'Dan it-tip ta’ reat m’għandux kulur, uċuħ, reliġjon jew politika, iżda jaffettwa lil kulħadd'

Wara li rajna żewġ każijiet prominenti ta’ vjolenza domestika, il-gazzetta ILLUM iddeċidiet titkellem ma’ Dr Lara Dimitrijevic mill-Women’s Rights Foundation biex nistaqsuha dwar x’jgħidu dawn il-każijiet dwar is-soċjetà Maltija

Dr Lara Dimitrijevic mill-Women’s Rights Foundation
Dr Lara Dimitrijevic mill-Women’s Rights Foundation

Il-għaliex taħseb li Robert Aquilina ma ġiex arrestat minkejja t-talba tal-pulizija? 

Bla ebda mod m’jien se nirrispondi fuq dan il-każ speċifiku, iżda nemmen li d-domanda m’għandhiex tkun għalfejn ma ġiex arrestat, iżda għalfejn il-Qorti ma awtorizzatx l-arrest, irrispettivament min kienet il-persuna li għaliha qed tintalab. Lil hinn mill-mertu u l-fatti ta’ kwalunkwe każ u rapport ta’ vjolenza domestika, il-protezzjoni tal-vittma għandha dejjem tkun prijorità.  

X’għandu jsir biex meta jkun hemm riżultat ta’ riskju għoli għall-vittma wara l-assessjar tal-pulizija, l-arrest iseħħ b’mod awtomatiku? 

F’każijiet fejn jirriżulta li hemm riskju għoli, l-arrest tal-persuna huwa mistħoqq. L-arrest m’għandu xejn x’jaqsam mal-ħtija u n-nuqqas tal-aggressur, iżda hija miżura sabiex tippreveni traġedja milli sseħħ. Bħala alternattiva, il-liġi diġà tikkontempla forma oħra ta’ protezzjoni, dik tal-ordni ta’ protezzjoni temporanja, iżda din rarament qed tinħareġ mill-qrati meta tiġi mitluba, għall-inqas dan fil-każijiet tal-qrati ta’ Malta.   

Taħseb li se jkun hemm xi impatt soċjali hekk kif persuna tant magħrufa bħal Aquilina ġiet implikata f’każ serju ta’ vjolenza domestika? 

F’każijiet meta jkun hemm persuna bi profil għoli, dan awtomatikament se jiġbed aktar attenzjoni sew fil-midja, kif ukoll mill-pubbliku inġenerali. Però każ bħal dan, kif ukoll oħrajn li kienu ġew irrapportati ta’ nies oħra prominenti jew f’ċerti pożizzjonijiet jaffermaw, jekk xejn, li dan it-tip ta’ reat m’għandux kulur, uċuħ, reliġjon jew politika, iżda jaffettwa lil kulħadd.  

F’temp ta’ ġimgħa rajna żewġ każijiet ta’ vjolenza domestika fejn ġew involuti żewġ personalitajiet magħrufin, b’reazzjoni mħallta mis-soċjetà Maltija. Kien hemm min iddefenda lil dawn il-personalitajiet u oħrajn li kkundannawhom. Din ir-reazzjoni x’timplika dwar il-kultura Maltija fejn jidħol l-abbuż domestiku u dawk involuti fih? 

Bla dubju f’pajjiżna ngħixu f’soċjetà polarizzata u naħseb illi r-reazzjonijiet għal dawn iż-żewġ każijiet juru dan. Però jekk hemm ħaġa li kulħadd għandu jaqbel dwarha, minn kull kamp politiku, hija li l-vjolenza fuq il-mara u l-vjolenza domestika m’għandhom qatt ikunu aċċettabbli. Is-soċjetà tagħna għadha patrijarkali. Is-soċjetà tagħna diġà hija patrijarkali ħafna u l-kwistjonijiet tan-nisa qed jitqiesu minn lenti tal-injoranza u l-preġudizzju. Żidna wkoll perspettiva politika, fejn in-nies jiddefendu jew jikkundannaw l-azzjonijiet tal-awturi tar-reat skont liema partit politiku jappartjenu għalih u/jew jekk dan jibbenefikax il-partit politiku tagħhom jew iweġġax lill-avversarji. Huwa ta’ dwejjaq u mhux xieraq għas-soċjetà kollha kemm hi. 

