
‘Hemm bilanċ delikat li rridu nżommu bejn il-progress u dak li sawwarna bħala komunità’
Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħhom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Clayton Cascun Portelli, is-Sindku tal-Fgura.

minn Sean Fenech

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?
L-unika ħaġa li nsejħilha mhux daqshekk inkwetanti imma ta’ dispjaċir, hija li ma nistax inkun preżenti għan-nies tal-lokalità kuljum, speċjalment filgħodu, għax l-ewwel u qabel kollox għandi l-impenn tax-xogħol ewlieni tiegħi. Kultant jiddispjaċini meta nkun fuq il-post tax-xogħol u xi anzjana tiġi tfittex l-assistenza tiegħi, u jgħidulha li s-Sindku mhuwiex hawn. Dan kultant iwassal għal rabja min-naħa ta’ ċerti residenti, għax jaħsbu li l-irwol ta’ Sindku huwa xogħol full-time, meta fil-verità huwa wieħed part-time.
Din hija sfida kbira għalina li rridu nlaħħqu, kemm mal-professjoni tagħna, kif ukoll mal-impenji lejn il-kostitwenti, filwaqt li nippruvaw nagħtu l-massimu mill-ħin tagħna bl-aħjar mod possibbli. Iżda mhux dejjem ikun faċli. Għalhekk, nemmen li s-Sindku għandu jkun full-time u disponibbli għar-residenti matul il-ġimgħa kollha. Jekk dan isir, il-kunsilli lokali jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet aktar effettivi u jtejbu l-ħidma tagħhom ta’ kuljum.
Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Kull meta jsir xi żvilupp fil-lokal, hemm bilanċ delikat li rridu nżommu bejn il-progress u dak li sawwarna bħala komunità — speċjalment fejn jidħol il-wirt storiku. Il-Fgura mhux magħrufa ħafna għall-wirt storiku, u huwa minnu li dan huwa limitat. Madankollu, proprju għalhekk inħoss responsabbiltà akbar li dak il-ftit li għandna jingħata l-valur li jistħoqqlu u jkun ippreservat għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Sfortunatament, esperjenzajna kontroversji dwar ir-razzett l-antik li jinsab fi Triq Hompesch, li ilu mibni aktar minn 200 sena. Dan seta’ sar attrazzjoni storika u kulturali importanti għal-lokal tagħna, peress li kien wieħed mill-ewwel irziezet mibnija fil-Fgura, ftit ’il bogħod mill-ewwel kappella li qatt kien hemm fiż-żona. Illum, f’post dik il-kappella, hemm salib bħala rappreżentazzjoni tas-sinifikat storiku tagħha.
Irridu nibqgħu viġilanti biex nassiguraw li l-ftit li baqa’ mill-istorja tal-Fgura jiġi ppreservat u valurizzat, sabiex nagħtu identità aktar b’saħħitha lill-lokalità tagħna u nagħmlu ġieħ lill-għeruq tagħna.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Kulħadd jaf li l-Fgura hija waħda mill-iktar lokalitajiet b’densità għolja ta’ popolazzjoni f’Malta. Għalhekk, l-ispazji miftuħa huma ferm limitati, speċjalment fil-qalba tal-lokal.
Tliet snin ilu, flimkien ma’ Project Green, imbarkajna fuq ħidma sħiħa biex niksbu fondi Ewropej u nkunu nistgħu nirriġeneraw il-Foss kollu tal-Fgura. Din hija żona mitluqa li tinsab madwar is-swar kollha u tkompli sa Ġnien San Klement. Permezz ta’ din il-ħidma flimkien mal-Gvern Ċentrali, din l-art se tiġi trasformata fi spazju rikreattiv għar-residenti u l-familji tagħna.
Barra minn hekk, bħala Kunsill, qed nesploraw pockets żgħar fiċ-ċentru tal-lokal li jistgħu jinbidlu f’żoni miftuħa għall-pubbliku, permezz ta’ skemi ta’ finanzjament mill-Gvern. Il-ħidma tal-Kunsill se tkompli tkun iffukata biex nirbħu lura l-aqwa kwalità tal-ħajja possibbli għar-residenti tagħna.
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
F’din il-leġiżlatura, għandna ħafna proġetti ppjanati għall-lokal tagħna — uħud minnhom ambizzjużi u forsi anke kontroversjali. Fosthom hemm ir-riġenerazzjoni ta’ Vjal il-Kottoner, fejn minn triq ordinarja, se tiġi trasformata fi vjal modern u adattat għall-lokalità tagħna. Dan il-proġett se jinkorpora siġar u arbuxelli li mhux biss se jagħtu dehra isbaħ lit-triq, imma wkoll joħolqu ambjent aktar sostenibbli.
