“Aħna msejħin biex flimkien nispiraw b’viżjoni ċara”

Fid-dawl tar-riżenja mhux mistennija ta’ Bernard Grech, il-ġurnal ILLUM kellem lid-Deputat Mexxej tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione rigward il-vojt li ħalla Grech u kif il-partit għandu jiġġedded. 

“Il-Partit Nazzjonalista jaf joffri Gvern li permezz tiegħu jingħata spazju għal tant u tant nies b’talent, potenzjal, u professjonalità li jersqu ’l quddiem, lil hinn minn kull politika”
“Il-Partit Nazzjonalista jaf joffri Gvern li permezz tiegħu jingħata spazju għal tant u tant nies b’talent, potenzjal, u professjonalità li jersqu ’l quddiem, lil hinn minn kull politika”

Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jiġġedded minn fuq s’isfel. Veru jew le?   

Il-kliem “minn fuq s’isfel” jagħti wieħed x’jifhem li m’hemm xejn tajjeb bħalissa. Dan assolutament mhux il-każ. Li tiġġedded mhux biss ħaġa tajba, imma ħaġa assolutament meħtieġa. 

 

Il-PN għandu jibqa’ konservattiv u fuq il-lemin? 

Din tat-tikketti lili ma tantx tinżilli. Jekk tagħmel ġurnata taqra bejn kummenti fuq il-midja soċjali u l-aħbarijiet ta’ esponenti politiċi ta’ fehma differenti, tasal tikkonkludi li l-PN hu konservattiv u woke fl-istess ħin; hu ħafna tal-lemin u wisq tax-xellug fl-istess ħin; ma jinbidel qatt u qed jinbidel wisq fl-istess ħin. Il-Partit, propju għaliex hu partit politiku, għandu jkun naturalment iggwidat mill-prinċipji tiegħu, filwaqt li jsegwi dejjem kif dik l-istess soċjetà, li bħala partit irid iservi, tkun qed tiżviluppa. Jekk ma jagħmilx hekk, jirriskja li jsir irrelevanti. 

 

Apparti li fid-demokrazija hemm bżonn alternanza politika, għaliex il-PN għandu jkun fil-gvern? 

Il-Partit Nazzjonalista jaf, jekk jorganizza u jippreżenta ruħu sew, joffri Gvern li permezz tiegħu jingħata spazju għal tant u tant nies b’talent, potenzjal u professjonalità li jersqu ’l quddiem, lil hinn minn kull politika. B’hekk, flimkien inwasslu lil pajjiżna mill-ġdid f’punt fejn ikun jista’ jaħtaf l-opportunitajiet u l-isfidi l-kbar tad-dinja tal-lum — dinja ta’ avvanz teknoloġiku prattikament illimitat; dinja b’sens ta’ urġenza fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima; dinja li għandha bżonn kontinwu ta’ edukazzjoni u taħriġ speċjalizzat. Kull darba li pajjiżna ħaddan dan l-approċċ proattiv, u kien ambizzjuż, determinat u ppreparat, dejjem irnexxa u mexa ’l quddiem. Huwa dan li l-PN għandu l-kapaċità li jispira u jidderieġi fil-Gvern, fuq pedament sod ta’ reputazzjoni internazzjonali, li mill-ġdid tkun tista’ tissaħħaħ.   

 

Il-PN mifni b’indeċiżjoni jew inkella jinqabad fuq sieq waħda? 

La waħda u l-anqas l-oħra fil-fatt. Kull okkażjoni ta’ ħatra ta’ Kap ġdid f’kull partit hija okkażjoni li ġġib magħha opportunitajiet — sew li jkunu ġa qed iduru, kif ukoll oħrajn li jaf jitwieldu dak il-ħin. Id-deċiżjoni ta’ Bernard Grech ittieħdet f’serenità u l-proċess ġa beda b’laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit li saret nhar l-Erbgħa li għadda, u li wkoll kienet laqgħa serena u kostruttiva. Il-proċess issa jkompli, kif inhu stabbilit, bi proċedura li hi tried and tested. 

