“Jekk l-Iranjani jibqgħu jżommu kontroll tal-Istrett ta’ Ħormuż u ma jkunx hemm bidla fir-reġim, il-gwerra tista’ddum iżjed”
F’dan l-episodju ta’ Xtra, Saviour Balzan jitkellem ma’ Daniel Attard, il-Kurunell David Attard, Ian Borg u JP Fabri
minn Staff Reporter
Donald Trump jgħid li kien hemm theddida imminenti għall-Amerka. Kemm hija veritiera din?
Il-Kurunell David Attard (KDA): Ma naħsibx li l-Iranjani kienu lesti jagħmlu bomba nukleari. Pjuttost naħseb li nfetħet tieqa ta’ opportunità fejn Iżrael kien qed jara l-Iran terġa’ tarma, fejn żied il-kapaċità li jibni l-missili u infrastruttura għall-bomba nuklearimiċ-Ċina sabiex jarma ruħu. Iżrael qatt ma kien se jaċċetta li l-Iran issir potenza nukleari. Iżrael kien qed jipprepara biex jagħmel l-attakk fuq l-Iran, kieku Iżrael għamel dan mingħajr l-Istati Uniti bħala alleat kienet tkun problematika għaż-żewġ partijiet, u allura ngħid li ħadu l-inizjattiva l-Iżraeljani b’konsultazzjoni mal-Amerikani u stennew il-ħin biex l-Amerikani jibnu l-forzi tagħhom fil-Lvant Nofsani. Dan li qed naraw illum mhuwiex replay tat-12 day war; li kien hemm bejn l-Iran u Iżrael kienet gwerra. Din gwerra totali bejn l-Iran, Iżrael u l-Amerka. Infatti, l-Iran ma żammx lura, attakka bażijiet Amerikani u pajjiżi alleati tal-Amerikani Għarab. Iktar milli ż-żejt qed jiġi mhedded, tħares lejn dak li qed jiġri tinduna wkoll li għalkemm Iżrael ried jeħles mit-theddida li ġejja mill-Iran, l-Amerikani għandhom interess oltre. Fil-futur kollox ibbażat fuq min se jikkontrolla l-enerġija minħabba ħafna affarijiet fost l-introduzzjoni tal-IA. Wara li Trump ħa kontroll tal-ikbar riservi li hemm il-Veneżwela, issa qed jilgħab karta oħra li jekk jista’ jkisser ir-reġim Iranjan biex il-kumpaniji Amerikani jieħdu kontroll taż-żejt fl-Iran u jolqot iċ-Ċina u r-Russja.
Mill-perspettiva tal-Ewropa, taqbel li l-Ewropa għal darb’oħra qiegħda f’dilemma?
Daniel Attard (DA): L-Ewropa żgur m’għandhiex vuċi waħda fuq dan is-suġġett għax l-istituzzjonijiet għandhom kompożizzjoni differenti bi gruppi politiċi differenti u mexxejja ta’ pajjiżi differenti. Dilemma hawn, dibattitu għaddej. Hemm qasma bejn id-dibattitu ġeopolitiku. Filwaqt li jien nikkondividi fuq l-interessi ulterjuri tal-Amerikani kif qal il-Kurunell, infakkar ukoll illi din kienet kontinwazzjoni tal-politika tal-ewwel terminu presidenzjali ta’ Trump. Fil-verità, kien Trump stess li fl-2018 irtira l-Istati Uniti mill-patt illi kellhom mal-Iranjani fuq il-programm nukleari. Inħarsu wkoll lejn dak li għamel Iżrael, ġimgħat u xhur wara li naqset drastikament l-operazzjoni tagħha f’Gaża. Jien nara dan bħala ħolqa oħra f’kullana sħiħa. Aħna ffukajna fuq l-interessi tal-poplu Iranjan. Qabel dan il-programm, kelli laqgħa ma’ rappreżentattiv tal-partiti Kurdi illi jekk se jkun hemm rivoluzzjoni ġewwa l-Iran se tkun immexxija probabbilment mal-Kurdi. Jidher illi qegħdin fl-eqreb mument li jkun hemm tali rivoluzzjoni. Għaddejjin diskussjonijiet bejn dawn il-minoritajiet u l-Amerikani sabiex ikun hemm għajnuna militari. Ir-reġim huwa fl-iżjed mument dgħajjef tiegħu, il-probabbiltà li jużaw il-missili tagħhom qed tonqos. Nista’ nikkonferma li għaddejjin taħditiet sabiex ikun hemm rivoluzzjoni mill-minoritajiet fl-Iran.
Kif tinterpreta t-tbassir ta’ tibdil fil-prezzijiet taż-żejt?
