
Iż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma: Carmelo Abela joħroġ rebbieħ fuq Jason Azzopardi
‘Din kienet biss storja ivvintata u ffabbrikata. Biss xorta nħoss sodisfazzjon li l-verità ġiet ikkonfermata mill-Ewwel Qorti u ssiġillata mill-Qorti tal-Appell ukoll. Sodisfazzjon, mhux biss għalija, imma għal familti wkoll.’

Kif tħossok wara li anke l-Qorti tal-Appell qatgħetha favurik?
Inħossni sodisfatt li saret ġustizzja f’żewġ sentenzi tal-Qorti, waħda preseduta minn maġistrat u oħra minn imħallef. Kont ili aktar minn erba’ snin ġej u sejjer il-Qorti għax kien hemm min ħass li kellu d-dritt jgħaddi lili u lill-għeżież tiegħi minn martirju. Kien hemm min ħass li seta’ jwaddab allegazzjonijiet serji ħafna fil-konfront tiegħi. Naturalment qatt ma kelli dubju li dak li kien qed jingħad kien kollu gideb u li kienet biss kalunja. Din kienet biss storja ivvintata u ffabbrikata. Biss xorta nħoss sodisfazzjon li l-verità ġiet ikkonfermata mill-Ewwel Qorti u ssiġillata mill-Qorti tal-Appell ukoll. Sodisfazzjon, mhux biss għalija, imma għal familti wkoll.
Kienu erba’ snin twal. Meta tħares lura taħseb li stajt taġixxi mod differenti?
Ma nafx jekk stajtx nagħmel xi ħaġ’oħra differenti. Biss ħadt deċiżjoni li dil-kalunja u dil-gidba mhux se nħallihom għaddejjin. Ma ridtx inħalli aġir ta’ mibegħda politika jtellifni, la mill-ħajja privata tiegħi, u lanqas mix-xogħol, inkluż il-ħidma tiegħi bħala membru tal-Parlament Malti. Legalment li stajt nagħmel għamiltu, jiġifieri l-libell kontra min gideb fuqi ftaħtu u ż-żmien tani raġun.
Naħseb aktar ħaddieħor seta’ jagħmel jew jaġixxi differenti. Dawk il-membri tal-Oppożizzjoni – li minflok għamlu tagħhom dil-gidba – messhom baqgħu lura mqar sakemm jistennew l-eżitu tal-kawża. Illum dawn it-talin bħal donnu belgħu lsienhom u mank lissnu kelma jew talbu apoloġija. Terġa’ tgħid, il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista lanqas biss irrappurtaw l-eżitu tal-appell. Iżda l-poplu huwa matur u jista’ jasal għall-ġudizzju tiegħu.
X’impatt kellu fuq il-ħajja personali u dik politika?
Tajjeb ngħid li f’Marzu tas-sena 2022 kien hemm elezzjoni ġenerali. Sa dak iż-żmien, il-proċeduri fil-Qorti kienu għadhom għaddejjin. Minkejja dan kollu, l-elettorat tat-Tielet Distrett reġa eleġġieni sabiex nirrappreżentah fil-Parlament. Min gideb fuqi kellu riżultat ferm differenti għaliex il-poplu warrbu u baqa’ l-art fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Sakemm kont għadni Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kelli nuża jew aħjar naħli ħafna ħin biex inwieġeb għal dan il-gideb.
Fil-ħajja personali u familjari kellna l-isfidi u ppruvajna naffrontawhom flimkien. B’mod partikolari ma naqsux diffikultajiet marbuta mas-saħħa, bil-pressjoni li dawn iġibu magħhom. Kien hemm ukoll rapporti spissi fil-media dwar din il-gidba li affettwaw u żiedu mal-inkwiet u mal-ħsibijiet. Onestament stajt nifhem aħjar l-isfida tas-saħħa mentali speċjalment meta persuna tibda tħossha li ma jkollhiex is-saħħa tikkumbatti l-ħalel tal-ħajja.
