
'Tiskanta, kemm dan is-suġġett għadu tabù, u kemm hawn individwi jsofru fis-silenzju'
Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-segretarju parlamentari Andy Ellul dwar il-proposti marbuta mal-leave tal-korriment, f’intervista estensiva dwar dan is-suġġett

X’inhuma l-partijiet ewlenin li beħsiebkom tintroduċu permezz tal-politika tal-leave tal-korriment? Pereżempju, kemm hu l-massimu ta’ leave li jistgħu jieħdu? Se tapplika għaż-żewġ sessi?
Il-Miscarriage Leave se jkun leave speċifiku għal min jgħaddi minn korriment tat-tqala, li se jkun imħallas kollu mill-Gvern, għall-kuntrarju ta’ diversi pajjiżi madwar id-dinja fejn dan il-leave jew ma jeżistix jew inkella ġeneralment ikun imħallas minn min iħaddem. Għalkemm din ir-riforma għadha fi stadju ta’ konsultazzjoni, diġà tressqu diversi punti li jimmeritaw aktar diskussjoni, fosthom li dan il-leave għandu jkun fuq numru ta’ granet li jkunu biżżejjed biex persuna tipproċessa dak li tkun għaddiet minnu u tirkupra fiżikament u emozzjonalment. Ovvjament tgħallimna wkoll li din il-weġgħa qatt ma tgħaddi, imma tal-anqas fil-ġranet tal-bidu dik il-koppja jkollha ftit sostenn. Barra minn hekk, ġie diskuss ukoll jekk dan il-leave għandux japplika biss għall-mara jew saħansitra għall-partner tagħha, anke f’każ ta’ koppja tal-istess sess. Jidher li hemm konsensus minn kull min qed jipparteċipa li dan il-leave għandu japplika, kemm għall-mara, kif ukoll għas-sieħeb jew sieħba.
Fl-istess ħin, hemm bżonn ta’ protezzjonijiet kontra l-abbuż, kemm min-naħa tal-impjegat, bħal pereżempju l-abbuż ta’ dan il-leave biex jieħdu ħin ’il bogħod mix-xogħol, kif ukoll min-naħa ta’ min jimpjega, bħal li jwaqqfu lil xi ħadd milli javvanza fil-karriera minħabba li kellhom jieħdu dal-leave. X’salvagwardji beħsiebkom tintroduċu biex tipprevenu dawn l-abbużi?
Kif diġà ħareġ ċar mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni li qegħdin isiru, se nkunu qegħdin naraw li nagħmlu salvagwardji ċari biex jiġu evitati abbużi, kemm mill-ħaddiema u anke minn min iħaddem; fosthom ta’ kif għandu jiġi ċċertifikat li jkun seħħ korriment, kif nassiguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema minn diskriminazzjoni fuq il-post tax-xoghol u temi ohra dwar policies ta’ privatezza u kunfidenzjalità fuq il-post tax-xogħol. Ovvjament dan kollu għad irid jiġi diskuss mal-imsieħba soċjali quddiem l-Employment Relations Board.
Kif se tiggarantixxu wkoll l-anonimità ta’ min japplika għal dal-leave? Wara kollox, dan mhux biss jippreveni ċerti forom t’abbuż imma xxejjen kwalunkwe biża’ jew mistħija min-naħa tal-impjegat.
Kif diġà spjegajt, dawn is-salvagwardji iridu jiġu diskussi mal-imsieħba soċjali. Li hu żgur li hemm qbil li l-privatezza tal-ħaddiem għandha tingħata prijorità.
Barra minn hekk, negozji żgħar jafu jiġu impattati sew jekk jitlaqilhom impjegat wieħed għal numru ta’ ġimgħat. Għandkom ħsieb biex tgħinuhom b’xi mod biex l-operat tagħhom ma jintlaqatx b’mod sinifikanti?
Kif ħabbart matul l-ewwel konferenza nazzjonali fuq il-Miscarriage Leave, il-Gvern se jkun qiegħed jiffinanzja dan il-leave, u għalhekk il-piż finanzjarju diġà se jitneħħa minn fuq min iħaddem. Rigward l-impatt fuq in-negozji ż-żgħar, kif inhi s-sitwazzjoni llum, meta persuna tgħaddi minn korriment tat-tqala qed ikollha jew tuża l-leave jew inkella s-sick leave, u allura xorta waħda jkun hemm assenza minn fuq il-post tax-xogħol. Permezz ta’ studju li ġie mniedi ftit tal-ġranet ilu fuq l-impatt tal-miscarriage leave fuq il-produttività ta’ pajjiżna, ħareġ biċ-ċar li aħjar ikollok persuna ’l bogħod mix-xogħol għal ftit ġranet, kemm għall-ġid tagħha u anke għal min iħaddem. B’mod generali, mir-rispons li qed ikollna qed joħroġ ċar li l-ġranet m’għandhomx ikunu ta’ anqas minn tlett ijiem imma mhux li jaqbżu ġimgħa.