Proġett ieħor li jinsab għal qalbi huwa r-riġenerazzjoni ta’ Triq Hompesch. Hawnhekk, minn triq b’żewġ karreġġjati, se ssir triq b’karreġġata waħda, b’direzzjoni minn Ħaż-Żabbar għal Raħal Ġdid. Dan il-proġett se jipprovdi aktar spazju miftuħ billi jitwessgħu l-bankini, sabiex in-nies ikunu jistgħu jimxu b’aktar kumdità u sigurtà. Barra minn hekk, se nerġgħu nimplimentaw is-siġar u l-arbuxelli kif kienu fil-passat, filwaqt li nassiguraw lir-residenti li l-ammont ta’ parkeġġ jibqa’ l-istess.
L-għan tiegħi huwa li l-Fgura ma tibqax biss passaġġ bejn lokal u ieħor, imma li ċ-ċentru tar-raħal jibda jitgawda mir-residenti tagħna aktar milli mill-karozzi.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?
Il-Kunsill Lokali waħdu ma jistax jaħdem mingħajr komunikazzjoni tajba mal-entitajiet tal-Gvern, speċjalment fejn jidħlu s-servizzi essenzjali bħad-dawl, l-ilma, l-iStreet Lighting, kif ukoll l-infrastruttura ġdida.
Irrid nistqarr li ċerti entitajiet jieħdu aktar żmien minn oħrajn biex jassistu lill-Kunsill Lokali, prinċipalment minħabba d-domanda kbira fuqhom. Nemmen li wasal iż-żmien li kull Kunsill ikollu Liaison Officer minn kull entità rilevanti, li jkun iddedikat biss għal dik il-lokalità.
B’dan il-mod, mhux biss tiżdied l-effiċjenza, iżda l-Kunsilli jingħataw aktar għodod biex ikunu jistgħu jassistu aħjar, kemm lir-residenti, kif ukoll lill-lokalità tagħhom.
Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x'inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
Għandi fiduċja qawwija fiż-żgħażagħ u fit-tmexxija tagħhom, speċjalment meta nikkunsidraw li l-lokalità tagħna għandha demografija pjuttost żagħżugħa.
Nemmen li l-introduzzjoni tal-vot ta’ 16-il sena kienet pass importanti ħafna, peress li tat vuċi iżjed b’saħħitha liż-żgħażagħ tagħna. Barra minn hekk, il-fatt li issa jistgħu wkoll jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali huwa pass ieħor ’il quddiem. Dan mhux biss jagħtihom leħen, imma wkoll l-opportunità li jieħdu sehem dirett fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-lokalità tagħhom.
L-uniku tħassib tiegħi huwa li, minħabba l-età żgħira tagħhom, dawn iż-żgħażagħ ikunu għadhom qed jesperjenzaw il-ħajja u jkomplu l-istudji tagħhom. Madankollu, inħares lejha wkoll bħala opportunità unika — din il-kariga tista’ tgħinhom jiżviluppaw is-sens ta’ responsabbiltà u jagħrfu l-ħtieġa li jassistu fil-bżonnijiet tal-lokal, filwaqt li jimplimentaw ideat ġodda u progressivi.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Meta jkollok Kunsill attiv u ħabrieki, inevitabbilment tqum l-isfida finanzjarja, u hawnhekk nixtieq nispjega għaliex.
Il-Kunsill Lokali jingħata baġit skont il-popolazzjoni u l-ħtiġijiet tal-lokalità tiegħu. Dan il-baġit jinkludi spejjeż essenzjali bħaż-żamma tal-lokal, in-nadif, it-tiswijiet, il-ġbir ta’ skart goff, il-manutenzjoni ta’ żoni miftuħa (soft areas), kif ukoll il-pagi tal-ħaddiema u l-bżonnijiet tal-binja tal-Kunsill. Ħafna minn dawn l-ispejjeż huma fissi, jiġifieri l-Kunsill huwa obbligat jonfoq dawn il-flus fuq dawn l-affarijiet essenzjali.
Meta Kunsill ikun ambizzjuż u jwettaq proġetti ġodda — ħafna minnhom permezz ta’ fondi mill-Gvern Ċentrali — spiss ikun hemm il-bżonn li l-Kunsill joħroġ parti mill-ispiża tiegħu stess. Dan jista’ jwassal għal infiq ogħla minn dak previst, u għalhekk xi Kunsilli jsibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn iridu jużaw parti mill-fondi li fadal għal spejjeż oħra.
