerrdu f’atti ta’ revenge porn. Ġenwinament ma tantx hija ta’ benefiċċju għall-addolexxenti li jkollhom il-midja soċjali.
Qegħdin ngħidu forsi jkollhom aċċess għall-informazzjoni, imma mhux bilfors irid ikollok il-midja soċjali sabiex taċċessa l-informazzjoni llum il-ġurnata.
Nagħmlu kemm nagħmlu bħala ġenituri huwa diffiċli llum li nillimitaw l-aċċess li t-tfal tagħna għandhom permezz tal-mowbajls. Ma tistax toqgħodilhom għassa l-ġurnata kollha, allura naħseb kieku bħala gvern jgħinna bħala ġenituri u professjonisti billi jbiddlu l-liġi naħseb illi tkun pass ’il quddiem.
Saviour Balzan: Graziella Attard Previ, kelliema għall-Oppożizzjoni. Jiena naħseb illi fuq din il-kwistjoni hemm element ta’ qbil. Naħseb illi m’hemmx element ta’ konverġenza dwar sa fejn irridu naslu. Il-maġġoranza tal-ġenituri jridu li mmorru għall-estrem; dak illi qiegħed jiġri fl-Awstralja, Spanja, id-Danimarka, Franza, u pajjiżi oħra. Fl-opinjoni tiegħek, fejn irid jasal gvern u fejn irridu naslu bħala pajjiż f’dan il-qasam partikolari?
Graziella Attard Previ: It-tnejn illi aħna żgur naqblu li fl-aħħar mill-aħħar aħna rridu nissalvagwardjaw il-benesseri tat-tfal tagħna. Dan minħabba l-ħsara li qiegħda tagħmel b’mod partikolari l-midja soċjali meta wliedna jkunu esposti għaliha minn età żgħira u għal ħin twil.
Żgur illi qegħdin nagħrfu li d-dinja diġitali hija importanti ħafna, anke għall-ħajja tat-tfal tagħna, illi llum il-ġurnata jistgħu jistudjaw, jissoċjalizzaw u jitgħallmu biha. Però donnu li hemm dan l-effett negattiv illi qiegħed jissupera l-effetti pożittivi li jista’ jkun hemm.
M’hemmx soluzzjoni waħda. Inti semmejt li hemm il-projbizzjoni. Ħafna nies qegħdin iduru fuqna għaliex qegħdin naraw x’qiegħed jiġri barra fl-Awstralja, Franza, Spanja, u issa hemm l-Irlanda li diġà qiegħda tipproponi wkoll. Qegħdin naraw illi jgħidu lill-pjattaformi sabiex jimponu u jassiguraw il-verifikazzjoni tal-età.
Saviour Balzan: Però ma nistax nifhem kif pajjiż il-kobor ta’ Franza, pajjiż il-kobor ta’ Spanja, u pajjiż il-kobor tal-Awstralja jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn u aħna fiċ-ċokon tagħna m’aħniex lesti li nagħmlu bħalhom.
Graziella Attard Previ: Le, m’aħniex ngħidu hekk. Jiena qiegħda ngħid li weħidha mhijiex biżżejjed. Qiegħda toħroġ illi parallela magħha hemm numru wkoll ta’ pożizzjonijiet illi jridu jittieħdu wkoll; pereżempju qiegħda tiġi enfasizzata ħafna li għandu jidħol il-litteriżmu diġitali b’mod edukattiv u li dan għandu jkun mandatorju u parallel għaliex inti ma tistax tiżola dawn it-tfal f’bozza sakemm jagħlqu ħmistax-il sena, imbagħad tesponihom għall-midja soċjali. Jiġifieri jrid ikun hemm miżuri oħra.
Saviour Balzan: Rebecca Buttigieg, Segretarju Parlamentari. Smajna lill-Prim Ministru jgħid li ma jistax ikun hemm projbizzjoni totali. Mela għalfejn hemm konsultazzjoni jekk diġà hemm deċiżjoni?
Rebecca Buttigieg: Inutli nagħmlu liġi li n-nies mhumiex se jkunu komdi biha. In-nies jgħidulna li projbizzjoni totali mhijiex se ssir b’suċċess għaliex jista’ jkun hemm ħafna loopholes bħalma qegħdin naraw fl-infurzar fl-Awstralja u hemm anke każijiet kostituzzjonali li huma għaddejjin. Xi ħaġa waħda hija ċara f’dan kollu … irridu nipproteġu lit-tfal u lill-persuni vulnerabbli.
Il-Prim Ministru kien qiegħed jitkellem dwar pjan fil-familja, illi jitkellem dwar it-tnaqqis tal-użu fit-tfal ta’ tlettax-il sena però mhijiex enforzabbli mill-pjattaformi soċjali. Il-punt tal-konsultazzjoni pubblika huwa li naraw x’inhu s-sentiment fis-soċjetà.
Ma kienx ikun għaqli bħala gvern illi naqbdu l-proposta tal-Awstralja u nattwawha hawnhekk għaliex għandna realtajiet kompletament differenti. Ridna nifhmu t-tfal u l-persuni vulnerabbli. X’tip ta’ midja soċjali qegħdin jużaw? Jekk ikun hemm projbizzjoni, x’tip ta’ midja soċjali se nipprojbixxu? Ir-realtà għandha tkun li nieħdu deċiżjoni infurmata u għalhekk ħtart kumitat ta’ esperti tekniċi u qegħdin nisimgħu lin-nies.