JPF: Din il-grafika turi kif kienu l-previżjonijiet qabel l-attakk għal dis-sena. Dan il-mudell juri xenarji differenti ta’ kif se tiżvolġi l-gwerra. Li joħroġ ċar huwa kemm hi vulnerabbli d-dinja, l-ekonomija mondjali, l-enerġija jekk jingħalaq l-Istrett ta’ Ħormuż. Diġà rajna li l-assigurazzjoni internazzjonali mhumiex interessati fil-coverage tagħhom, għax dan huwa żona ta’ gwerra. F’termini reali, dan jgħid li jekk affarijiet miċ-Ċina kienu jaslu l-Ewropa f’20 ġurnata, issa jieħdu xi 40 ġurnata. Dan se jwassal għal inċertezza u l-vulnerabbiltà tal-ekonomija hija ħaġa reali ħafna. Jekk naraw x’ġara bil-pandemija jew fil-gwerra tal-Ukrajna, naraw kemm aħna fraġli. Għalkemm naħsbu li għandna sistema b’saħħitha, l-affarijiet ġeopolitiċi llum qed ikollhom impatt qawwi u qed ikunu iżjed frekwenti.
Taħseb li dan l-effett se jasal fi xtutna?
JPF: Aħna li ġara huwa meta l-impatt fil-bqija tad-dinja fuq tal-Ukrajna kien qawwi, f’Malta l-gvern ħa deċiżjoni li jissussidja l-kontijiet tad-dawl allura aħna sal-lum qatt ma ħassejna impatt. Issa, kemm għad fadal flus fir-riservi għal dawn is-sussidji u issa jekk il-prezz taż-żejt jogħla u n-nefqa tas-sussidju tiżdied? Dik deċiżjoni li xi ħadd irid jieħu. Kien hemm diversi rapporti mill-IMF fejn qal li dawn is-sussidji qed joħolqu pressjoni fuq il-finanzi tal-gvern.
Dan l-episodju taħseb li qanqal sens ta’ bżonn ta’ unitàpolitika?
DA: Naħseb li ġara żgur hu li l-attitudni ta’ Trump, anke bil-kummenti tiegħu fuq mexxejja Ewropej, qajjem diskussjoni ikbar li l-UE tkun strateġikament aktar awtonoma. Meta ngħid strateġikament awtonoma, ngħid mhux neċessarjament biss fuq id-difiża imma anke fuq l-enerġija primarjament. Naħseb dik hi d-diskussjoni għaddejja, importanti imma mhux se ddgħajjef ir-relazzjoni mal-Amerka.
Taħseb li l-Iran għandu xi ħaġa moħbija li ma nafux biha?
KDA: L-Iran għadu ma eżawriex ruħu, filwaqt li l-oħrajn bdew li kissru d-difiżi tal-ajru Iranjan. Issa għandhom superjorità fl-ajru imma b’ajruplan ma tistax taħtaf pajjiż. Jien infurmat li diġàkien hemm xi movimenti ta’ truppi Kurdi deħlin fil-Punent tal-Iran għax mingħajr boost mal-art, m’hemmx ċans li jinbidel ir-reġim. Għalkemm Trump m’eskludiex, ma naħsibx li l-Amerikani se jibagħtu truppi fl-art. Se jippruvaw jinqdew b’ħaddieħor, bil-Kurdi. Kien hemm ċaqliq militari mal-fruntiera tal-Ażerbajġan.
Il-fatt li r-reliġjon huwa assoċjat ħafna mal-politika fl-Iran, tagħmel is-sitwazzjoni aktar ikkumplikata?
DA: L-ewwel nett nikkonferma dak li qal il-kurunell dwar il-Kurdi li qed ifittxu garanziji mill-Istat Amerikan fuq protezzjoni mill-ajru u l-futur tal-Iran. L-Iran huwa pajjiż li fl-aħħar snin mexxa b’ripressjoni u ċensura. Ir-reġim għadu jgawdi appoġġ imma mhux bil-maġġoranza tal-pajjiż. Hemm ħafna komunitajiet li qed ifittxu għal opportunità tal-bidla. L-ikbar sfida f’dan il-mument mhuwiex ir-reġim imma l-għaqda tal-ispettru sħiħ ta’ komunitajiet differenti.
Kif se naffaċċjaw il-problema ta’ dawk il-Maltin maqbudin f’postijiet fejn hemm ċerta tensjoni?
IB: Din kienet l-ewwel prijorità għalina, b’mijiet ma’ Maltin fir-reġjun. Dawk li kienu hemmhekk fuq vaganza, immedjatament għamlu kuntatt magħna sabiex jirritornaw lura lejn pajjiżna.Kien hemm diffikultajiet ta’ loġistika minħabba l-problema tal-għeluq tal-ispazji tal-ajru. Ħassejna li jkun aktar għaqli li nagħmlu arranġament ma’ kumpanija tal-ajru sabiex ikollna l-Maltin kollha fuq titjira waħda. Li tkun pajjiż żgħir huwa ta’ benefiċċju f’ċirkostanzi bħal dawn. Dan seta’ jsir ukoll minħabba l-fatt li Malta għandha reġistru b’saħħtu tal-avjazzjoni li tatna aċċessibilità għal ċerti kumpaniji.
