
'Il-Pulizija qed jinvestigaw lil dawk fl-inkjesta Vitals li għadhom ma tressqux il-Qorti'
Fuq il-programm Xtra mxandar fuq TVM, Saviour Balzan jitkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà wara ħames snin imexxi l-Pulizija. Jitkellmu fuq id-droga, il-Vitals, is-sewqan, il-frodi, il-kriminalità, u l-indipendenza tal-pulizija fost oħrajn

Balzan: Ħames snin mill-ħatra tal-kariga, u ċertament kien hemm ħafna avvenimenti, ħafna mumenti. Fosthom kien hemm mumenti li kienu ta’ sfida. L-ewwel mistoqsija tiegħi hija, f’ħames snin, meta tħares lura — issa ovvjament mhux qiegħed hawn biex iddoqq it-trombi imma ħa nipprova nġiegħlek iddoqq it-trombi jekk huwa possibbli — x’kienu l-affarijiet li, fl-opinjoni tiegħek, kellek suċċess fihom u fejn ovvjament tixtieq timxi ’l quddiem?
Kummissarju: Iva, jiena, jekk Alla jrid, ix-xahar id-dieħel nagħlaq ħames snin f’din il-kariga u rrid infakkar li jiena l-ewwel kummissarju tal-pulizija li ntgħażilt wara sejħa pubblika. Tradizzjonalment, kummissarju tal-pulizija kien jintgħażel bħala political appointee, il-Prim Ministru jaqbad u jagħżlu. Fil-każ tiegħi kien l-ewwel darba abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezia, li l-kummissarju ntgħażel wara sejħa pubblika u allura għaddejt minn proċess rigoluż. Sussegwentement, anki mort quddiem kumitat parlamentari u f’Ġunju tal-2020 inħtart kummissarju tal-puluzija.
Kont naf, sa mill-ewwel ġurnata, sa minn meta applikajt għal din il-kariga li ma kinitx se tkun pożizzjoni faċli. Qatt ma kienet, għall-ebda kummissarju tal-pulizija, imma meta nħares lura lejn dawn l-aħħar ħames snin inħoss li l-korp tal-pulizija kompla jissaħħaħ u kompla jikkontribwixxi għal dak li jeżisti għalih u allura propju l-mission statement tal-korp tgħid li rridu nipprovdu servizz professjonali u fdat, bl-għan li nipprovdu soċjetà sigura għal kulħadd u nagħmlu enfasi wkoll fuq is-sbuħija mal-komunitajiet u allura bħal kull korp tal-pulizija ieħor, il-korp tal-pulizija Malti jeżisti biex jara soċjetà Maltija sigura u allura naħseb l-ewwel mistoqsija għandha tkun: “issaħħet is-sigurtà ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar ħames snin?” U tista’ teħodha minn diversi aspetti. Jekk naraw il-figuri anwali tar-rata ta’ kriminalità naraw li matul l-aħħar snin, mhux biss naqqasna r-rata ras għal ras, jiġifieri meta naraw li 20 sena ilu kellek 46 reat għal kull 1000 persuna f’pajjiżna, is-sena l-oħra din niżżilnieha għal 30 reat għal kull elf persuna. Hemm vittmi, u issa niġi wkoll fuq vittmi, għaliex hija daqsxejn tricky meta nitkellmu fuq ir-rata ta’ kriminalità, għaliex xi kultant il-korp tal-pulizija jista’ jkun vittma tiegħu nnifsu, jiġifieri waħda mill-areas li rajna żiediet kienet il-vjolenza domestika u allura ma naħsibx li l-vjolenza domestika żdiedet fl-aħħar snin imma propju għaliex ikkontribwejna biex tiżdied.
Balzan: Sa ċertu punt, kien hemm ħa nazzarda ngħidha kważi sitwazzjoni fejn ċerti affarijiet ma ġewx irrappurtati. Kien hem ċerta tabù. Kien hemm ċerta aċċettazzjoni fejn issa llum hemm zero tolerance.