Taħseb li s-soċjetà Maltija għadha wisq patrijarkali speċjalment meta tqis li omm Justin Haber qed taqbeż għat-tifel u tpinġih bħala vittma, waqt li tpinġi lil Pearl bħala sors ta’ inkwiet? 

M’għandniex bżonn każ speċifiku biex nuru li s-soċjetà tagħna hija patrijarkali. Hemm bosta studji u riċerka li juru dan. Id-differenza fil-pagi, min jagħmel aktar xogħol domestiku, min huwa aktar preżenti u għandu aktar viżibbiltà fil-politika u n-negozju, il-mod kif in-nisa huma ttrattati fil-midja u l-kummenti meta mqabbla mal-irġiel, biex ma nsemmux il-vjolenza domestika u l-vjolenza minn sieħeb intimu fejn il-maġġoranza l-kbira tal-vittmi huma nisa. Dan kollu juru kif is-soċjetà tagħna hija patrijarkali għall-aħħar.  

“Jekk hemm ħaġa fejn kulħadd għandu jaqbel dwarha, minn kull kamp politiku, hija li l-vjolenza fuq il-mara u l-vjolenza domestika m’għandhom ikunu qatt aċċettabbli”

Filwaqt li nesprimu solidarjetà mal-vittmi ta’ dawn il-każijiet, taqbel li każijiet ta’ profil għoli bħal dawn iservu bħala eżempji tas-serjetà tal-vjolenza domestika? 

Hemm ħafna aktar vittmi li s-sitwazzjoni tagħhom ma tingħatax attenzjoni. Wieħed jifhem li dak li jkun ma jridux li l-affarijiet privati ​​tagħhom jiġu ppubblikati fil-midja, iżda l-vjolenza domestika hija problema pubblika, mhux waħda individwali. Bħala soċjetà, għandna aktar poter mill-vittma biex nagħmlu xi ħaġa dwarha. 

Sena wara sena, dejjem qegħdin jiżdiedu l-każijiet ta’ vjolenza domestika. Fl-opinjoni tiegħek, x’qed iwassal għal dawn iż-żidiet? Hija żieda fir-rappurtaġġ għax issa għandna iktar kuxjenza dwar x’inhi vjolenza domestika? Jew ġenwinament qed isiru iktar ta’ spiss inċidenti ta’ vjolenza domestika? 

Il-vjolenza fuq in-nisa dejjem kienet hemm. Tant hu hekk li ħafna forom ta’ dak li llum nikkunsidraw bħala vjolenza kienu normalizzati u kkunsidrati parti mill-ħajja tan-nisa. Qabel, in-nisa ma kellhomx fejn imorru. Kien ferm aktar diffiċli biex isibu xogħol jew jiftħu kont bankarju. Ħafna ma kellhom l-ebda għażla ħlief li jaċċettaw is-sitwazzjoni li kienu fiha. Kif il-mara bdiet isir aktar emanċipata, dawk l-ostakli bdew jimminimizzaw. Anke d-drittijiet tan-nisa saru aktar rikonoxxuti tul iż-żmien u llum il-mara għandha aktar possibbiltà tara dak li huwa l-aħjar għal ħajjitha. Barra minn hekk, illum għandna aktar għarfien, aktar riżorsi u aktar servizzi, li lkoll jgħinu sabiex in-nisa jiksbu l-kuraġġ li jirrappurtaw.  