Il-Gvern huwa konxju għall-fatt li din il-kriżi tista’ twassal għal xi ħaġa oħra?
IB: Il-Gvern konxju. Din iddiskutejnieha mal-kabinett u uffiċjali oħra fl-amministrazzjoni pubblika. Aħna qed insegwu. Jien qiegħed hawn f’konferenza ma’ numru ta’ ministri għall-affarijiet barranin oħra, fejn kulħadd jgħid il-biċċa tiegħu. Aktar kmieni llum kelli laqgħa mal-ministri għall-affarijiet barranin Ewropej u ta’ pajjiżi tal-Golf fejn kulħadd jgħid ħaġa u oħra. Trid tifred il-fatti mill-ispekulazzjonijiet.
Liema qasam taħseb jista’ l-inqas imur lura jew ’il quddiem?
JPF: Hemm possibbiltà li d-destinazzjoni Malta se tiġi ferm aktar imfittxija, wara li Dubai u Ċipru għaddejjin minn perjodu ta’ instabbiltà. Allura hemm ċans li t-turiżmu jkompli sejjer tajjeb. Naħseb l-aktar ħaġa importanti, għal pajjiż ċkejken bħal Malta hu li nibqgħu reżiljenti u għaqlin. Huwa importanti li l-pajjiż, avolja hemm element ta’ vulnerabbiltà, il-long term ma ninsewh qatt għax dak itina l-fundamentali sabiex il-pajjiż jibqa’ għaddej.
Il-kelma li nnaqqsu s-sussidju mhux se jgħiduha l-politiċi.Taħseb li għandna nbiddlu dan l-approċċ?
JPF: Li jrid ikun hemm naħseb fuq żewġ binarji, fejn is-sussidji jgħinu biex itaffu l-impatt wasal iż-żmien li l-intervent tal-gvern ikun ibbażat aktar fuq kondizzjonijiet. Fejn il-kumpanji jinvestu aktar biex ikunu aktar produttivi. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija gwerra tal-enerġija. Il-politika ta’ Trump hija li jipproteġi l-interessi Amerikani fiż-żejt, li jiżola liċ-Ċina mill-bżonnijiet tal-enerġija tagħha.
Hemm strateġija militari mill-Iranjani?
KDA: L-ewwel nett, waħda mill-affarijiet li rridu ninsew li nħarsu lejn l-affarijiet kif jiġu pprovduti minn ċerta midja tradizzjonali. Is-sorsi tiegħi jkunu miż-żewġ naħat. L-Iranjani ilhom jippreparaw għal din il-gwerra. Qed jużaw ċerta strateġija. Għalkemm jafu li ma jistgħux jirbħu, qed jaħdmu bi strateġija.
Inti semmejt li hemm problema ta’ stockpiles.
KDA: Ħafna nies jaħsbu għax in-nies superpotenza li għandha riżerva ma tispiċċa qatt ta’ missili u ajruplani, meta mhuwiex il-każ. L-Amerikani minn għada se jibdew jużaw il-free fall bombs, jiġifieri waslu fi stadju fejn il-missili sofistikati spiċċaw u jkollhom jużaw bombi tradizzjonali. Dan ifisser tgħaddi minn fuq binja, forsi naqra GPS, imma mhumiex missili partikolari li jiswew ħafna flus. Le, iż-żewġ gruppi militari ppreparaw sew imma ż-żewġ naħat ikkundizzjonati bil-limiti tar-riżervi.
Taħseb li sa ġimagħtejn oħra l-gwerra tkun għadha għaddejja?
KDA: Iva, m’għandix dubju. L-Amerikani stess qalu li jridujkunu ppreparati għal gwerra ta’ bejn erba’ u sitt ġimgħat. Jekk l-Iranjani jibqgħu jżommu kontroll tal-Istrett ta’ Ħormuż u ma jkunx hemm bidla fir-reġim, il-gwerra tista’ ddum iżjed.
Hemm xnigħat ta’ elezzjoni f’pajjiżna. Taħseb li kull deċiżjoni se ssir fid-dawl ta’ elezzjoni wara l-bieb?
JPF: Jien naħseb kif rajna tul dawn ix-xhur, fejn anke l-prezz taż-żejt naqas, nimmaġina lid-direzzjoni tal-Gvern se tkun li tibqa’ tipproteġi n-negozji u l-familji Maltin.