Biex nindirizzaw dan, bhala Kunsill ħloqna baġit individwali għal kull Kunsillier skont id-dekasteru tiegħu. Dan il-pass jagħmilhom aktar responsabbli fuq l-infiq matul is-sena, u jiżgura li l-fondi jintużaw b’mod aktar effiċjenti. Barra minn hekk, il-Kunsill għandu wkoll l-opportunità li japplika għal skemi u fondi addizzjonali biex jiżgura li jkun hemm aktar riżorsi għal attivitajiet u proġetti fil-lokal.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
Waħda mill-ikbar sodisfazzjonijiet fir-rwol ta’ Sindku hi l-ħila li nipprova dejjem nagħmel differenza konkreta fil-komunità tal-Fgura. Li nara proġetti jitwettqu b’suċċess, bħat-titjib fl-infrastruttura, it-tisħiħ tas-servizzi għar-residenti, u l-organizzazzjoni ta’ inizjattivi kulturali u soċjali, jagħtini motivazzjoni kontinwa. L-aktar li jġib sodisfazzjon huwa l-apprezzament min-nies u li nkun qrib tal-komunità.

Il-Fgura tidher li hi raħal qadim hekk kif instabu sitt oqbra Puniċi fi Triq il-Liedna li jservu t’evidenza ta’ komunità minn dawk iż-żminijiet. Minn dak li nstab f’dawn l-oqbra, jidher li l-abitanti kienu pjuttost għonja, u b’hekk huwa maħsub li l-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu għaddejjin minn żmien ta’ prosperità bis-saħħa tal-kultivazzjoni tal-qoton u l-produzzjoni tal-inbid u ż-żejt taż-żebbuġa. Skont l-arkivji notarili, jidher li l-isem tar-raħal ġej minn familja li kunjomha kien “Ficura” li kellha numru ta’ għelieqi u rziezet fiż-żona. Il-kunjom tal-familja, bħal kif spiss jiġri, spiċċa jitlissen bħala “Fgura”. Illum il-ġurnata l-Fgura hija waħda mill-irħula bl-iktar densità għolja tal-popolazzjoni fil-pajjiż.
Minn meta ġejt elett bħala Sindku, nista’ ngħid li ħajti nbidlet minn lejl għal nhar. Id-domanda u n-neċessità tan-nies huma ħafna ikbar minn kemm wieħed jistenna, għax ħafna jarawni bħala l-persuna li tista’ tassistihom fl-isfidi li jiltaqgħu magħhom, kemm fuq livell personali, kif ukoll fil-lokalità.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Fil-ħames snin li ġejjin, il-Fgura għandha tiffoka fuq titjib infrastrutturali, mobilità sostenibbli, żvilupp komunitarju u ekonomiku, kif ukoll sigurtà u ordni pubbliku. Il-prijoritajiet ewlenin jinkludu manutenzjoni tat-toroq u l-bankini, iż-żieda ta’ spazji ħodor, u soluzzjonijiet għall-problemi ta’ parkeġġ. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ aktar attivitajiet kulturali u inizjattivi għaż-żgħażagħ, kif ukoll miżuri biex jiġi msaħħaħ in-negozju lokali. L-għan hu li l-Fgura ssir lokalità aktar nadifa, sigura u attraenti għall-komunità tagħha.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Nemmen li l-lokalità tagħna hija nieqsa minn siġar u ħdura, u għalhekk, kif diġà spjegajt, bħala Kunsill irridu nibqgħu naħdmu b’mod kollettiv mar-residenti u l-Gvern Ċentrali biex kull spazju żgħir li nsibu jintuża għall-implimentazzjoni ta’ progetti ħodor. Proġett li huwa ħafna għal qalbi, u li bi ftit ħsieb biddilna kompletament l-ambjent tiegħu, huwa dak tal-bankina ta’ ħdejn l-iskola. Hawnhekk, ħloqna vertical gardens u tined magħmula mis-siġar li jixxebilku, li mhux biss biddlu d-dehra tal-bankina, imma wkoll għamluha aktar frekwentata min-nies. Tiskanta kemm ftit siġar jistgħu jagħmlu differenza! Din hija t-triq ’il quddiem — li ninvestu f’aktar proġetti ambjentali li jagħtu lura lir-residenti tagħna ambjent isbaħ, aktar nadif u aħdar.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu?
Tajjeb niċċara li minn dak li jirriżulta mir-rappurtaġġ fil-midja, id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, iżda jidher ukoll li s’issa l-lokalita li jien flimkien ma’ sħabi l-kunsilliera responsabbli għaliha mhux se tkun affettwata minn dan it-tibdil. Però anke kieku biss, dan ma jnaqqas jew ibiddel xejn mill-ħidma u l-koordinament li jsir mal-Gvern Ċentrali.