 

X’kienu l-preġji ta’ Grech meta kien kap? 

Mill-lat politiku inġenerali, l-irġulija; is-sens qawwi ta’ responsabbiltà u l-lealtà lejn il-partit u lejn il-pajjiż, li tagħhom anke bl-istess riżenja tiegħu ta prova ċara bil-fatti u mhux bil-kliem. Mil-lat ta’ partit, ir-riġenerazzjoni tal-Grupp Parlamentari bi prattikament nofshom uċuħ ġodda u ta’ età medja żagħżugħa. Mil-lat personali, sens qawwi ta’ empatija. Dan ħareġ ħafna fil-mod kif mexxa u ħaseb kif kulħadd fid-Dar Ċentrali kien qiegħed iħossu wara l-mewta traġika ta’ Karl Gouder. Dik kienet ġurnata li ma ninsa qatt. 

 

X’taħseb fuq interim leader? 

Apparti l-fatt li l-istatut tal-partit ma jipprovdix għal ħatra ta’ interim leader, anke politikament dan ikun żball. Resqin, jiena nissuspetta ħafna aktar b’ħeffa milli nimmaġinaw, lejn elezzjoni ġenerali. Jekk inkunu mmexxija minn Kap interim, inkunu qed niddikjaraw effettivament minn issa li aħna stess ma nemmnux li nistgħu nirbħu l-elezzjoni ġenerali. U jekk ma nemmux aħna stess fina nfusna, min qatt jista’ jemmen fina? F’mossa waħda nkunu qed immorru kontra l-ispirtu ta’ partit li twieled u jgħix biex imexxi; inkunu qed nittradixxu lill-core voters tagħna u nkunu qed inċaħħdu lil dawk l-eluf kbar li qed jgħidu s’issa li mhux se jivvotaw, minn dik it-tama li bi dritt jistennew mingħandna f’dan il-mument determinanti għal pajjiżna. Aħna msejħin biex nagħżlu kap ġdid; imsejħin biex flimkien nispiraw b’viżjoni ċara u preżentata tajjeb u msejħin biex noffru dik it-tama li ħafna, u dan bi ditt, qed jistennew minna. Dik li aħna msejħin għaliha żgur la hi, u la qatt tista’ tkun missjoni interim. 

 

Jekk Metsola ma tiġix, min għandu jkun kap tal-partit? 

Bħala Viċi Kap, nonqos u nonqos ħafna f’tant livelli, jekk nesprimi l-opinjoni tiegħi. Żgur li talent u kompetenza hemm ħafna.  

 

Ċans mitluf jew tifhem il-pożizzjoni tagħha? 

Dak li jien ċert minnu hu li kwalunkwe deċiżjoni li tieħu Roberta f’din iċ-ċirkostanza se tkun, bħal f’kull ċirkostanza oħra, deċiżjoni frott riflessjoni serja, responsabbli u matura. Ejjew nirrispettaw sew lil Roberta u sew lil kull min qiegħed jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu jew tagħha f’dan il-mument. 

 

Il-kap il-ġdid tal-partit xi jrid jagħmel differenti? 

Tajjeb li tingħata attenzjoni partikolari għal kif jitwassal il-messaġġ u l-użu akbar tal-mezzi soċjali. Tajjeb ukoll li nwessgħu aktar l-involviment ta’ esperti u tekniċi minn barra l-partit f’setturi diversi li jaqsmu magħna ideat u proposti dwar setturi partikolari. Internament tajjeb ukoll li tissaħħaħ l-amministrazzjoni finanzjarja u li tingħata attenzjoni partikolari għal ħidma importanti ħafna tal-fergħat tagħna. 

 

Il-PN kif għandu jinbidel? U kieku jkollok issemmi xi ħaġa li l-PN irid verament jagħmel biex jinbidel, xi tkun? 

