‘Ikun hemm tfal li jiġu jkellmuna wara u jiddiskutu esperjenzi minn ħajjithom li mhux dejjem ikollhom ma’ min jitkellmu fuqhom’

Wara l-kawża: Il-gazzetta ILLUM iddur fuq l-għaqdiet fil-qalba tal-komunità li jaħdmu u jistinkaw għal valuri li huma jħaddnu. Din il-ġimgħa nitkellmu mal-LGBTI+ Gozo

X’inhuma l-ikbar sfidi li qed tesperjenzaw bħalissa? 

Bħala komunità, għalkemm għandna l-liġijiet, għad baqa’ atti ta’ diskriminazzjoni li għadhom iseħħu frekwenti. Dawn jinkludu kemm atti vjolenti fiżiki, kif ukoll atti verbali u fuq midja soċjali. Mħux kulħadd iħossu komdu jkun pubbliku b’din il-parti tal-ħajja tagħhom u dan minnu nnifsu juri l-importanza li nkomplu naħdmu bħala soċjetà u organizzazzjoni. Fil-każ ta’ sfidi tal-organizzazzjoni, l-ikbar problemi huma biex inġibu aktar riżorsi, kemm umani kif ukoll materjali; mhux dejjem ikollna ċans li nwettqu dak kollu li nixtiequ bħala voluntiera. 

Kif tirreklutaw, tħarrġu, u żżommu l-voluntiera?  

Tipikament, nirreklutaw voluntiera permezz ta’ laqgħat u avvenimenti li nagħmlu bħala organizzazzjoni; membri li jattendu regolarment u jkunu jixtiequ jingħaqdu magħna jkellmuna u naraw kif jistgħu jużaw l-abbiltajiet tagħhom biex jgħinu fl-organizzazzjoni u f’dak li jgħodd għalihom. Barra minn hekk, intellgħu fuq il-midja soċjali meta nkunu qed infittxu aktar voluntiera għal avvenimenti speċjali bħall-Gozo Pride jew meta nkunu qed infittxu membri eżekuttivi oħra. Kull membru eżekuttiv għandu l-ħiliet tiegħu u meta jingħaqdu aktar voluntiera, jirċievu għajnuna, noti u dettalji importanti mingħand il-membri l-oħra. 

Kemm hemm nies li għadhom lesti jiddedikaw ħinhom għall-għaqdiet soċjali?  

Għalkemm hemm ammont mhux ħażin u komunità żgħira Għawdex, il-maġġoranza jinstabu Malta. Però, maż-żmien qed jonqos ftit dan in-numru ta’ nies, primarjament minħabba l-fatt illi x-xogħol f’dawn l-għaqdiet soċjali, ħafna drabi jkun fuq bażi volontarja u jirrekjedi ammont kbir ta’ dedikazzjoni u enerġija li mhux kulħadd ikollu l-ħin biex joffrihom; speċjalment meta l-ħajja għolja u jaf ikollok bżonn tuża dak il-ħin fuq xogħol u impenji minflok għaqdiet volontarjati. 

Xi kultant ikun hemm attitudni passiva mill-komunità u min-nies fil-pubbliku. Jaf ikun hemm l-idea li hemm ħaddieħor biex jirranġa din il-problema. Għalhekk ħafna nies iħossu li l-ħidma f’dawn l-għaqdiet hu xogħol għal ħaddieħor. 

L-ammont ta’ żgħażagħ li qed jissieħbu magħkom qed jonqos jew jiżdied?  

It-tweġiba għal din il-mistoqsija hi simili għal dak li għedt f’ta’ qabilha. Fil-verità jkun hemm fażijiet fejn ikollna inqas żgħażagħ u fażijiet fejn ikollna aktar. 

Sfida kbira li jkollna bħala organizzazzjoni hi l-fatt li f’Għawdex speċjalment, għad hemm ħafna tfal li jkunu jixtiequ jissieħbu magħna però jkun għad m’għandhomx tmintax-il sena. F’każijiet hekk, mhux dejjem ikun hemm ġenituri lesti li jagħtu l-kunsens tagħhom biex it-tfal jissieħbu magħna u jattendu ċerti avvenimenti. Dan joħloq diffikultajiet oħrajn għal dawn iż-żgħażagħ. 

Tista’ taqsam storja jew eżempju wieħed ta’ kif l-NGO ħalliet impatt tanġibbli? 

Meta għenna biex norganizzaw l-ewwel pride ta’ Għawdex, kif ukoll permezz ta’ taħriġ u workshops li nagħtu fl-iskejjel – ikun hemm tfal li jiġu jkellmuna wara u jiddiskutu esperjenzi minn ħajjithom li mhux dejjem ikollhom ma’ min jitkellmu fuqhom. Nemmen li affarijiet hekk huma essenzjali għaliex hemm bżonn bidla fl-iskejjel u b’mod individwali wkoll, mhux biss f’avvenimenti ta’ ammonti kbar ta’ nies. 

X’tip ta’ appoġġ (finanzjarju, riżorsi umani, bidliet fil-politika) jgħin lill-organizzazzjoni tagħkom tikber? 

L-iktar tip t’appoġġ li jgħinuna huma riżorsi finanzjarji flimkien ma’ riżorsi umani. Bħala organizzazzjoni għandna ħafna ideat ta’ affarijiet li nixtiequ nkomplu nwettqu biex insaħħu s-servizzi li għandna. Però, l-ikbar problema li nsibu hija li ma jkollniex biżżejjed nies li għandhom ħin biex jaħdmu fuq is-servizzi kollha. Barra minn hekk mhux dejjem ikun hemm il-finanzi biżżejjed li nħallsu għal affarijiet li jkollna bżonn. 

Kif tikkollaboraw ma’ NGOs oħra, korpi governattivi, jew negozji? 