Kummissarju: Appuntu, ma waqgħetx mis-sema. Mhux ilħaqt kummissarju jien u f’daqqa waħda kulħadd beda jirrapporta. Jiena propju fl-ewwel ġurnata tiegħi bħala kummissarju tal-pulizija kont stqarrejt li l-korp tal-pulizija kien ħa jiffoka aktar fuq il-vittmi tal-kriminalità, l-aktar dawk vulnerabbli, u allura f’Ottubru ta’ dik is-sena, waqqafna għall-ewwel darba unit speċifiku, Gender Based and Domestic Violence Unit.
Balzan: Ħa ndur ftit fuq il-korp. Hemm affarijiet li huma viżibbli; il-libsa, ċerti użanzi, ċerti affarijiet li jidhru li nbidlu, imma wara l-kwinti, xi nbidel fl-istruttura tal-pulizija? Jien naf li inti kont ukoll involut f’ċertu culture change. X’għamilt?
Kummissarju: Jiena tlaqt mir-riżultat. Kont qed insemmi żewġ affarijiet; ir-rata ta’ kriminalità però test ieħor li jien u l-korpi tal-pulizija, b’mod internazzjonali naraw ukoll hi l-leġittimità, il-public trust and confidence in the police. Inti jista’ jkollok il-poteri kollha, tal-arrest, tat-tfitxija, però jekk m’għandekx poplu koperattiv miegħek li jtik il-leġittimità u allura dawn ir-riżultati li qed nitkellem dwarhom żgur li huma wkoll fattur ta’ żieda fil-fiduċja fil-korp tal-pulizija, jiġifieri llum, survey tal-NSO ippubblikat fl-2023 jgħid li 90% tal-poplu Malti u Għawdxi jafda lill-korp tal-pulizija. Il-Eurobarometer ipoġġi l-korp tal-pulizija l-aktar istituzzjoni sigura. Fl-2020 kont fortunat għax ftit qabel kont qed naħdem fuq strateġija ta’ transformazzjoni għall-korp tal-pulizija.
Balzan: Inti bħala kummissarju tfajt ħafna importanza fuq l-Intelligence, jiġifieri l-pulizija għandhom ħafna informazzjoni imma l-problema hija dik l-informazzjoni f’idejk x’se tagħmel biha? Din kienet waħda mis-soluzzjonijiet tas-suċċess li tnaqqsu r-rati ta’ kriminalità?
Kummissarju: F’pajjiż żgħir bħal tagħna, il-korp huwa entità importanti u dejjem kellu informazzjoni, u dik l-informazzjoni jekk ma tinterpretahiex, ħa tibqa’ informazzjoni. Wieħed mill-units li saħħaħt kien is-Central Intelligence and Analysis Unit. Permezz ta’ dan il-Unit għandna wkoll analisti.
Balzan: Issa, il-mod kif il-pulizija jirrelataw man-nies. Mhux l-ewwel darba li tisma’ kritika fuq kemm kien żorr il-pulizija meta mort nagħmel rapport eċċ. Taħseb li nbidlet din it-tip ta’ perċezzjoni?
Kummissarju: Jekk naraw it-taħriġ li jingħata lill-korp insibu li 70% tiegħu huwa fuq soft skills. Pereżempju parti mill-kurrikulu tagħna huwa customer care, għax aħna bħala korp aħna providers.
Balzan: Rigward is-sitwazzjoni tas-sewqan, hemm din l-idea li jsiru ħafna inċidenti għax ma jsirux biżżejjed sorveljanzi fuq diversi affarijiet. X’inhuma l-isfidi hawnekk?
