
‘Jiena bhala Sindku qiegħda hemm għar-resident, iżda jdejja ħafna mid-drabi jkunu marbutin’
Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Charmaine St John, is-Sindku ta’ Santa Luċija

minn Sean Fenech

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?
Jien ix-xogħol tas-sindku huwa rwol importanti għalija ġewwa ħajti. Huwa mezz kif ngħin lir-residenti u l-lokal. L-ikbar inkwiet tiegħi huwa meta nkun nixtieq ngħin kemm nista’ lir-residenti, iżda bħala Sindku m’għandix il-mezz totali biex nagħmilha, peress li aħna bħala Kunsill inkunu rridu mingħand entitajiet oħra. Jiena bhala Sindku qiegħda hemm għar-resident, iżda jdejja ħafna mid-drabi jkunu marbutin. Jiena bħala Kaptan/bdot mgħallma biex nieħu deċiżjonijiet u naħdem fuq dawn id-deċiżjonijiet b’mod immedjat. Bħala Sindku dak li nista’ nagħmel, nipprova nwettqu mal-ewwel. Deċiżjonijiet ma noħodhomx waħdi, iżda niddeċiedu b’mod demokratiku bħala Kunsill. Aħna naffaċċaw problemi meta r-residenti jkunu jafu ċerti affarijiet qabel ma dawn ikunu kkomunikati lill-Kunsill, u ħafna mid-drabi joħloq ħafna diżgwid.
Il-Kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Bħala Kunsill aħna naħdmu id f’id mar-residenti fejn jidħol dan l-aspett. Din hija l-ġlieda tagħna sabiex Santa Lucija ma jiġix kollu skyscrapers, u minn dar jitilgħu 16-il appartament. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija mmexxi minni ħa deċiżjoni fl-2023 li aħna ħa noġġezzjonaw għall-kwalunkwe żvilupp li huwa aktar minn żewġ sulari ġewwa Santa Luċija. Dan biex nipproteġu l-karattru ta’ Santa Luċija. Aħna rridu nżommu Santa Luċija bħala lokal kwiet u nadif, mingħajr bini għoli u tniġġis ta’ dħaħen ta’ karozzi.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Santa Luċija hija magħrufa bħala l-pulmun ta’ Nofsinhar ta’ Malta. Santa Luċija mdawra b’faxxa ta’ ħdura mal-parametri tagħha. Madankollu aħna nibqgħu naħdmu biex inżidu l-ispazji miftuħa u nżommu ambjent nadif. Bħalissa Project Green, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill, għadhom kif lestew ġnien mill-isbaħ – Ġnien l-Iskultura. Dan il-ġnien huwa estenzjoni ta’ Ġnien is-Serenità. Huwa ġnien b’atmosfera trankwilla fejn, kemm ir-residenti, kif ukoll il-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jirrilassaw fil-kwiet u s-serenità.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Il-prijorità tiegħi hija li jkollna ambjent isbaħ u aktar nadif ġewwa Santa Luċija. Fl-istess waqt qegħdin naħdmu fuq proġetti għall-aċċessibbiltà aħjar għal kulħadd. Proġett li għandi għal qabli huwa l-electric scooters project. Din hija skema maħruġa minn Transport Malta, tal-Mobbiltà 2024 li aħna applikajna għaliha u li ġiet approvata. Huwa proġett fejn jien ikolli hubs differenti ta’ electric scooters ġewwa Santa Luċija, li jkunu jistgħu jiġu użati mir-residenti tagħna biex imorru minn naħa għal oħra tal-lokal biex jagħmlu l-qadi tagħhom, jew imorru sal-knisja. Qegħdin naħdmu wkoll fuq il-proġett taċ-Ċentru Ċiviku. Din se tkun propjetà li tkun aċċessibbli u li jinkorpora fih il-Kunsill u servizzi oħra bħal day centre għall-anzjani, servizz.gov, librerija, roof garden, eċċ.
Dalwaqt se nibdew il-proġett ta’ aċċessibbiltà mid-djar għar-residenti li joqogħdu fil-blokok tal-Gvern. X’jiswa li int għandek il-lift ġewwa iżda biex toħroġ mill-bieb tal-appartament ’il barra hemm tarġa? Xorta se tkun imwaħħal ġewwa speċjalment jekk resident/a juża/tuża siġġu tar-roti. Għalhekk aħna se nagħmlu stairlifts, li huma addattati għal persuni bil-wheelchairs mill-bieb tal-blokk għall-bankina sabiex b’hekk ħadd ma jkun imsakkar ġewwa.
F’dawn il-ħames snin nixtieq nara lil Santa Luċija aktar nadifa u wkoll aktar aċċessibbli mir-residenti tagħna ta’ kull età.
