
'L-għajnuna li sindku jista’ jagħti lill-konċittadini tiegħu tibqa’ s-sodisfazzjoni primarju li jisboq kollox'
Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Nigel Holland, is-Sindku tal-Furjana

minn Sean Fenech

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-konstitwenti tiegħek?
L-akbar inkwiet tiegħi hija l-kriżi demografika allarmanti tal-Furjana li wasslet għad-diżintegrazzjoni tal-komunità residenzjali Furjaniża u din hija wkoll l-akbar sfida għall-kostitwenti tiegħi.
Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Il-kunsill tagħna qed jissielet kontra l-iżvilupp urban li qed iseħħ, fis-sens li l-Furjana bħala lokalità residenzjali waslet fix-xifer li tispiċċa, għax għalkemm binjiet ġodda ta’ kull tip ftit jibnew, mill-banda l-oħra l-binjiet residenzjali eżistenti qed jinbidlu b’rata dejjem aktar mgħaġġla f’Airbnbs, boutique hotel u uffiċini kummerċjali u governattivi. Mill-banda l-oħra, il-kunsill huwa dejjem attent li jħares u hu anki proattiv fil-preservazzjoni tal-wirt u l-ambjent tal-lokalità fir-rigward ta’ dan il-wirt li huwa responsabbli għalih l-istess kunsill bl-interventi fiżiċi u infrastrutturali neċessarji, meta jkun il-każ. Mill-banda l-oħra, peress li ħafna mill-wirt u ambjenti tal-lokalità tal-Furjana jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tal-gvern ċentrali, il-kunsill iżomm kuntatt prattikament ta’ kuljum ma’ ministeri u entitajiet governattivi responsabbli minn dawn is-setturi biex jiġu ppreservati kif xieraq u jeżerċita l-pressjoni neċessarja rimedjali meta ma jkunx il-każ.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Fil-kuntest ta’ żoni urbani bħall-Furjana, il-lokalità tiegħi għandha aktar minn biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti. Fil-fatt, bla dubju, għandha l-aktar u l-akbar spazji miftuħa (i.e. ġonna, pjazez, eċċ.) imqabbla ma’ żoni urbani oħra. Il-problema mhix in-nuqqas ta’ spazji għar-residenti iżda, paradossalment, in-nuqqas ta’ residenti biex jiffrekwentaw dawn l-ispazji.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Ir-realtà tal-Furjana hija tali li l-prijorità tibqa’ l-arrest tal-kriżi demografika, il-ġentrifikazzjoni u d-diżintegrazzjoni tal-komunità residenzjali Furjaniża u x-xewqa fil-ħames snin li ġejjiin hija r-riġenerazzjoni demografika tal-lokalità biex ikollha għadd akbar ta’ residenti, u anki ta’ etajiet iżgħar, li huma biss jistgħu jirxoxtaw il-ħajja komunitarja Furjaniża li kienet tant vibranti sa xi deċenji ilu.
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Proġetti fil-futur qarib huma sfortunatament ikkonċentrati l-aktar fuq ir-riabilitazzjoni ta’ diversi postijiet u faċilitajiet fil-Furjana li waqgħu fi stat tal-biki, ħtija tal-letarġija, it-traskuraġni u n-nuqqas ta’ investiment fl-istess postijiet u faċilitajiet mill-kunsill lokali tal-Furjana li kellna fl-10 snin li għaddew. Għaldaqstant ir-riabiltazzjoni ta’ dawn il-postijiet u faċilitajiet mill-istat miskin li kienu waqgħu fihom, bi spejjeż ta’ eluf u eluf ta’ ewro, jistgħu jitqiesu bħala proġetti fihom infushom.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Aktar kontroll u inforzar kontra l-persuna bla ebda rispett li jnaqqsu s-sbuħija tal-lokalità tagħna u l-kwalità ta’ ħajja tar-residenti bil-ksur kontinwu tal-liġijiet relatati ma’ ħmieġ u skart. Il-problema li l-għajnuna essenzjali u vitali mill-forzi tal-inforzar f’dan ir-rigward hija prattikament ineżistenti.
“L-akbar inkwiet tiegħi hija l-kriżi demografika allarmanti tal-Furjana li wasslet għad-diżintegrazzjoni tal-komunità residenzjali Furjaniża u din hija wkoll l-akbar sfida għall-kostitwenti tiegħi.”
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?
L-għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li naffaċċja bħala sindku, jew aħjar li naffaċċjaw bħala kunsill, tvarja minn ministeru jew aġenzija governattiva għall-oħra, iżda, b’mod ġenerali, nemmen li l-kunsilli kollha kemm huma, inkluż tagħna, għadhom ’il bogħod ħafna milli jirċievu l-għajnuna, u anki l-istima, mill-istess awtoritajiet.