Kummissarju: Jiena ngħid li għandu jkun hawn soċjetà li tkun ibbażata fuq ir-rispett, l-edukazzjoni, u mbagħad fuq l-infurzar. Madwar sentejn u nofs ilu kont attendejt konferenza u fost ħafna aspetti li kienu ħarġu hemmhekk, kien hemm l-element li jrid ikollok liġi li hija b’saħħitha li tagħti l-għodod lill-awtoritajiet li jinfurzaw. Sentejn ilu rajna kif ċerti multi kienu ħraxu; sewqan eċċessiv, użu tal-mobile phones, eċċ. Is-sena l-oħra kellna madwar 2,300 taħrika għal sewqan eċċessiv, filwaqt li dis-sena sal-ewwel erba’ xhur tas-sena, diġà qbiżna dak l-ammont.
Balzan: Hawn Malta kif taslu għaliha din tas-sewqan eċċessiv?
Kummissarju: Hawn Malta għandna mobile speed guns. Dawn ikunu għaddew minn proċess li kull sena jridu jkunu kalibrati.
Balzan: Issa fuq il-kwistjoni tad-droga, fuq l-użu tal-kannabis, inti kont kawt fi kliemek, imma issa għadha kif ħarġet liġi oħra li jekk tkun ġo blokka tal-flats u xxomm riħa ta’ kannabis, tista’ taqla’ multa. Xi ħaġa bħal din kif tista’ tiġi enforzata?
Kummissarju: Jiena meta bdejt nara dawn l-emendi, fhimt ukoll li din l-emenda kien hemm qbil unanimu dwarha. Jien sal-lum rajt kumment tas-CEO tal-ARUC, li għandi nifhem li ħa jkollhom il-lead fiha. Inħares ’il quddiem biex ikollna diskussjoni dwarha ħalli nifhem l-irwol tal-pulizija x’ħa jkun.
Balzan: Hemm oqsma fil-kriminalità li huma diffiċli u sensittivi; il-pedofelija, il-kwistjoni tas-cyber crime, it-terroriżmu ... X’qed tagħmel il-pulizija f’dawn l-oqsma?
Kummissarju: Il-kriminalità evolviet, jiġifieri 20 sena ilu kellek 96% tar-reati jsiru b’mod fiżikali. Illum dawk niżlu għal 60%. Jiena s-sena l-oħra ktibt f’artiklu fil-blue life magazine li d-djar tagħna qed isiru aktar perikolużi mit-toroq tagħna. Il-problema l-kbira tagħna hija li ħafna minna, we are constantly roaming in a virtual environment. L-iktar li nistgħu nagħmlu hi li noħolqu kuxjenza.
Balzan: Fid-dinja tal-lum jaqbillek ikollok karriera bħala pulizija?
Kummissarju: Illum 89% tal-membri tal-korp huma kburin li jifformaw parti mill-korp tal-pulizija u allura mhux biss tjiebu l-kundizzjonijiet, imma fl-aħħar mill-aħħar huwa s-sodisfazzjon li jtik dan ix-xogħol.
Balzan: Mingħajr ma nidħol fil-każ għax huwa sub judice, ħa nieħu dak li ġara fl-inkjesta — qed nirreferi għall-inkjesta tal-Vitals, fejn kien hemm kritika, u kritika ħarxa fil-konfront tiegħek. Ma nistgħux noqogħdu nistaħbew, kritika l-iktar mill-NGO Repubblika u kritika wkoll mill-personalitajiet marbuta mar-Repubblika — inkluż in-Nutar Aquilina u l-Avukat Jason Azzopardi — dwar il-fatt li l-pulizija b’dak li għamlu, meta kien hemm l-inkjesta maġisterjali, ma interrogaw lil ħadd. Kien hemm l-inkjesta maġisterjali, kien hemm l-ismijiet kollha, u dawn ittellgħu quddiem il-Qorti u l-pulizija naqsu mid-dmir tagħhom — dik kienet il-gist tal-kritika. U b’hekk se jkun hemm sitwazzjoni fejn justice cannot be delivered. Ħa nipprova nuża dil-frażi bl-Ingliż, jiġifieri li se jeħilsuha minn xi forma ta’ xi penitenza jew xi ħaġa hekk. Kif tirrispondi għal dit-tip ta’ kritika? U kien hemm kritika ħarxa fil-konfront tiegħek. Riedu rasek fuq platt. Jien hekk rajtha.