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Fi ftit ġimgħat se nibdew ibiddlu l-latrini tal-bandli biex nagħmluhom smart public convenience. Dan ifisser li l-ilma jieqaf awtomatikamet, ikun hemm blowers biex jinxfu jdejk, is-sapun joħroġ bis-sensor, eċċ. Wara li dawn jitlestew, se nbiddlu wkoll il-bandli ta’ Santa Luċija li jinsabu fi Triq Ineż Soler. Se ntejbu s-sigurtà ta’ Ġnien is-Serenità billi nwaħħlu madwar 15-il kamera biex innaqqsu l-abbuż u l-vandaliżmu. Barra minn hekk se nkunu qegħdin naħdmu ma’ Infrastructure Malta u l-Public Works biex intejbu aktar it-toroq u l-bankini ta’ Santa Luċija. Il-pjan tagħna huwa li t-toroq ikunu qegħdin jitranġaw tnejn f’daqqa fejn waħda minnhom tkun triq primarja u l-oħra tkun sekondarja. B’hekk innaqqsu l-inkonvenjenza għar-resident.
“L-ikbar inkwiet tiegħi huwa meta nkun nixtieq ngħin kemm nista’ lir-residenti, iżda bħala Sindku m’għandix il-mezz totali biex nagħmilha, peress li aħna bħala Kunsill inkunu rridu mingħand entitajiet oħra”
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Santa Luċija hija lokalità magħluqa. Ħafna servizzi, bħal bank jew servizz.gov, m’għandniex u għalhekk huwa importanti li jittejjeb is-servizz ta’ tallinja. Aħna bħala Kunsill qed ngħinu kemm nistgħu billi nipprovdu servizz b’xejn bil-community van tal-Kunsill. Dan iwassal ir-residenti tagħna Raħal Ġdid, Ħal- Tarxien, Mater Dei, San Vinċenz jew Karen Grech skont il-bżonn tar-resident. Hekk l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jagħmlu l-qadi u l-appuntamenti tagħhom b’aktar kumdità u serħan il-moħħ. Santa Luċija hija lokalità pjuttost ġdida u żgħira. Aħna m’għandniex festi jew każini. Għalhekk ir-residenti ħafna mill-ħin ikunu miġbura ġewwa darhom. Jien qed naħdem biex nibni sens ta’ komunità qalb ir-residenti billi norganizza diverzi attivitajiet fejn inkun nista’ ninvolvi residenti ta’ etajiet diversi. Għadna kif għamilna party tal-Karnival taż-żgħar fejn l-anzjani għamlulhom karrijiet mill-isbaħ.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?
Mill-awtorijitajiet nsibu għajnuna kbira, iżda xorta waħda hawn id-dewmien sabiex inkunu nistgħu nikkonkludu. Dan minħabba li biex tagħmel proġett, apparti l-flus, ikun hemm bżonn komunikazzjoni kontinwa bejn entitajiet differenti u l-Kunsill.
Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal sittax-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-Kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
Bħala Kunsill ma ġejtx affettwata minnha min-naħa tiegħi, iżda jien tal-idea li ż-żgħar għandhom jibdew bħala kunsilliera mhux sindki, sabiex iż-żgħażagħ jifhmu tajjeb x’inhu l-irwol ta’ Kunsilliera, kif ukoll ta’ Sindku.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li sittax-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-Kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Bħala Kunsill aħna nemmnu fil-proġetti għal-lokalità u fejn nistgħu napplikaw kemm nistgħu għall-fondi. Madankollu proġetti jinvolvu ħafna flejjes extra, bħall-BOQ tal-periti li jiswew eluf, eċċ, u jekk il-proġett ma jkunx approvat xorta waħda l-kontijiet iridu jitħallsu. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija qiegħed joqgħod attent kemm jista’ biex ma jintefqux flejjes żejda. Iżda aħna se nkomplu ninvestu fi proġetti li jtejbu lil Santa Luċija. Huwa unur kbir għalija meta nisma’ n-nies jgħidu: ‘Kemm hi sabiħa Santa Luċija’.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu?
Domanda skorretta. Il-proposti ġejjin mill-Kummissjoni u mhux mill-partiti.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
Hemm diversi proġetti li jiena kburija bihom bħala Sindku fosthom l-gazebo l-kbir biex jintuża għar-residenti li bnejna ġol-picnic area ġewwa Ġnien is-Serenita, il-vann li xtrajna biex naqdu aktar l-anzjani, l-outdoor gym li għamilna ġol-jogging track, u ħafna oħra. Imma l-ikbar parti tas-sodisfazjon tiegħi hija meta resident iċempilli u jgħidli ‘Grazzi’. Mirakli ma nagħmilx, iżda ħilti nagħmilha kollha. Huwa sabiħ li tkun apprezzat u l-grazzi hija sabiħa.
Jien minn hawn nixtieq ngħid grazzi wkoll lir-residenti tiegħi għax jien qiegħda Sindku bis-saħħa tagħkom. Grazzi.