Beħsiebkom toffru xi tip ta’ għajnuna jew gwida lil dawk li jimpjegaw li jixtiequ jimplimentaw dan it-tip ta’ leave ġdid?
Kif diġà aċċennajt, dan il-leave se jkun iffinanzjat mill-Gvern, u għalhekk min iħaddem mhux se jerfa’ l-piż finanzjarju. Fir-rigward ta’ gwida għall-implimentazzjoni, minbarra l-liġi, se nkunu qegħdin nikkunsidraw policies bħala linja gwida għal min iħaddem.
Kif eżattament ħa jkunu involuti l-professjonisti tal-kura tas-saħħa, bħal pereżempju terapisti, tobba u professjonisti oħrajn biex il-bżonnijiet tal-individwi jintlaqgħu għalkollox?
Ġewwa l-Isptar Mater Dei diġà għandna diversi professjonisti mediċi tant iddedikati sabiex jassistu lill-individwu li jgħaddu minn korriment. Konna nafuh u kompla joħroġ biċ-ċar waqt is-sessjonijiet ta’ konsultazzjoni illi kellna. Għalhekk, dawn il-professjonisti għandhom rwol kruċjali f’dan il-proċess. Però qed jissuġġerulna wkoll li ma’ dan il-leave għandna noffru wkoll appoġġ psikoloġiku.
Hemm xi pjan biex fl-istess ħin jiġu edukati n-nies dwar l-impatt emottiv aħrax fuq il-ġenituri li għaddejjin minn korriment ħalli b’hekk ikunu jistgħu joffru l-appoġġ tagħhom lil kwalunkwe kollega li għaddej minnha?
Meta tlaqna b’din il-konsultazzjoni nazzjonali ma ridniex biss li niffukaw fuq il-miscarriage leave, imma rajna li permezz tal-istess konsultazzjoni noħolqu aktar kuxjenza u għarfien fuq is-suġġett. Tiskanta, kemm dan is-suġġett għadu tabù, u kemm hawn individwi jsofru fis-silenzju. Kien għalhekk li matul dawn il-laqgħat diversi individwi għażlu li jaqsmu l-esperjenzi personali tagħhom biex kull min jgħaddi minn din l-esperjenza kerha, mhux biss jagħraf li mhux qiegħed waħdu f’din is-sitwazzjoni, imma sabiex ikompli jkollna għarfien u sapport. Biex nirrispondi l-mistoqsija tiegħek, qed naraw li nkomplu għaddejjin b’kampanja edukattiva, li tkun tinvolvi esperti kemm medici, psikologi u terapisti oħrajn.
F’laqgħa dwar il-leave tal-korriment, int ħabbart ir-riżultat ta’ studju ta’ Dr Jonathan Spiteri fejn qal “the introduction of miscarriage leave will result in less loss of productivity at the workplace”. Kif eżattament wasal għal dil-konklużjoni? Xi kriterji uża fir-riċerka tiegħu? U din tapplika għall-post tax-xogħol inġenerali, jiġifieri, kemm fil-privat u kemm fiċ-ċivil?
Il-punt tat-tluq għal dan ir-riżultat huwa l-fatt li meta persuna tgħaddi minn korriment, meta tmur lura x-xogħol ma tkunx tista’ tkun produttiva bħan-normal għax tkun għadha tħoss l-impatt emozzjonali u psikoloġiku tat-trawma. Dan joħroġ minn bosta studji oħrajn li saru f’pajjiżi bħall-Olanda u l-Ingilterra, tant li persuna tista’ ddum bosta xhur sakemm terġa’ tiġi f’tagħha. Il-miscarriage leave jgħin għaliex jipprovdi żmien fejn persuna li għaddiet minn din it-trawma tkun tista’ tibda l-proċess ta’ rkupru mentali u emozzjonali b’iktar serħan il-moħħ, u b’hekk meta terġa’ lura għax-xogħol tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex, biż-żmien, terġa’ lura għan-normal u tkun produttiva bħal qabel. Fil-fatt, fir-rapport naraw li l-miscarriage leave jgħin sabiex dan il-proċess ta’ rkupru jsir b’rata iktar mgħaġġla, u dan jissarraf f’żieda sa 8% fil-produttività medja meta kkumparat mas-sitwazzjoni kurrenti mingħajr il-miscarriage leave, u din tapplika għal xogħlijiet inġenerali, bla ebda distinzjoni bejn is-setturi.