Kummissarju: Il-kritika lejja mill-esponenti ta’ Repubblika ma bdietx mil-lum, ma bdietx mill-ewwel ġurnata tiegħi ta’ kummissarju. Bdiet minn qabel. Dawn bdew jivvintaw l-istejjer dwari. Tajjeb li xi ħadd tani karozza qabel ma jien ilħaqt Kummissarju tal-Pulizija. I put the record straight, tajjeb. Imma ħa niġi għall-mistoqsijiet li għamiltli għaliex meta wieħed janalizza dik il-kritika, li ssir matul iż-żmien, tibda tara l-kontradizzjonijiet ukoll. Mhux eżerċizzju li ħa nagħmlu jien dan. Inħalli lil ħaddieħor jagħmlu. Imma daqqa ngħidu ħaġa u daqqa ngħidu oħra. L-inkjesta Vitals, u nibda minn hawnhekk, bdiet meta jien kont għadni lanqas Kummissarju tal-Pulizija. Mela jien nista’ ngħid — u għedtha m’ilux f’intervista — li kemm ili kummissarju jien qatt ma bdiet inkjesta maġisterjali għaliex b’xi mod jew ieħor il-korp tal-pulizija dawwar wiċċu naħ’oħra. Ma riedx jinvestiga jew naqas milli jinvestiga. Allura jien niftakar illi sa bidu nett ta’ dik l-inkjesta kont iltqajt mal-Maġistrat inkwerenti ta’ dik l-inkjesta, bħal kif kont iltqajt ma’ maġistrati oħrajn, tajjeb, u d-direzzjoni kienet dejjem ċara illi l-Maġistrata għandha l-lead u aħna nimxu fuq istruzzjoni tal-maġistrata. Dak li qed ngħid, filwaqt li ma rridx nidħol wisq f’dettalji, għaliex hemm proċeduri għaddejjin u hemm anka istruzzjonijiet mill-Qorti biex ma jkunx hemm komunikazzjoni, però dak li qed tgħid ...
Balzan: Mhux qed nitkellem fuq il-każ per sè. Qed nitkellem fuq il-prinċipju hawnhekk, il-prinċipju. Għandek inkjesta maġisterjali. Il-pulizija obbligati jinterrogaw? Ir-risposta tiegħek fuq dil-kwistjoni?
Kummissarju: L-inkjesti maġisterjali ma jagħlqux kollha bl-istess mod, jiġifieri għandek inkjesti fejn jitolbu l-pulizija tkompli tinvestiga. Hemm inkjesti oħrajn li jista’ jkollhom partijiet ċari, diretti, b’ordnijiet ċari ta’ maġistrat u l-inkjesta Vitals dik li għamlet. L-inkjesta Vitals kellha iktar minn mitt paġna. Ordni ċara ta’ maġistrat, liema persuni għandhom jitressqu u biex saħansitra l-ammonti kienu ġew stabbiliti. Hemm inkjesti oħrajn li saħansitra ġejna akkużati aħna għaliex ċerti persuni ma tressqux il-Qorti għaliex investigajna iktar għax l-inkjesta ma kinitx konkluża b’dan il-mod, bħal kif kienet konkluża l-inkjesta Vitals, l-istess nies akkużawna li m’għamilniex xogħolna. Jiġifieri għalhekk ngħid li hemm dawn il-kontradizzjonijiet. Eventwalment allura, illum il-ġurnata, sa minn Ottubru 2020, il-prosekutur m’għadux il-Kummissarju tal-Pulizija għal reati illi jeċċedu sentejn huwa l-Avukat Ġenerali. U din hija distinzjoni li hija importanti. Saħansitra nara rappurtaġġ fil-gazzetti li jgħidulek “it-tali spettur assistit mill-avukati tal-Avukat Ġenerali” meta din għandha tkun bil-kontra għax il-każijiet huma “Ir-Repubblika ta’ Malta versus individwu jew individwi” mela allura l-pulizija qed jassistu lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Balzan: Ma rridx inwaqqfek imma l-ħin huwa limitat. Imma int qed tgħidli illi f’dal-każ partikolari tal-Vitals l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, l-istruzzjonijiet kienu tant ċari li l-pulizija ma kellhomx għalfejn jinterrogaw. Inti din li qed tgħid? Biex nifhmek sew.
