Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?
L-ikbar sfida hija l-finanzi biex naħdmu aħjar u nkunu nistgħu nagħmlu iżjed proġetti, attivitajiet, u xogħlijiet inġenerali.
Għar-residenti, forsi l-akbar sfidi huma l-bini sfrenat, it-toroq li għandhom bżonn jitranġaw u l-problema ta’ nuqqas ta’ infurzar għall-abbuż tal-iskart.
Problema oħra hija n-nuqqas ta’ parkeġġ. Il-proġett ukoll huwa sfida kbira speċjalment għar-residenti milquta direttament bix-xogħol. Ikollna wkoll xogħol ta’ trenching mal-lokalità kollha u li jiġġammja t-traffiku u jkabbar il-problema tal-parkeġġ.
Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Naħseb l-ambjent ilu affettwat fin-negattiv għal żmien twil. Dan għax naħseb li ma kienx hemm pjan sew u strutturat li kellu jinkludi l-istess għoli u li kull residenza jkollha front garden u mhux spiċċajna kullimkien ġungla tal-konkrit.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Assolutament le. Importanti li l-aħħar spazji miftuħa ma jintilfux ukoll.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Fejn huwa possibbli, kull opportunità nikkreaw u nħaddru spazji miftuħa u li jkun hemm iżjed integrazzjoni u jinżammu aktar attivitajiet bejn ir-resident kollha u li jkun hemm rispett reċipokru.
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Hemm proġett fejn wara li nagħmlu konsultazzioni għandna nagħmlu proġett bis-saħħa ta’ Vjal Kulħadd. Spazju li minn triq nagħmlu post iżjed aċċessibbli għall-persuni u inqas għall-karrozzi u biex inħaddru aktar din iż-żona. Proġett ieħor huwa dak approvat mill-kunsill ta’ qabel għal tisbiħ u tħaddir fi Triq Victor Denaro ma’ Project Green.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Iżjed serħan il-moħħ billi jkun hemm preżenza tal-Pulizija u għassa miftuħa 24 siegħa kuljum; Li terġa’ tiftaħ il-berġa ħalli jkun hemm inqas inkonvenjenza għall-anzjani; kreazzjoni ta’ aktar green areas u spazji miftuħa fejn ir-resident jista’ jirrilassa.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?
Naħseb kull awtorità tipprova b’xi mod jew ieħor imma nemmen li hemm nuqqas kbir ta’ komunikazzjoni bejn entitajiet kif ukoll xi burokrazija żejda.
Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
Iż-żgħażagħ huma l-futur tagħna u tajjeb li jiġu involuti f’età żgħira biex jiġu mħarrġa bħala politikanti potenzjali futuri.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew il-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Il-Kunsill tagħna kien wieħed li temm b’kapital tax-xogħol negattiv sostanzjali. Nemmen li l-budgets li jingħataw lill-kunsilli mhumiex biżżejjed biex isiru ċerti xogħlijiet. Madankollu, bħala sindku hija issa r-responsabbiltà tiegħi li dan l-infiq inġibu żero. Dan ifisser li ċerti affarijiet se jsiru b’inqas flus. Min-naħa l-oħra qegħdin naħdmu biex kemm jista’ jkun naraw inċentivi u jew fondi tal-Ewropa li nistgħu napplikaw għalihom biex forsi ntaffu l-problema.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu?
Jien naħseb li għandu jibqa’ kollox kif inhu.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
Li għamilt ħafna ħbieb ġodda u li anki jekk m’hemmx qbil fuq livell politiku, hemm qbil li lkoll kemm aħna qegħdin hemm biex nagħmlu l-ġid għar-residenti kollha – meta fejn hu possibbli tagħmel id-differenza għar-resident. Baqa’ ħafna xi jsir imma t-tim kollu ta’ kunsilliera qegħdin jaħdmu għal Imsida aħjar. Grazzi wkoll għall-ħaddiema tal-Kunsill li sibt koperazzioni assoluta biex nagħtu l-aħjar servizz.