Huwa tajjeb ħafna li każijiet ta’ vjolenza domestika fuq in-nisa jirċievu daqshekk attenzjoni — iżda ninnutaw li meta tinqaleb il-munita ma jkunx hemm dil-istess reazzjoni. Ma taħsibx li din hija inġustizzja fuq l-irġiel li huma vittmi tal-vjolenza domestika? 

Hemm irġiel li huma vittmi ta’ vjolenza domestika. Il-liġijiet tagħna jirrikonoxxu dan. Hemm ukoll xi servizzi li jintużaw meta l-irġiel huma l-vittmi, bħal għodod speċjalizzati għall-evalwazzjoni tar-riskju. Possibbilment, l-irġiel ma jingħatawx daqstant attenzjoni għaliex ftit huma dawn l-irġiel vittmi ta’ vjolenza domestika, u minn dawk li jirrappurtaw, ħafna drabi l-aggressur huwa raġel ieħor. Hemm irġiel oħra li huma vittmi ta’ vjolenza domestika li ma jirrappurtawx minħabba l-mistħija u l-istigma, iżda t-tneħħija ta’ dawn in-normi foloz tal-ġeneru hija eżattament dak li qed jiġġieldu għalih in-nisa u l-moviment femminista, u aktar irġiel għandhom jingħaqdu mal-moviment. Ovvjament, l-irġiel li huma vittmi ta’ vjolenza domestika għandhom jirċievu l-għajnuna kollha li jeħtieġu. 

Hija min hija l-vittma, naħseb naqblu li ħaqqha l-għajnuna. Rigward dan, taħseb li l-Gvern qed jagħmel biżżejjed biex jgħin lill-vittmi? U jekk le, x'għandu jagħmel biex joffri servizz adegwat lill-vittmi? 

Hemm diversi rapporti, inkjesti u riċerka li saru dwar il-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru f’Malta matul l-aħħar żewġ deċennji. Bosta minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma simili fil-fatt. Punt importanti f’dan kollu, huwa li l-vittma għandha tibqa’ fiċ-ċentru ta’ dak kollu li jsir — liġijiet, servizzi, protezzjoni, eċċ. Pereżempju, ħafna drabi noffru lin-nisa f’riskju li jmorru f’xelter, anke l-liġi tipprovdi għal dan, iżda b’kull rispett dan mhuwiex sew, għalkemm ovvjament ikun hemm ċirkostanzi fejn ħajjitha tant tkun f’riskju li għandha bżonn tidhol f’xelter. Irridu liġijiet aktar robusti u ċari, u li jżommu l-bżonnijiet u d-drittijiet tal-vittma bħala l-punt kruċjali. Hemm bżonn li jerġa’ jiġi rintrodott li għandu jkun l-aggressur li jinqala’ fil-fond inkomuni u mhux il-vittma u l-ulied, jekk ikun il-każ. Hemm bżonn li l-liġijiet jiġu aktar imsaħħa sabiex il-vittmi vera jkollhom aċċess effettiv u immedjat għall-protezzjoni tagħhom.  

Tixtieq tagħlaq b’xi ħaġa oħra, jekk jogħġbok? 

Tul is-snin ma nistax ma ngħidx li sar ħafna, biss biss insemmi s-sezzjoni speċjalizzata fi ħdan il-pulizija u l-hubs dedikati. Iżda hemm bżonn ta’ aktar, inkluż ir-rieda politika minn kull partit. Irridu naħsbu dwar il-prevenzjoni, mhux biss dwar kif nittrattaw il-vjolenza meta diġà ġrat. Fl-aħħar nett, irridu naħdmu aktar mal-irġiel u s-subien fuq l-ugwaljanza, il-prevenzjoni tal-vjolenza, u t-tneħħija tan-normi tal-ġeneri li jweġġgħuhom ukoll. Fl-aħħar mill-aħħar, irridu nippjanaw u nwettqu strateġiji preventivi li jkunu effettivi long term filwaqt li naċċertaw li s-servizzi disponibbli għall-vittmi jkunu tal-aqwa kwalità. 

More in Intervisti