Aktar milli tibdil, jenħtieġ li jibqa’ għaddej proċess kontinwu ta’ tiġdid. Wieħed mil-legati l-aktar importanti tat-tmexxija ta’ Bernard Grech kien it-tiġdid ta’ prattikament nofs il-Grupp Parlamentari b’deputati ġodda u żgħażagħ. Jenħtieġ però wkoll proċess li jkun wieħed li jwassal bil-għaqal u bil-ħeffa, imma mhux bl-għaġla, għal riġenerazzjoni fil-ħsieb; fl-approċċ; fejn hemm bżonn ukoll fl-atteġġjament u fir-retorika. Fuq kollox għandu jirrenja l-għarfien li l-għan aħħari tal-politiku hu li jkun ta’ servizz. Biex ikun tassew ta’ servizz, politiku għandu joħroġ mill-comfort zone tiegħu ħalli jiskopri x’inhuma tassew il-bżonnijiet tan-nies u tas-soċjetà li ngħixu fiha. Is-servizz f’sens ta’ politika mhux xi lezzjoni li politiku jagħti lil ta’ madwaru, imma hu r-riżultat tat-tagħlimiet li dawk ta’ madwaru jkunu huma stess taw lill-politiku. 

 

Kif jista’ l-PN jegħleb il-PL mill-gvern? 

Billi qabelxejn noffru viżjoni friska u ambizzjuża ta’ Malta li tħaddan mill-ġdid il-mira li, f’dawk l-oqsma li tidentifika u li taspira għalihom, tilħaq xejn inqas mill-eċċellenza. Billi nħarsu biss ’il quddiem lejn pajjiż fejn mill-ġdid jirrenjaw:  

 

  • is-serenità li tant naqset f’Malta u Għawdex tagħna fejn kollox sar donnu “xejn mhu xejn” u fejn “kollox jghaddi”;  

  • ir-rispett li kważi kull fejn tħares spiċċa għalkollox;  

  • is-serjetà fit-tmexxija li kulħadd kważi nesa xi tkun;  

  • il-ġustizzja li tkun ugwali għal kulħadd mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd; u  

  • l-ġid, li bl-għaqal tal-ħaddiem u bl-intrapriża imprezzabbli ta’ min iħaddem, jitqassam biex jassigura għejxien deċenti għal kulħadd. 

 

Fejn tara lilek innifsek fil-PN meta jkun hemm kap ġdid? 

Minn kemm ili naħdem fuq quddiem tal-Partit, dejjem ġibt l-interess tal-kollettiv fuq kull interess jew ambizzjoni personali. Għamiltu fl-2013 meta ġejt elett bħala Teżorier eżatt wara telfa elettorali u għalhekk żgur mhux fl-aqwa żmien. Għamiltu bħala President tal-Eżekuttiv, meta bi sfidi kbar mexxejt dibattiti drammatiċi f’dawk li naħseb li kienu l-iktar sentejn imqanqlin fl-istorja tal-Partit. Għamiltu f’dawn l-aħħar sentejn meta bħala Viċi Kap deherli li kelli nikkonċentra fuq ħidma meħtieġa ħafna però li ħafna minnha kien hemm bżonn li ssir minn wara l-kwinti u mhux quddiem il-kameras. Inkun għalhekk għas-servizz tal-Kap il-ġdid kull fejn ikun hemm bżonn.  

 

X’taħseb fuq Alex Borg? 

Lil Alex ili nafu minn qabel ma daħal fil-politika attiva u huwa wieħed mid-deputati żgħażagħ li ġabu enerġija u ideat. Qiegħed jaqdi l-irwol tiegħu ta’ Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex b’impenn serju u b’riżultati pożittivi. Il-ħidma ta’ Alex, bħal dik ta’ sħabu deputati koetanji, hija ħidma li hija matura ferm aktar milli l-età tagħti x’wieħed jaħseb. 

More in Intervisti