‘Bħalissa ninkwieta li l-PL ħa jitla’ awtomatikament għax fil-preżent m’aħniex noffru gvern alternattiv tajjeb’

Il-gazzetta ILLUM tpoġġi ma’ Stephen Spiteri, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali sabiex tiddiskuti ċerti temi kurrenti bħall-ewtanasja u l-każ tal-Vitals 

 Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali, it-Tabib Stephen Spiteri
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali, it-Tabib Stephen Spiteri

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-proposta tal-ewtanasja? 

Bħala tabib, jiena għandi perspettiva iżjed realistika fuq is-suġġett. Jien nara l-pazjenti fl-aħħar ta’ ħajjithom. Bħala politikant, partikolarment deputat mal-Partit Nazzjonalista, jiena rrid nimxi skont l-istatut tal-partit li jgħid black on white li aħna rridu nipproteġu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem. Aħna pro-life. Ħadd ma jista’ jilgħab mal-ħajja. Hawnhekk nagħmel referenza għall-pożizzjoni tagħna fuq l-IVF u r-riservazzjonijiet li kellna fuq l-embryo-freezing, avolja llum għandna xi liġijiet li tkellimt fuqhom din il-ġimgħa l-parlament. Jiena nżomm mal-istatut tal-partit. Minn perspettiva mediċinali, jiena ngħid li nemmen li għandu jkun hemm iżjed infurzar u investiment fil-kura paljattiva ħalli b’hekk inkunu qed nippreservaw id-dinjità tal-pazjenti. Jiena naraha prematura li wara 60 ġurnata ndaħħlu liġi fuq l-ewtanasja, li filli ma kinitx ġewwa pajjiżna u mbagħad tiddaħħal ċumm bumm. Naqbel ħafna mal-konsultazzjoni pubblika, speċjalment m’esperti tal-qasam bħal tobba, paramediċi u infermiera, kif ukoll il-Hospice li qed jagħmlu xogħol impekabbli fil-qasam tal-kura paljattiva. Jekk ngħaġġlu dan il-proċess, ħa jibda jidher l-aspett politiku. Ejja nistudjaw u naraw is-sitwazzjoni kurrenti fuq il-kura paljattiva. 

Temmen li din kienet proposta biex titfa’ iktar diviżjoni u differenzi fil-PN? 

Meta jkun hemm kwistjonijiet kontroversjali bħall-ewtanasja, l-abort u d-divorzju, għandek 100 bniedem 100 fehma. Kulħadd għandu moħħ biex jaħseb sabiex ikollu opinjoni u twemmin differenti. Meta jkollok sitwazzjonijiet ikkumplikati, dejjem ħa jkun hemm il-qsim. Din teżisti, mhux biss fil-Partit Nazzjonalista, imma anke fil-kamp oppost tal-Partit Laburista. Jien nifhem li fil-PL hemm min huwa favur u min huwa kontra. Jien naħseb illi milli iżjed diviżjoni, il-Gvern qed jitfa’ din il-kwistjoni sabiex joħloq ċerti sitwazzjonijiet ta’ dibattitu nazzjonali u diskussjoni bejn iż-żewġ partiti prinċipali li tista’ toħloq aġenda fil-politika preżenti. Hemm ħafna fuqiex nistgħu nitkellmu bħalissa. 

Il-PN qiegħed f’salib it-toroq. X’taħseb li huma s-soluzzjonijiet hawnhekk? 

Is-sitwazzjoni hi dik li hi. Ir-realtà hija dik li hi. Il-poplu jitkellem fl-elezzjonijiet, però meta jkun mistoqsi fis-sondaġġi regolari, wieħed jara ċerta tendenza li wara 13-il sena ta’ PL fil-Gvern, qisu l-PN għadu mhux jirranka biex juri attwalità li ħa jirbaħ. Huwa veru li kellna riżultat pożittiv fl-aħħar elezzjoni Ewroparlamentari imma għadna ma ġejniex f’territorju pożittiv. Jien irrid nara PN li permezz tal-aġenda politika u kif jippreżenta l-proposti tiegħu, ikun gvern alternattiv. Irridu naraw li l-poplu Malti u Għawdxi jaċċettana bħala l-gvern alternattiv li għandu bżonn. Jiena tabib, nara l-pazjent, nagħmel id-dijanjożi u nagħti l-kura. Irrid nara l-partit tiegħi jkollu aġenda li twasslu f’territorju pożittiv. 

 

Hemm karba biex Roberta Metsola tigi lura Malta u tmexxi lill-PN. X’tikkummenta? 

Metsola l-ħin kollu qiegħda titqies bħala l-mexxejja prospettiva tal-Partit Nazzjonalista. Bħalissa kollox huwa spekulazzjoni. Roberta ġejja, Roberta mhux ġejja. Bħalissa għandna lil Bernard Grech bħala l-kap. Jien nisħaq illi l-PN għandu jsib direzzjoni li twassal biex in-nies jaraw lill-PN bħala l-gvern alternattiv. Irridu nagħtu ċans u naraw maż-żmien. 

