‘Faċli wieħed jikkritika iżda d-domanda għandha tkun, ‘personalment jien lest nagħmel il-parti tiegħi u ma nkomplix niżviluppa minkejja li għandi opportunità’?’

Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħhom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Grace Marie Zerafa, is-Sindku tal-Imqabba

Grace Marie Zerafa, is-Sindku tal-Imqabba
Grace Marie Zerafa, is-Sindku tal-Imqabba

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-konstitwenti tiegħek? 

Ix-xogħol ta’ Sindku huwa wieħed impenjattiv ħafna u li trid tara kif tlaħħqu max-xogħol personali tiegħek. Il-ħtiġijiet tar-residenti ma jonqsux u naħseb illi l-akbar sfida hija illi tipprova tfehemhom x’poteri għandu l-Kunsill u fejn jista’ jaġixxi u fejn le. Nemmen li hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni fuq sa fejn jista’ jasal il-Kunsill għaliex ħafna mid-drabi l-Kunsill ikun liason bejn l-entità u r-resident, u d-deċiżjoni finali tkun tal-entità. L-inkwiet tiegħi ta’ kuljum dejjem ikun kif tista’ tagħmel aktar bir-riżorsi li jkollok. 

Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità? 

Naħseb li din is-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu fiha llum trid tiġi indirizzata b’mod kollettiv għaliex faċli wieħed jikkritika iżda d-domanda għandha tkun, “personalment jien lest nagħmel il-parti tiegħi u ma nkomplix niżviluppa minkejja li għandi opportunità”? Ħloqt ukoll kunċett ġdid fejn kull laqgħa tal-Kunsill inressaq l-applikazzjonijiet kollha li jkunu daħħlu l-Awtorità tal-Ippjanar matul ix-xahar u, flimkien ma’ sħabi, naraw li nwasslu l-messaġġ tagħna fejn meħtieġ u fuq kollox sa fejn tippermetti l-liġi. Bħala Kunsill, anke permezz ta’ proġetti li qegħdin naħdmu fuqhom, aħna impenjati sabiex nagħtu aktar nifs lil-lokalità anke permezz ta’ ġonna ġodda. Jekk qed nitkellmu fuq wirt qegħdin naħdmu fuq diversi proġetti fosthom ir-Restawr tal-Isptar il-Qadim u diversi niċeċ li għandna madwar il-lokal għaliex għandna nkunu aħna li nieħdu ħsieb dan il-patrimonju. 

Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti? 

Naħseb f’lokal ikollok kemm ikollok, qatt mhu biżżejjed u propju għalhekk qegħdin nesploraw kull possibbiltà sabiex dejjem inkomplu nżidu aktar spazji. Infatti, bħalissa qegħdin naħdmu fuq tliet proġetti ġodda ta’ spazji miftuħa. 

Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin? 

Li jiġi mwettaq il-manifest elettorali li ġejna eletti fuqu filwaqt illi nieħdu l-massimu minn kull għajnuna u skemi maħruġa mill-Gvern Ċentrali. Nixtieq li f’dawn il-ħames snin nara li residenti ġodda jintegraw b’mod sħiħ u attiv fil-lokal, filwaqt illi jirrispettaw u jaċċettaw il-kultura tal-lokalità tagħna. 

Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib? 

II-bini taċ-Ċentru Ċiviku se jkun wieħed mill-proġetti li hemm ippjanati li jitlesta fiż-żmien li ġej fejn l-għan tagħna huwa li b’diskussjonijiet mal-Gvern Ċentrali naslu sabiex jibdew jingħataw servizzi tas-saħħa, kif ukoll jitwaqqaf Ċentru ta’ Matul il-Jum. Hemm ukoll il-bandli ġodda flok Onġi Onġella, ġnien fuq il-ġibjun miftuħ u r-restawr tal-Isptar il-Qadim. Dawn, apparti diversi diskussjonijiet li għaddejjin fuq diversi bini ta’ toroq ġodda u spazju miftuħ ieħor għall-familja. 

Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti? 

Is-servizz ta’ Berġa u Ċentru ta’ Matul il-Jum għaliex hawn diversi anzjani li jgħixu waħedhom u jkunu f’solitudni. 

Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku? 

Naħseb li dejjem ikun hemm lok għal aktar però ma nistax ngħid li meta kien hemm bżonn sibt il-bibien magħluqa.  

⁠Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali? 

Fil-lokal tagħna ma kienx hemm persuni li resqu ’l quddiem. Li jkun hemm involviment taż-żgħażagħ qatt mhu telf għaliex fid-dinja l-ideat ta’ kulħadd huma bżonjużi u li jsaħħu kull deċiżjoni li tittieħed. Jekk dawn għandhomx ikunu Sindki jew le, finalment hija deċiżjoni tal-elettorat li jsemma’ leħnu permezz tal-vot tiegħu. 

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji? 

Jiena dejjem nassigura illi nġib fondi u nressaq diversi proposti quddiem il-Ministeri kkonċernati. Bla dubju nemmen li wasal iż-żmien li kif jiġri fuq livell nazzjonali, il-Kunsill għandu jkun hu li jitlob lill-finanzi kemm għandu bżonn allokazzjoni sabiex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu permezz ta’ pjan serju. Minn hemmhekk toħroġ ukoll id-diskussjoni ta’ fejn irridu naraw u nieħdu l-Kunsilli tagħna fis-snin li ġejjin. 

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu? 

Naħseb din mhix kwistjoni jekk għandux jibqa’ kollox kif inhu jew le. Nemmen li din trid tkun deċiżjoni li fuq kollox tirrispetta l-kostituzzjoni li hija waħda ċara fejn titkellem fuq viċinanza ġeografika għad-distretti. Għaldaqstant fl-opinjoni tiegħi ikun aħjar illi mmorru għal proposta li jkun fiha l-inqas tibdil filwaqt imma li tirrispetta l-parametri ta’ 5% ’il fuq jew ’l isfel. Ta’ min jgħid ukoll illi l-proposti ġejjin mill-Kummissjoni nnifisha. 

X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa? 

L-akbar sodisfazzjon huwa li rnexxilli nasal sabiex jitwettqu jew se jkunu mwettqa diversi proġetti ambizzjużi fosthom il-bini mill-ġdid ta’ Triq is-Sejba, il-Bini ta’ Ċentru Ċiviku, kif ukoll il-Ġibjun li kien ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti speċjalment fil-ġranet sħan tas-sajf jinbidel fi spazju miftuħ u żgur u mhux l-inqas li ħdimt bis-sħiħ sabiex l-applikazzjoni għal tarmac plant ġiet irtirata. 

More in Intervisti