Kollaborazzjonijiet ma’ NGOs ħafna drabi jsiru permezz ta’ attivitajiet differenti jew permezz ta’ midja soċjali u gruppi li jkollna bejnietna biex niddiskutu avvenimenti kbar u ngħinu lil xulxin fejn ikun hemm bżonn. Minħabba l-fatt li kollha jkollna xogħlijiet differenti u nkunu f’postijiet differenti; il-fatt li nistgħu nikkomunikaw permezz ta’ telefonati u applikazzjonijiet online tgħin ħafna biex ikollna kollaborazzjonijet effettivi. 

Waqt li hemm il-liġijiet, li huma importanti, għad hemm bżonn bidla fis-soċjeta u n-nies għadhom jesperjenzaw atti kriminali ta’ diskriminazzjoni.

Kemm hu faċli ssibu għajnuna jew koperazzjoni mill-Gvern jew mill-entitajiet? 

Maż-żminijiet, il-komunità u organizzazzjonijiet bħal tagħna qed jingħataw aktar importanza. Għalhekk ikun possibbli jkollna aktar għajnuna finanzjarja u b’rizorsi differenti. Minkejja dan, dejjem ikun hemm oqsma li jkollhom bżonn aktar ħidma.

X’inhuma xi kunċetti żbaljati li għandhom in-nies dwar xogħolkom?

Kunċetti foloz: 

  1. Li aħna qegħdin hemm għalxejn jew biex niddevertu biss, meta fil-verità naħdmu fuq taħriġ fl-iskejjel u ma’ adulti differenti, ma’ politikanti fuq policies differenti, noffru servizzi ta’ terapija b’xejn u ħafna aktar servizzi u ħidma. 
  2. Li m’hemmx bżonn organizzazzjoni f’Għawdex minħabba li hemm f’Malta – Din mhijiex ir-realtà minħabba li hemm ċerti sfidi differenti f’Malta u Għawdex. Barra minn hekk; tfal li għadhom ibbażati hawnhekk u m’għandhomx opportunità jattendu l-avvenimenti f’Malta jispiċċaw ma jkollhomx għajnuna u avvenimenti li jistgħu jattendu. Anke bħala taħriġ fl-iskejjel; Malta jseħħu ħafna aktar milli jseħħu Għawdex u fuq suġġetti differenti. Għalhekk hemm bżonn kbir ta’ aktar nies jaħdmu fuq hekk f’Għawdex. 
  3. Hemm il-liġijiet għalhekk m’hemmx bżonna – Waqt li hemm il-liġijiet, li huma importanti, għad hemm bżonn bidla fis-soċjetà u n-nies għadhom jesperjenzaw atti kriminali ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm sapport għalihom u sens ta’ komunita għal nies li qed jgħaddu minn esperjenzi diffiċli. Fl-aħħar mill-aħħar l-istess bħal organizzazzjonijiet għal minoritajiet differenti – għad hemm każijet ta’ bullying fl-iskejjel; xi kultant qed jiggravaw minħabba li issa hemm aktar viżibilità ... li hija tajba, però tiġbed aktar mibegħda wkoll. 

Taħseb li hemm nuqqas t’interess jew nuqqas t’għarfien rigward għaqdiet bħalkom? 

Jiddependi ma’ min titkellem. Faċli tispiċċa f’echo chamber fejn ikompli jiżdied l-għarfien bejn nies li diġà jkunu interessati f’dan is-settur filwaqt li nies li ma jkunux, ikomplu b’nuqqas ta’ interess u informazzjoni; u xi kultant jiżdiedu aktar l-atti ta’ diskriminazzjoni. 

Kieku tista’ tbiddel ħaġa waħda dwar is-settur tal-NGOs f’Malta xi tkun? 

Li għad hemm nies li qatgħu qalbhom mis-sitwazzjoni politika jew hemm aspett ta’ passività. Jidher li hemm ukoll nies li jixtiequ bidla però jibżgħu minn x’jaħsbu n-nies u l-familji jekk jidhru f’avvenimenti differenti u jitkellmu fuq l-opinjonijiet. Xi kultant diffiċli nġibu fondi u riżorsi, u din toħloq sfida kbira għax għalkemm ikun hemm ħafna pjanijiet ta’ affarijiet li tkun tixtieq tagħmel, issib lilek innifsek limitat. 

Madwar dawn l-aħħar ħames snin rajtu bidla kbira fil-qasam kif toperaw?  

Iva ... differenzi konkreti kienu l-fatt illi għandna Pride f’Għawdex u issa għandna wkoll uffiċċju minn fejn noperaw. Dawn huma żewġ affarijiet li jfissru ħafna għalina u jgħinuna biex inkunu nistgħu nagħmlu l-affarijiet kollha li nixtiequ. Din is-sena għandna l-10 snin anniversarju ta’ din l-organizzazzjoni, u fil-fatt se nagħmlu ċelebrazzjoni Għawdex stess fis-17 ta’ Mejju. F’dawn is-snin irnexxielna niksbu aktar kuxjenza f’Għawdex, aktar għajnuna minn nies differenti u milll-gvern stess, u rajna differenza fid-diskussjonijiet fl-iskejjel.

LGBTI+ Gozo hija organizzazzjoni li taħdem favur id-drittijiet tal-bniedem u li ġiet stabbilita bl-għan li tagħti appoġġ u leħen lill-individwi LGBTI+ f’Għawdex. L-organizzazzjoni tagħmel sorveljanza, tirrapporta u taġixxi rigward l-aċċess ta’ servizzi f’Għawdex. Hi taħdem sabiex tippromovi soċjetà fejn kull identità jkollha aċċess sabiex tgawdi s-servizzi kollha f’Għawdex. 

More in Intervisti