In-nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet tal-Amerka huwa sagrosant, tgħid lettriċi tar-relazzjonijiet internazzjonali

Il-lettriċi Valentina Cassar tiddiskuti l-azzjonijiet riċenti ta’ Trump u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq il-komunità internazzjonali 

 

Il-President Amerikan Donald Trump ilu jokkupa post fuq il-ġurnali internazzjonali mill-bidu tas-sena l-ġdida, inkluż fuq din il-gazzetta. Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-lettriċi tal-Università Valentina Cassar – li għamlet ir-riċerka għad-dottorat tagħha fuq il-Kulturi Strateġi Nukleari tal-Istati Uniti tal-Amerka u r-Russja – dwar il-ħtif tal-President Venezwelan Nicolás Maduro. 

Cassar innutat li t-tneħħija ta’ Maduro saret wara li l-amministrazzjoni Amerikana żiedet il-kritika u l-azzjonijiet tagħha kontra Maduro fuq it-traffikar tad-droga lejn l-Istati Uniti, kwistjoni problematika li ilha ġejja għal diversi snin li qajmet tħassib fuq il-gvern awtoritarju b’nuqqas ta’ demokrazija u ksur tad-drittijiet tal-bniedem. 

Hi qalet li l-aġir tal-Amerka lejn il-Venezwela juri r-rinaxximent tal-Monroe Doctrine, twemmin li beda mill-President Amerikan James Monroe bit-twemmin li l-Ewropa mhux se terġa’ tikkolonizza l-kontinenti Amerikani, li matul iż-żmien intużat bħala ġustifikazzjoni minn aministrazzjonijiet Amerikani dwar interventi fl-Amerka Latina. 

“Hawnhekk, il-miri huma l-istabbiltà fir-reġjun, governanza tajba, il-prevenzjoni tal-migrazzjoni lejn l-Istati Uniti, il-koperazzjoni kontra l-kriminalità transnazzjonali u t-traffikar tad-droga, u li tinżamm barra l-influwenza u l-indħil ta’ pajjiżi oħrajn, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat l-aċċess tal-Istati Uniti għall-assi u supply chains.” 

Barra minn hekk, Cassar waslet għall-konklużjoni li dawn l-azzjonijiet huma kif l-Amerka qed tasserixxi l-influwenza tagħhom f’dan ir-reġjun sabiex jipproteġu l-prijoritajiet u l-interessi tagħhom li jinkludu tħassib fuq iż-żieda fl-influwenza taċ-Ċina f’fora internazzjonali.  

Hi tkellmet fuq ir-reazzjoni tal-komunità internazzjonali fuq il-ħtif ta’ Maduro, fejn ħafna pajjiżi li ma kinux favur ir-reġim ta’ Maduro appellaw għar-rispett tad-dritt internazzjonali u tas-sovranità mingħajr kundanna fuq l-azzjonijiet ta’ Trump. “In-nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet interni tal-Istati Uniti huwa meqjus bħala sagrosant.” Hi spjegat li l-infurzar tad-dritt internazzjoni jiddependi wkoll mir-rieda tal-Amerka li josservawh u jinfurzawh, li tiġi influwenzata minn fatturi politiċi. 

Meta mistoqsija għal xiex, minn aspett akkademiku, hija taħseb li Trump għażel li jipperseguta lid-dittatur Maduro imma mhux dittaturi oħra bħal Vladimir Putin u Benjamin Netanyahu, hi qalet li tiddependi fuq l-isfond tar-relazzjonijiet bejn l-istati.  

Cassar tat kuntest għal dawn ir-relazzjonijiet u l-istorja warajhom fejn l-Istati Uniti għandha relazzjoni storika qrib ta’ Iżrael fejn dejjem raw li l-pajjiż ma jkunx iżolat, anke meta kien hemm amministrazzjonijiet Amerikani li ma qablux ma’ Iżrael evitaw li jieħdu pożizzjonijiet pubblikament kritiċi. 

Madankollu, ir-relazzjoni bejn l-Amerka u r-Russja hija aktar delikata, speċjalment minħabba li ż-żewġ pajjiżi għandhom armi nukleari li jintużaw sabiex isikktu konfronti diretti bejn iż-żewġ stati. Hi nnutat li Trump għamel diskussjonijiet diretti mar-Russja, xi ħaġa li l-predeċessuri tiegħu ma tantx għamlu, imma r-relazzjoni tagħhom xorta tibqa’ waħda inċerta, kemm minħabba l-pussess diġà msemmi tal-armi, kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajna. 

Imbagħad ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u Maduro għandha numru ta’ fatturi inkluż id-dinamiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, il-kapaċitajiet ekonomiċi u militari tagħhom, u d-distanza bejniethom. Barra minn hekk, Cassar qalet li t-tneħħija ta’ Maduro serviet bħala tfakkira għall-mexxejja awtoritarji fir-reġjun tas-saħħa li għandu Trump sabiex ikunu aktar koperattivi mat-talbiet tal-Istati Uniti. 

Hi spjegat kif iż-żejt, minbarra l-potenzjal ekonomiku tiegħu, se jsaħħaħ l-influwenza ġeopolitika tal-Istati Uniti hekk kif hu jista’ jikkontrolla l-aċċess għaż-żejt tal-Venezwela għal pajjiżi oħra inkluż iċ-Ċina.  

“Dak li għad irid jigi kkwantifikat hija l-ispiża tal-rikostruzzjoni tal-infrastruttura taż-żejt tal-Venezwela sabiex din issir aktar aċċessibbli u vijabbli għall-kumpaniji tal-enerġija biex iwettqu l-investimenti meħtieġa u jibbenefikaw fuq medda ta’ żmien. Dan għandu jiġi indirizzat, mhux biss l-aċċess għall-Istati Uniti, iżda wkoll li jiġi żgurat li r-riformi politiċi, legali u soċjoekonomiċi neċessarji jitwettqu,” għalqet Cassar. 

More in Intervisti