
'Għalija lment mhux xi ħaġa li ddejjaqni, iżda sinjal ta’ fiduċja li r-resident għandu fil-Kunsill'
Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Romeo Baldacchino, is-Sindku tal-Gudja

minn Sean Fenech

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?
Il-Gudja għandha fi ħdanha l-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Filwaqt li nieħdu gost bis-suċċess li qed jagħmel, dan qed iġib sfidi kbar fosthom il-parkeġġ għar-residenti. Qed ikun hawn min iħalli l-karozza l-Gudja u jsiefer għal ġimgħa jew għal wisq iżjed. Qed naraw ukoll operaturi li għandhom x’jaqsmu mal-operat tat-turiżmu, speċjalment dwar il-kiri tal-karozzi. Dan ikompli jżid il-problema tal-parkeġġ għar-residenti u problemi oħra. Hawn ngħid li l-isfidi tar-residenti huma wkoll sfidi tiegħi u qed nagħmel dak kollu possibbli għal kull resident, sew fiż-żmien qarib, kif ukoll għaż-żmien fit-tul sabiex insibu soluzzjonijiet ġusti.
Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Il-kunsill huwa ferm konxju tar-responsabbiltà tiegħu li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-Gudja. Meta l-Kunsill jara li jkun sejjer isir xi żvilupp, jidħol sabiex jara li l-impatt ikun konformi ma’ dak mixtieq mingħajr ma ssir ħsara, kemm ’l wirt naturali, kif ukoll fiżiku u l-ambjent tal-Gudja. Il-Kunsill jara li jippreserva wkoll il-ġmiel ta’ partijiet mill-Gudja fosthom sqaqien u pjazez antiki. Ta’ min isemmi li bi ftehim ma’ ‘Din l-Art Ħelwa’, il-Kunsill jara li l-Knisja ta’ Bir Miftuħ u l-inħawi tal-madwar jiġu mħarsa u protetti.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Il-Gudja, li barra li għandha ajruport internazzjonali fi ħdanha, hija mdawra bil-kampanja u l-Kunsill jara li din il-kampanja tkun iżjed aċċessibbli għall-bdiewa u għal min ikun irid jagħmel il-mixja tiegħu. Ġewwa l-Gudja hawn diversi spazji miftuħa. Ta’ min isemmi Ġnien Raymond Caruana, Ġnien Ġlormu Cassar, Wesgħet Anġlu Dalli, Pjazza Qalb ta’ Ġesù, Ġnien il-Qari, u Ġnien iż-Żgħażagħ. Il-Kunsill qed jaħdem sabiex ikun hemm spazji oħra miftuħa sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku. Ninsabu naħdmu sabiex biċċa art biswit il-Palazz ta’ Bettina tingħata ħajja ġdida b’attrezzi u apparat għall-benefiċċju tal-pubbliku, kemm għar-residenti, kif ukoll għal min ikun jixtieq jieħu r-rikreazzjoni u l-mistrieħ tiegħu f’dan l-lok.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Il-Kunsill għandu għal qalbu l-ambjent għaliex japprezza li l-ambjent huwa l-ħajja tagħna lkoll. Il-Gudja għandha potenzjal kbir li tkun tista’ tikkonserva l-ġmiel tagħha, kemm dak fiżiku bid-dehra tal-binjiet tagħha, kif ukoll dak tal-kampanja. Minbarra li jħares l-ambjent ta’ dan ir-raħal, il-Kunsill iħares ukoll partijiet oħra barra mill-Gudja, fosthom dik magħrufa bħala l-belvedere faċċata tar-runway tal-ajruport. Ma’ dan hemm ix-xogħol tal-pavimentar mal-Kappella ta’ Loretu wkoll qrib il-belvedere tal-ajruport. Il-Kunsill jemmen li meta jkun hemm ambjent tajjeb li jista’ jitgawda minn kulħadd u żvilupp sostenibbli, ikun jista’ jġib ġid ekonomiku, kemm għal-lokal, kif ukoll fuq livell nazzjonali. Nixtieq ukoll li r-residenti kollha jkunu siguri f’darhom u anke barra minn darhom. Il-Kunsill jaħdem fil-qrib mal-Pulizija tal-Komunità u dejjem naraw kif il-komunità Gudjana tkun tista’ tgawdi minn dan is-servizz. Nixtieq li l-anzjani ġewwa l-Gudja jkollhom il-faċilitajiet li jgħixu f’darhom, kemm matul il-jum, kif ukoll li jkun hemm il-faċilità ta’ ċentru għall-anzjani matul il-jum u anke matul il-lejl.