Kummissarju: Hemmhekk kellek investigazzjoni li ħadet ’il fuq minn erba’ snin u nofs.
Balzan: Iva, jien naf, imma jien li qed nipprova nifhem huwa din: għax fl-istruzzjonijiet kienu ċarissimi li kellhom jitressqu n-nies, il-pulizija f’dak l-istadju m’għandhomx jinterrogaw in-nies?
Kummissarju: Jiena mhux struzzjonijiet, imma ordni ... u l-liġi hekk tgħidlek. Jiġifieri għandek ordni ta’ maġistrat biex tressaq issa. Eventwalment, jiddeċiedi lil min se jressaq huwa l-Avukat Ġenerali u hekk allura wara jiġi studjat il-procèss verbal, l-inkjesta, jiġi determinat li l-inkjesta hija waħda magħluqa, hemmhekk allura tittieħed deċiżjoni li dawn in-nies jitressqu l-Qorti. Irrid ngħid li kien hemm partijiet minn dik l-istess inkjesta li ma kinux magħluqin. Hemm referenza għal ċerti istanzi fejn allura l-pulizija llum il-ġurnata qed tkompli tinvestiga partijiet minn dik l-inkjesta.
Balzan: Jiena għal dnubieti qrajt ħafna minn dil-inkjesta. Qrajtha b’ċertu interess. Xi kultant b’ċerta sorpriża wkoll. Naħseb hemm affarijiet interessanti, hemm affarijiet li huma inqas interessanti, u hemm ukoll referenzi għal nies li mhux qed jiġu ordnati biex jiġu mressqa iżda jintefa’ dell fuqhom. Inkun korrett li l-pulizija qed jinvestigawhom dawn in-nies?
Kummissarju: Assolutament, jiġifieri għalhekk kont qed ngħid, jiġifieri hemm partijiet fejn hemm allegazzjonijiet jew ġew stabbiliti ċerti ċirkostanzi b’rabta ma’ ċerti nies u allura l-pulizija f’dal-istadju trid tagħlaq il-kwadru kollu. Għalhekk għedt għandek inkjesti fejn għandek ordni ċara u għandek partijiet fejn ikollok tkompli tinvestiga.
Balzan: Ħa nsaqsik mistoqsija daqsxejn forsi pwerili din, daqsxejn forsi turi l-limitazzjonijiet tiegħi tal-apprezzament tal-inkjesti jew tal-interrogazzjoni. Inti għall-argument qed tinvestiga, skont dan ir-rapport, persuna A. Persuna A qatt ma tkellmu, tkompli tagħmel investigazzjoni u qatt ma tkellmu. Hija regola li tkellem lil dik il-persuna jekk dan jiġi investigat? Jew m’hemmx regola fissa?
Kummissarju: M’hemm l-ebda obbligu. Jekk inti kapaċi tistabbilixxi l-fatt mingħajr ma tkellem lill-persuna, tista’ timxi b’dak il-mod. Però stqarrija li tieħu minn persuna hija parti mill-għodod li għandha f’idejha l-pulizija. Jiġifieri int m’għandek l-ebda obbligu, jiġifieri jekk kapaċi l-Avukat Ġenerali jiddetermina li għandek biżżejjed provi biex tipprova reat il-Qorti mingħajr dubju ddettat mir-raġuni mingħajr ma tkellem individwu, tibqa’ għaddej. Però normalment ikollok bżonn li tiċċara dawk l-affarijiet. Issa l-inkjesta Vitals hemmhekk il-Maġistrat inkwerenti tat ordni ċara li kellek numru ta’ individwi biex għandna nressquhom u bl-ammonti indikati.