Kif kont għedt fil-Parlament, dakinhar li emozzjonajt xi ftit ruħi, ma nista’ ninsa qatt l-espressjoni ta’ ferħ fuq wiċċ il-mara u t-tfal tiegħi dakinhar li l-Qorti tat l-ewwel sentenza tagħha. Għax minkejja li jkollhom fiduċja assoluta fik, tkun taf li kienu qed ibatu ħafna drabi fis-silenzju u għalhekk kont kuntent li sa fl-aħħar setgħu jistrieħu huma wkoll.
Kont tistenna li l-PN jiddikjara b’mod ċar x’jaħseb fuq Jason Azzopardi?
L-istat tal-PN huwa dak li hu. Ma jistax jaqbad art għax immexxi minn grupp ta’ estremisti li jemmnu li jistgħu jirbħu l-poter billi jkunu kattivi mal-avversarji politiċi tagħhom. Kif għamlu f’tant każijiet oħrajn, il-Partit Nazzjonalista pprova jirkeb fuq din il-gidba li saret fuqi. Kien hemm deputati tal-PN li talbuni nwarrab minn kullimkien, u saħansitra kien hemm deputati tal-PN li qaluli li se jkolli nirtira l-libell! Huwa ċar li għamlu żball u ġudizzju ħażin.
Kont nistenna li l-Partit Nazzjonalista jkun fuq in-naħa tas-sewwa u li bl-ebda mod u forma ma jkun kompliċi. Anke wara żewġ sentenzi mill-qrati, għadhom ma ċaħdux dan il-gideb. Jidher ċar allura li l-PN għadu ostaġġ ta’ dak li ġie ddikjarat bħala giddieb mill-Qorti. Il-PN għadu jagħti kenn lil min jaqbad jivvinta fuq in-nies. Għadhom jagħtuh l-ispazju kollu fuq ix-xandir tagħhom u minflok jinfatmu minnu u mill-azzjonijiet tiegħu, għadhom ħaġa waħda miegħu. Jalla xi darba jkollhom il-kuraġġ jieħdu l-pass it-tajjeb fil-konfront ta’ Azzopardi.
Kif tiddeskrivi l-azzjonijiet ta’ Jason Azzopardi?
Azzjonijiet kattivi u bla qalb. Qatt ma kellhom mis-sewwa u l-intenzjoni dejjem kienet waħda ħażina.
Irrid infakkar li wara l-ewwel sentenza tal-Qorti, Azzopardi kien ħareġ jgħid li għandna noqogħdu attenti kif nitkellmu għax għad hemm l-appell pendenti u qalilna li iġri jasal illejla qabel għada! L-appell wasal u l-kundanna iebsa lejn il-gidba tiegħu baqgħet hemm.
Lil hinn minn Jason Azzopardi, xewqti hija li ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejt minnu jien u familti, u li bħala soċjetà nieħdu ħsieb xulxin, speċjalment meta jkun hemm min jipprova jgħaddina minn żminijiet diffiċli ħafna.
Għadek interessat tkompli fil-parlament? U jekk iva, x’taħseb li jista’ jkun il-kontribut tiegħek?
Iva, u sakemm l-elettorat jibqa’ jislifni l-fiduċja, ikun l-akbar unur u privileġġ li nirrappreżentahom bl-aħjar mod possibbli. Jien dejjem imxejt ma’ dak li xtaqu minni t-tliet mexxejja li ħdimt magħhom sa minn meta bdejt l-attiviżmu politiku tiegħi fl-1996. Dak li jintalab minni, meta jkun il-każ, jiena nagħmlu skont l-abbiltajiet tiegħi, kif għamilt fil-passat. Fil-preżent qed nagħti sehmi fi ħdan il-Grupp Parlamentari u fil-Parlament, kemm bħala President ta’ żewġ Kumitati Parlamentari, kif ukoll bħala Kap ta’ żewġ delegazzjonijiet Parlamentari, u billi nagħti l-kontribut tiegħi f’dibattiti u f’delegazzjonijiet Parlamentari.
Żammejt kuntatt mal-kostitwenti tiegħek matul dawn l-aħħar erba’ snin?
Iva, u se nżomm aktar fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Dejjem apprezzajt il-kuraġġ u s-sapport tagħhom f’dak li jiena u familti konna għaddejjin minnu. U ta’ dan nirringrazzjahom u nibqa’ verament grat lejhom.