L-istess studju kkonkluda li “the introduction of miscarriage leave could lead to an increase of up to 8% in the employee’s productivity”. Tista’ tgħidilna wkoll kif wasal għal dil-konklużjoni u minn fejn ħarġet il-figura ta’ 8%?
Din il-konklużjoni ħarġet minn mudell ekonomiku li nbena speċifikament għal Malta, ibbażat fuq mudelli oħrajn li ntużaw fil-letteratura. Kif għidt qabel, l-istudju jiffoka fuq kif il-miscarriage leave jista’ jgħin sabiex koppji li jkollhom miscarriage ikunu jistgħu jsibu sors ta’ appoġġ li se jgħinhom biex meta jmorru lura x-xogħol ikunu f’pożizzjoni aħjar sabiex ikunu jistgħu jerġgħu lura, b’mod gradwali, għan-normal. Il-figura ta’ 8% toħroġ mill-istudju, fejn nikkumparaw it-tnaqqis fil-produttività bħalissa minħabba korrimenti, ma’ sitwazzjoni fejn jiddaħħal xi forma ta’ miscarriage leave f’Malta.
Int għidt, “With the introduction of miscarriage leave in our country, Malta will not only be one of the few countries to introduce specific leave in these cases, but it will also be one of the first countries where the government finances this leave”. Kif eżattament il-Gvern beħsiebu jiffonda dan it-tip ta’ leave?
Flimkien ma’ esperti finanzjarji, bħalissa qed issir analiżi ta’ kif se jiġi ffinanzjat dan il-leave biex jiġi ddeterminat b’liema rata għandu jitħallas.
Skont ir-rapport, qed jiġi stmat li jseħħu madwar 300 korriment fis-sena — iżda n-numru vera ta’ korrimenti huwa eqreb lejn l-1000. Għaliex hawn daqshekk distakk fin-numru ta’ korrimenti rrappurtati?
Matul din il-konsultazzjoni, il-professjonisti mediċi qegħdin jipparteċipaw b’mod attiv ħafna, u minn hawn nirringrazzjahom, mhux biss tal-parteċipazzjoni tagħhom, iżda anke tal-pariri tagħhom. Jien ukoll staqsejt din il-mistoqsija meta rajt l-istatistika, u kienu l-professjonisti mediċi stess li spjegawli li t-300 korriment huma dawk in-nisa li jidħlu l-isptar għal assistenza medika. Però f’dawn il-każijiet hemm diversi sitwazzjonijiet differenti, fost oħrajn diversi nisa ma jkollhomx bżonn jidħlu l-isptar f’dawn il-każijiet.
Skont l-istudju, ġenituri affettwati mill-korriment jerġgħu lura għal 25% tal-produttività tagħhom wara xahar, u 66% wara sitt xhur. Fl-istess ħin, l-ekonomista Jonathan Spiteri semma l-kunċett ta’ “preżenteiżmu”, biex nittraduċi l-kelma użata, meta xi ħadd ikun preżenti fiżikament iżda assenti mentalment, u b’hekk ma jistax ikun 100% produttiv. B’hekk li dawn in-nies jingħataw leave mhux biżżejjed għax xorta ma jkunux għadhom mija fil-mija. Għalhekk, il-Gvern beħsiebu jagħmel xi ħaġa biex ladarba dawn il-persuni jidħlu lura x-xogħol ikunu jistgħu jibdew jerġgħu jiġu lura fuq saqajhom bil-mod il-mod?
Matul il-konsultazzjoni pparteċipaw ukoll professjonisti speċjalizzati fil-bereavement, fejn kienu ċari illi telfa bħal din tibqa’ miegħek għal għomrok, u bir-raġun, fejn saħansitra spjegawli kif pain comes in waves, perjodi fejn il-persuna tħossha tajba u perjodi fejn terġa’ tħoss l-effetti tat-trawma. U għalhekk, l-għan ta’ dan il-leave huwa biex l-ewwel nett il-ġenitur prospettiv li jkun għadu kemm għadda minn din it-telfa jirkupra fiżikament, u sabiex jaqbad it-triq ta’ fejqan emottiv u psikoloġiku. Bħala Gvern qegħdin nikkonsultaw u niddiskutu rigward dan il-fattur ukoll.