Bidliet leġiżlattivi riċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
It-tnaqqis tal-età minima tal-età għas-sindki għal 16-il sena ma kellu l-ebda impatt fuq il-kunsill tiegħi. Jiena kont kemxejn xettiku kemm żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena kellhom jokkupaw rwoli ta’ sindki u/jew kunsilliera imma mbagħad niftakar li jiena stess kont bdejt f’kumitati lokali Furjaniżi anki ta’ dik l-età. Mill-banda l-oħra, finalment nemmen li l-età minima ta’ kandidat għall-elezzjonijiet lokali u/jew nazzjonali trid tkun marbuta mal-fatt li jrid ikun ċittadin li ġa jkun qed igawdi d-drittijiet kollha legali u kostituzzjonali li jgawdi ċittadin adult normali. Mill-banda l-oħra, jekk żgħażagħ taħt it-18-il sena humiex idonei li jservu denjament u effettivament bħala sindki u kunsillieri jiddependi mill-maturità personali u politika tal-persuni involuti u fl-aħħar mill-aħħar, partikolarment fejn jidħlu l-partiti politiċi, dawn għandhom jassiguraw li kandidati żgħażagħ tagħhom ikollhom il-maturità personali u politika li jirrikjedu għall-irwoli msemmija qabel ma japprovaw il-kandidatura tagħhom.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Il-miżuri li qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħi jżomm status finazjarju b’saħħtu huwa kontroll fuq l-infiq, il-monitoraġġ kontinwu tal-qagħda finanzjarja tal-kunsill, l-eliminazzjoni, fejn ikun il-każ, ta’ nfiq li ma jkunx qed jagħti r-riżultati previsti jew meħtieġa u l-immassimizzar tal-użu tar-riżorsi umani u fiżiċi tal-kunsill li għaldaqstant iwassal b’mod naturali ukoll għall-eliminazzjoni ta’ ħela tal-istess riżorsi.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu?
Fil-verità, mindu l-vot nazzjonali, u mhux dak bażat fuq dak distrettwali, sar jiddetermina aktar il-kompożizzjoni tal-Parlament, jew aħjar, min jiggverna l-pajjiż, għall-inqas fejn jirrigwarda l-partiti politiċi tradizzjonali, it-tqassim tad-distretti tilef mir-rilevanza tiegħu. Mill-banda l-oħra, is-sistema preżenti għadha timmilita bl-aktar mod assolut kontra partiti żgħar jew ġodda, li l-preżenza tagħhom fil-Parlament tagħna qed dejjem issir aktar bżonjuża għal ġid tal-istess pajjiż għax id-duwopolju li esperjenzjajna mill-bidu tas-sebgħinijiet (tas-seklu l-ieħor) ’l hawn kompla fired il-pajjiż f’żewġ kampijiet partiġġjani u dan ħonoq ħafna mid-dibattitu aktar miftuħ, wiesgħa u rappreżentattiv li hu essenzjali propju fil-Kamra tar-Rappreżentanti tagħna. Ċertament li mhux talli m’għandux jibqa’ kollox kif inhu, iżda huwa imperattiv li tinstab sistema li, filwaqt li tassigura ċerta stabbilità f’termini ta’ governanza, tagħti wkoll spazju fil-Kamra tar-Rappreżentanti lil ċittadini Maltin li għandhom fehmiet differenti minn dawk tal-partiti tradizzjonali. Jekk dawn iċ-ċittadini jivvotaw għal parti/ijiet li jilħqu l-kwota assoċjata ma’ dik li normalment ittella’ kandidat fil-Parlament, għalhekk dawn ikunu rrappreżentati wkoll, kif inhu demokratikament xieraq, fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
L-aktar parti ta’ sodisfazzjon fir-rwol preżenti tiegħi u fis-snin li għaddew kienet dik li tista’ tkun ta’ servizz għall-konċittadini Furjaniżi tiegħi speċjalment għal dawk li jkunu jeħtieġu l-għajnuna għax ikunu għaddejjin minn xi mumenti diffiċli tal-ħajja. Is-sodisfazzjon, naturali u ġust ukoll, li wieħed jieħu mit-twettiq ta’ proġetti ta’ abbellixximent tal-lokalità u proġetti infrastrutturali fl-istess lokalità huma, iżda, sekondarji għall-għajnuna li sindku jew kunsillier jista’ jagħti biex tittaffa u/jew tiġi meqruda t-tbatija li jkunu għaddejjin minnha xi konċittadini tiegħu u dan jibqa’ s-sodisfazzjoni primarju li jisboq fuq kollox.
