'Xi kultant inħoss li s-sens ta’ komunità qed jintilef u għalhekk qed nipprova nagħmel mill-aħjar li nista’ biex il-Gżirjani jħossuhom parti mil-lokal'

Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Neville Chetcuti, is-Sindku tal-Gżira

Neville Chetcuti, is-Sindku tal-Gżira
Neville Chetcuti, is-Sindku tal-Gżira

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek? 

Bħala sindku, l-irwol tiegħi hu li flimkien mal-kunsilliera l-oħra naħdmu mar-residenti għall-ġid tal-lokal. Illum il-ġurnata, ġewwa l-Gżira għandna ħafna nies anzjani u dan iġib miegħu sfidi akbar, fosthom li hemm iktar bżonn ta’ aktar sigurtà fil-lokal tagħna. Għalhekk, wara ħafna snin magħluqa, reġgħet infetħet l-għassa tal-Gżira u dan jagħti iktar serħan il-moħħ lil dawn l-anzjani. Sfidi oħra huma l-kostruzzjoni metal-iżviluppaturi ma jimxux mar-regolamenti u mal-permessi kif suppost, u meta ma jnaddfux warajhom. L-iskart illegali (bulky refuse) huwa ta’ detriment għal-lokal tagħna meta aħna noffru servizz b’xejn għar-residenti tagħna. Għandna wkoll ħafna residenti barranin li wkoll hemm bżonn li jkunu jafu u jimxu mar-regoli tal-ġbir ta’ skart. Fil-lokal tagħna hemm kwantità kbira ta’ Airbnb (short lets) li ħafna drabi joħorġu skart li mhux konformi mal-iskeda. Barra minn hekk joħolqu storbju matul il-lejl speċjalment fis-sajf.  

Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità? 

Aħna bhala kunsill, mhux dejjem niġu kkonsultati fuq proġetti ta’ żvilupp, imma meta nkunu involuti jew inkunu nafu fuq xi żvilupp, aħna dejjem nipprovaw nippreservaw il-wirt u l-ambjent tal-lokal. Fejn ikun hemm bżonn se noġġezzjonaw għal ġid tar-residenti. 

Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti? 

Fil-Gżira m’għandniex ħafna spazji miftuħa. Għalhekk irridu noqogħdu iktar attenti biex il-ftit li għandna nużawh u nippreservawh għar-residenti tagħna u b’hekk insibu bilanċ bejn il-kostruzzjoni u l-ispazji miftuħa. 

Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin? 

Il-prijorità tiegħi hi li jkolli iktar dixxiplina fejn tidħol indafa fil-lokal. Il-kunsill tal-Gżira se jkun qed jaħdem fis-sħiħ biex ikompli jeduka lin-nies kollha tal-lokal fejn tidħol indafa pubblika u ġbir ta’ skart. Punt ieħor li rrid insemmi hu li rrid nara iktar spazji miftuħa għal-lokal tagħna.  

Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib? 

Sodisfatt insemmi li wieħed minn dawn il-proġetti wettaqnieh diġà meta nfetħet l-għassa tal-Pulizija tal-Gżira wara ħafna snin magħluqa. Proġetti oħrajn huma li jsiru iktar toroq asfaltati, kif ukoll manutenzjoni fuq l-istess bankini. Saret ukoll ħidma biex insaħħu s-sistema ta’ distribuzzjoni fejn poġġejna kilometri ta’ cables ġodda taħt l-art. Se nagħmlu wkoll CCTV cameras ġewwa l-Gżira għal iktar sigurtà. U hemm il-pjan ukoll li se noħolqu spazju miftuħ għar-residenti tagħna.  

Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti? 

Peress li fil-lokal tagħna qed jiżdiedu n-nies minn pajjiżi oħra u bħala persentaġġ qabżu l-55%, xi kultant inħoss li s-sens ta’ komunità qed jintilef u għalhekk qed nipprova nagħmel mill-aħjar li nista’ biex il-Gżirjani jħossuhom parti mil-lokal. Għal dan il-għan jiġu mħejjija attivitajiet kważi kull xahar biex inżommu kuntatt mar-residenti tagħna.  

Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku? 

Bħala sindku kważi kuljum ikolli bżonn l-għajnuna mill-awtoritajiet. Mhux dejjem ikun faċli li ninqeda għar-residenti, imma nirringrazzja lill-awtoritajiet ikkonċernati li jifhmu li jien qiegħed hemm għar-residenti u rrid nagħmel mill-aħjar għall-ġid tal-lokal. 

Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali? 

Fil-kunsill tiegħi għad m’hemmx kunsilliera ta’ dik l-età, għalkemm żgħażagħ xorta hemm. Jiena nemmen li ż-żgħażagħ tagħna jagħtu nifs ġdid lil-lokal billi jġibu magħhom ideat ġodda u innovattivi. Għalhekk, il-kunsill tiegħi minn din is-sena qiegħed involut fil-kunsill tat-tfal biex b’hekk iż-żgħażagħ ikollhom opportunità jsemmgħu leħinhom fil-ġejjieni. 

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji? 

Jiena dejjem kont konxju minn dan l-aspett u għalhekk dejjem nara x’finanzi għandna għad-dispożizzjoni tagħna bħala kunsill u dejjem naħdem bil-flus li jkunu allokati għall-kunsill. 

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassimiet proposti tal-lokalitajiet fid-distrett skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa kif inhu? 

Minn dak li smajt naqsu l-votanti minn certi distretti. Għalhekk, il-Kummissjoni Elettorali, flimkien mal-partiti, trid tara li d-distretti jkollhom l-istess ammont ta’ votanti.  

X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa? 

Għalija l-iktar parti sodisfaċenti hija li issa qed immexxi l-lokal li twelidt fih u meta nipproponi xi ħaġa ġdida għal-lokal tiegħi nieħu gost nara li għandi kunsill magħqud u dejjem jappoġġjani. Ħa nagħlaq billi nerġa’ ngħid li jien dejjem man-nies, dejjem nisma’ u naġixxi biex nagħmel il-ġid lil-lokal tiegħi li tant inħobb. 

More in Intervisti