Kif qiegħed il-PN illum jista’ jirbaħ elezzjoni? 

Kien hemm żmien fejn konna ngħidu “il-PN jista’ jirbaħ l-elezzjoni,” għax il-PL ilu fil-gvern, għandu dawn l-iskandli kollha, il-gvern għadda minn perjodu iswed, Vitals u Stewards, Wind Farms u korruzzjoni tielgħa u nieżla. Kważi kważi kienet sens komun li l-PN ħa jitla’ awtomatikament hekk kif il-PL ħa jiġi mwarrab min-nies. Bħalissa ninkwieta li l-PL ħa jitla’ awtomatikament għax fil-preżent m’aħniex noffru gvern alternattiv tajjeb. Dan hekk kif il-poplu hemm barra mhux qed jafda lill-PN bħala l-gvern alternattiv. 

Il-PN qiegħed fi kriżi? Jekk iva, għaliex? 

Le, jien ma narax il-PN fi kriżi. Jien naħseb li l-PN għandu jistudja, u ma jdumx, is-sitwazzjoni għala qiegħed fejn qiegħed wara 13-il sena fl-oppożizzjoni. Nitkellmu fuq it-tmexxija tal-partit, id-direzzjoni tal-partit, kif nipproġettaw ruħna, għalfejn qegħdin hemmhekk bħala aġenda politika. Kważi hija assurda u kontradittorja 13-il sena fl-oppożizzjoni u issa mixjin lejn ir-raba’ elezzjoni. Jekk nitilfu l-elezzjoni li jmiss tkun ir-raba’ telfa – u li din qatt ma ġrat qabel. Il-PN irid jara u jinvesti sabiex nipproġettaw ruħna bħala l-gvern alternattiv li l-pajjiż għandu bżonn. Irridu nagħmlu sforzi kbar sabiex aħna nkunu fdati mill-elettorat, hekk kif titlob l-elezzjoni. Tgħidli aħna fdati s’issa fis-sondaġġi, imma hemm differenza bejn dak u kif eventwalment il-poplu qed jarak fix-xena politika. 

M’għadekx kelliem dwar is-saħħa, imma għadek vokali dwar il-problemi fil-qasam tas-saħħa. X’inhuma n-nuqqasijiet f’dan il-qasam? 

Bilfors għadni vokali għax ħajti hija s-saħħa. Għamilt seba’ snin shadow minister għas-saħħa. Jien nirrikonoxxi l-avvanzi li saru f’pajjiżna f’dawn l-aħħar 13-il sena. Imma għandna nuqqasijiet kbar. Fi 13 il-sena gvern Laburista ma rrnexxilux jiftaħ sptar ieħor u dan hu żball kardinali. Il-Partit Laburista, meta kien fl-oppożizzjoni kien jgħajjar lill-PN li l-Isptar Mater Dei huwa żgħir għall-popolazzjoni ta’ dak iż-żmien, u issa l-popolazzjoni splodiet. Dan il-gvern ma rnexxilux jibni infrastruttura b’saħħitha sabiex ikollna sptar ieħor, sabiex il-pazjenti jkunu moqdija. Naqqasna wkoll fir-riżorsi umani fejn m’għandniex biżżejjed infermiera, infermiera Maltin u Għawdxin. Jien nemmen fil-private-public partnership u li nużaw ir-riżorsi kollha, bħall-POYC, li kien ressaqha l-PN u kienet ta’ suċċess, imma l-gvern tant kemm hu fi kriżi li qed jiddependi fuq il-privat għal-lista twila t’operazzjonijiet għax Mater Dei ma jistax ilaħħaq. Eżempju ta’ dan huwa l-hub ta’ Raħal Ġdid li nbena u qatt ma jrid jinfetaħ riżultat ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani. 

Il-każ Vitals wera l-mod kif il-Gvern Laburista aġevola numru ta’ con men, imma jidher mill-inkjesta u l-proċeduri ġudizzjarji li din il-kawża tista’ ma tasal imkien. Kif għandna niftakru l-każ Vitals? 

Naħseb li l-iktar ħaġa li għandna niftakru hija l-impatt li ħalla dan il-każ fuq il-qasam tas-saħħa nazzjonali billi għandna waiting list ma tispiċċa qatt, speċjalment fl-ortopedija. L-ikbar impatt, minbarra l-miljuni li ntilfu mit-taxxi tan-nies, huwa l-impatt li ħalla fin-nuqqas ta’ infrastruttura. St. Lukes qiegħed jaqa’ u ma jaqax, konsegwenza ta’ gvern li m’għandux spazji biżżejjed sabiex jaqdi l-bżonnijiet tal-pazjenti Maltin u Għawdxin. 

More in Intervisti