Saviour Balzan: Julianne, jien għandi l-impressjoni li jekk nistaqsi lit-tfal żgur li mhumiex se jaqblu mal-projbizzjoni. Inti taħseb li f’dan il-mument għandna nistaqsu t-tfal u ninvolvuhom f’din id-diskussjoni?
Julianne Grima: Naħseb li importanti nisimgħu l-opinjoni tagħhom, però rridu niftakru li t-tfal ma jistgħux joħorġu bis-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi.
Saviour Balzan: Elaine Pavia Grima, inti titkellem dwar Smartphone Free Children Gozo li hija inizjattiva unika li fiha intom ingħaqadtu bħala ġenituri u għamiltu dikjarazzjoni pubblika fejn għedtu li t-tfal tagħkom ma jingħatawx mowbajl. X’wassalkom sabiex tagħmlu dan?
Elaine Pavia Grima: Aħna grupp ta’ ġenituri li qegħdin nipprovaw innaqqsu l-problemi li jġibu magħhom il-mowbajls u l-midja soċjali. Aħna qegħdin intawlu ż-żmien illi jrid jgħaddi sabiex it-tfal tagħna jingħataw mowbajl. Aħna konna ilna nirċievu pariri u naraw studji dwar il-problemi kbar li ġġib magħha l-midja soċjali; fosthom in-nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni, il-ħela ta’ ħin, u l-vizzju tal-pornografija. Hemm ukoll studji li juru li wara l-introduzzjoni tal-mowbajls żdiedu r-rati ta’ dipressjoni fost it-tfal u l-adolexxenti.
Saviour Balzan: Hemm is-sentiment li s-soluzzjoni li ngħalqu l-vit kompletament hija xi ħaġa diffiċli jew li m’għandniex nagħmluha. X’inhuma s-suġġerimenti tiegħek?
Elaine Pavia Grima: Aħna bħala grupp nissuġġerixxu li t-tfal u l-adolexxenti jingħataw mowbajl bażiku qabel ma jingħataw mowbajl b’aċċess għall-internet. Aħna naqblu mal-passi li ħadu pajjiżi oħra bħal Franza sabiex l-użu tal-midja soċjali jiġi projbit għal dawk ta’ taħt ċerta età.
Saviour Balzan: Permezz tal-algoritmi, il-midja soċjali jirnexxilha tiġbor id-data dwar dik il-persuna li qiegħda tagħmel użu minnha u tuża dik id-data sabiex titfa’ informazzjoni skont l-interessi tal-persuna, u din hija perikoluża ħafna.
Graziella Attard Previ: Għalhekk mhijiex biss projbizzjoni fuq l-età, imma hija wkoll regolarizzazzjoni ta’ dak illi jitfgħu l-pjattaforma. Fuq dan kollu aħna se noħorġu l-pożizzjoni tagħna u l-pożizzjoni tagħna se tkun hemmhekk. Nixtieq ngħaqqad ma’ dak illi bdiet tgħid Elaine u dwar kemm qiegħda taħdem dak illi huma qegħdin jagħmlu billi jinħoloq ambjent illi jkun l-istess għal kulħadd fejn m’hemmx peer pressure għax it-tfal mhumiex jibżgħu li qegħdin jitilfu affarijiet li tfal oħra tal-età tagħhom għandhom.
Saviour Balzan: Qiegħda ssir konsultazzjoni u qegħdin tosservaw x’qiegħed jingħad. Meta taħseb illi se naraw xi ħaġa konkreta f’idejna?
Rebecca Galea: Il-konsultazzjoni tagħlaq sal-aħħar tax-xahar u kulħadd jista’ jidħol fuq is-sit publicconsultation.gov.mt u jagħti s-sottomissjoni tiegħu hemmhekk. Meta jagħlaq dan it-terminu, il-kumitat se jikkunsidra dak kolli li ngħad sabiex jifforma rakkomandazzjonijiet dwar it-triq ’il quddiem. Irridu naraw li nieħdu deċiżjoni llum qabel għada, però dik id-deċiżjoni trid tkun waħda infurmata.
Aħna qegħdin nagħmlu riċerka fost it-tfal sabiex nifhmu x’jixtiequ u x’ma jixtiqux, x’mezzi soċjali jużaw u kif jużaw il-ħin online. Studji internazzjonali juru li meta t-tfal itteħdilhom l-aċċess għall-midja soċjali għal perjodu ta’ ġimgħat ħassewhom aħjar għax ma kellhomx il-pressjoni li jirreaġixxu u jipparteċipaw fil-midja soċjali. Ma naħsibx illi t-tfal kollha se jgħidu le, u t-tfal huma iktar konxji minn kemm naħsbu aħna.
Fuq l-algoritmi, hemm liġi li daħlet sentejn ilu fuq livell Ewropew sabiex jiġu kkontrollati l-algoritmi iżda hemm problema ta’ infurzar li trid tiġi indirizzata fuq livell Ewropew.