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Hemm diversi proġetti li qed jaħseb dwarhom il-Kunsill. Iżda l-proġett ewlieni huwa dak li l-Kunsill ikollu l-Uffiċini, kemm amministrattivi u Operattivi tiegħu, kif ukoll Ċentru li jservi l-bżonnijiet tal-komunità fejn jiġu organizzati attivitajiet soċjali, edukattivi, u rikreattivi. Dan il-lok huwa maħsub li jkun aċċessibbli għal kulħadd mingħajr ebda diffikultà. Dwar dan il-proġett speċjalment il-Kunsill qed jaħdem mal-awtoritajiet sabiex kemm jista’ jkun dan l-investiment ma jkunx ta’ piż finanzjarju kbir sabiex il-Kunsill ikompli jopera bla ebda diffikultà finanzjarja. Wieħed jista’ jgħid li kull proġett tal-Kunsill jiġi kkonsidrat sabiex ikollna ambjent aħjar u li kemm jista’ jkun wieħed ikun jista’ wkoll jimxi mingħajr riskju żejjed.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Ta’ min isemmi illi flimkien ma’ fondi Ewropew, il-Kunsill qed jesegwixxi proġetti tal-ħitan tas-sejjieħ f’diversi partijiet fil-kampanja madwar il-Gudja. Saru wkoll xogħlijiet fit-trejqiet sabiex ikun hemm aċċess aħjar, kemm għall-bdiewa, kif ukoll għal dawk li jagħmlu l-mixi tagħhom fil-kampanja sabiħa madwar il-Gudja fejn jiġi apprezzat il-ġmiel naturali li jsebbaħ il-Gudja. Il-Kunsill, b’għajnuna ta’ fondi speċjali li kiseb mingħand il-LESA, qed jinvesti fix-xiri ta’ vettura li tkun għall-bżonnijiet tar-residenti, speċjalment l-anzjani tal-Gudja, kif ukoll għal dawk li jużaw siġġu tar-roti. Qiegħed ukoll jippromovi l-użu tar-roti, speċjalment meta d-distanzi ma jkunux fit-tul. Mill-qalba tar-raħal hekk sabiħ tal-Gudja ta’ kuljum jgħaddi traffiku qawwi sew għall-ajruport, kif ukoll għaż-żona industrijali ta’ Ħal Far. Sa minn żmien ilu kien maħsub li Vjal it-Torri tingħaqad ma’ triq arterjali fit-tarf tal-Gudja li tiġi faċċata tal-ajruport. B’dan il-proġett, it-traffiku li jidħol fil-Gudja ikun biss għar-residenti u għat-trasport pubbliku sabiex iservi l-ħtiġijiet tar-residenti. Fil-Gudja għandna diversi għaqdiet u soċjetajiet, fosthom dawk tal-baned li għandhom suċċess kbir bil-ħidma tal-voluntiera u ta’ dan ngħid grazzi lill-voluntiera kollha kemm huma. Nixtieq ukoll li mal-Kunsill ikun hawn voluntiera sabiex jassistu fil-ħidma tiegħu, speċjalment meta jkun qed itella’ l-attivitajiet tiegħu.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?
Jiena bniedem li nħobb nippjana sewwa bil-quddiem u nħobb ninvolvi lil kulħadd fil-ħidma tiegħi u nżomm kuntatt mal-awtoritajiet dwar dak li nkun qed inwettaq u għalhekk ċerti sfidi nkun nista’ naffaċċjahom bil-quddiem u dawn jiġu wkoll megħjuna mill-awtoritajiet b’ħidma konġunta. Nifhem u napprezza li filwaqt li l-Kunsill jaffaċċja sfidi ta’ kuljum, l-awtoritajiet ikollhom ukoll l-isfidi tagħhom u għalhekk inħoss li meta jkun hemm komunikazzjoni tajba mal-Kunsill, il-Kunsill jikseb l-għajnuna kif tkun meħtieġa, anka jekk dan jista’ jieħu xi ftit taż-żmien.
Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
Jiena nemmen li l-età hija biss numru. L-età ma tirriflettix abiltà u għalhekk kien għaqli li l-età minima għas-sindki niżlet għal 16-il sena. Jiena naħdem ħafna qrib iż-żgħażagħ u ma nkunx sorpriż li żagħżugħ jew żagħżugħa jkunu kapaċi jmexxu Kunsill daqs persuna ta’ età ikbar. Il-ħeġġa żagħżugħa u s-sapport u l-esperjenza ta’ persuna b’aktar żmien għandha tkun riċetta ta’ suċċess. Fil-Gudja kellna wkoll Kunsill taż-żgħażagħ u dan kellu s-suċċess tiegħu. Fil-preżent fil-Gudja għandna wkoll il-Kunsill tat-tfal u dan qed jagħmel l-impatt tiegħu sabiex il-Kunsill jara l-aspirazzjonijiet tat-tfal anke jekk ta’ età żgħira jħossu li jistgħu jagħtu l-ideat tagħhom.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Nemmen bis-sħiħ li wieħed għandu jippjana sewwa, speċjalment fejn jidħlu finanzi. Wieħed dejjem ikun jixtieq jagħmel iżjed, iżda dan ma jistax jonfoq iżjed milli jippermettu l-flus li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu għax dan, mhux talli jmur kontra r-regolamenti finanzjarji, iżda jista’ jġib konsegwenzi mhux mixtieqa għall-ħidma tal-Kunsill. Flimkien mal-Kunsilliera kollha, kif ukoll bl-għajnuna tas-Segretarju Eżekuttiv u ħaddiema tal-Kunsill, ninsabu attenti li naħdmu sabiex niksbu l-finanzi dwar skemi kemm ikun possibbli. Meta toħroġ skema nkunu pronti nassessjaw dwar il-finanzjament u napplikaw għall-fondi kif ikun disponibbli, sew jekk lokali, kif ukoll jekk ikunu fondi Ewropej.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu?
Għalija t-tqassim propost tal-lokalitajiet huwa eżerċizzju sabiex kemm jista’ jkun fl-elezzjoni jkun hemm rappreżentanza tal-pubbliku kif għandha tkun fil-ħidma ta’ demokrazija ħajja u moderna fuq livell nazzjonali kif ikun meħtieġ minn żmien għal żmien. Bħala sindku jiena ġejt elett mir-residenti tal-Gudja u għalhekk kull tibdil li jkun hemm fid-distretti ma jkollhomx effett fuq il-ħidma tiegħi, kemm preżenti, kif ukoll futuri.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
L-akbar sodisfazzjon tiegħi bħala sindku hija li nkun ta’ servizz, sew individwali kif ukoll fuq livell kollettiv. Nieħu gost nara li n-nies jersqu lejja u lejn il-Kunsill għall-ħtiġijiet tagħhom anke meta forsi tkun ħaġa personali. Nieħu gost nara kemm l-għaqdiet ġewwa l-Gudja lesti jaħdmu mal-Kunsill. Hemm djalogu mar-residenti li jagħmlu l-proposta tagħhom sabiex fil-Gudja kulħadd ikollu l-aħjar ħajja possibbli. Għalija lment mhux xi ħaġa li ddejjaqni, iżda sinjal ta’ fiduċja li r-resident għandu fil-Kunsill. Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jara li dan l-ilment jiġi indirizzat b’mod u azzjoni pożittiva u b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja fil-ħidma tal-Kunsill. Nieħu din l-okkażżjoni sabiex nirringrazzja lir-residenti tal-Gudja għall-koperazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-Kunsill, speċjalment dwar dik ambjentali. Nirringrazzja wkoll lill-Kunsilliera kollha għall-ħidma u l-koperazzjoni tagħhom sabiex il-Kunsill jikseb is-suċċess mixtieq. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nirringrazzja l-ħaddiema kollha tal-Kunsill għall-ħidma tagħhom li hija tant importanti u apprezzata u ta’ fejda b’risq il-komunità kollha tal-Gudja.