“Ma jiddispjaċini xejn minn dak kollu li għamilt” – Toni Abela

L-ewwel parti minn intervista twila li għamel Saviour Balzan lil Toni Abela wara li rtira minn imħallef 

L-Eks Imħallef Toni Abela fuq il-programm Xtra
L-Eks Imħallef Toni Abela fuq il-programm Xtra

Il-fatt li inti trabbejt fil-Marsa u l-Ħamrun kien ta’ influwenza kbira fuq kif taħseb fuq ċerti sfidi fis-soċjetà Maltija. Għidli xi ħaġa fuq dak iż-żmien. 

Dawn iż-żewġt irħula ttrasformaw lilhom infushom. Jien il-Marsa nitfakarha għadha bl-għelieqi, proprju fi żmien meta bdew it-Triq ta’ Diċembru 13. Illum qas toħlomha. Minħabba din it-triq li kien hemm bżonnha, qisu nqasam f’żewġt irħula, wieħed ’il bogħod mill-ieħor. Il-Ħamrun l-istess, il-ħwienet kienu aktar ġenwini, tan-nies, tal-ħaddiema. U ma kienx għadu beda l-fenomenu tal-emigranti. Illum, jekk tmur il-Ħamrun, mill-pjazza ’l isfel anqas qisek għadek il-Ħamrun. L-irħula tal-lum m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dawk li niftakar jien. Niftakar nitħallat man-nies tal-post u man-nies tax-xogħol. Kollox kien għadu ġenwin; bejjiegħa wara l-bieb b’ikel frisk. Kien hemm tal-merċa u mhux tal-Lidl. 

 

Kien hemm element ieħor – għax qiegħed tpinġi kollox ward u żahar. Kien hemm ukoll il-faqar f’dawn iż-żewġt irħula,  

Ħa ngħidlek, kien hemm il-faqar imma kien hemm ukoll element ta’ solidarjetà soċjali. Kull min kien isajjar, kien jagħmel platt żejjed għal ħaddieħor. In-nies kienu jaqlgħuha u jikluha, imma kien hemm l-element ta’ solidarjetà soċjali u l-kollettiviżmu. Iva, kien hemm il-faqar imma tiskanta, jien kont ngħix bix-xejn ma nafx kif. 

 

Kien hemm dan il-mument fejn ksibt l-edukazzjoni li wasslitek għat-triq tal-Università. Inti persuna li ta’ età żgħira kont diġà ħadt interess fil-kitba u fil-qari, u wrejt ċerti aspirazzjonijiet. Għidli fuq dan il-vjaġġ. 

Ara, jien qatt ma mort skola privata. Jien dejjem mort skejjel tal-Gvern, mill-primarja sal-Università. Ommi u missieri qatt ma ħallsuli privat, in-nanna pruvat imma dawk il-flus tal-privat jien kont nużahom għall-boċċi. Jien inzertajt kelli għalliema tajbin. Wieħed minnhom, ġieli ktibt fuqu, żera’ fija l-interess tar-riċerka u tal-analiżi fil-primarja, is-Sur Fredrick Vella Jones. Dan kien għalliem li kien isalva t-tfal li setgħu ntilfu. Kelli l-opportunità mmur il-Lyceum tal-Ħamrun fejn kelli għalliema impekkabbli, u għal dan jien kont ixxurtjat. L-istess fis-sixth form fejn kelli għalliema li mmotivawni. Allura jien minn stadju ieħor tal-iskola, forsi għax kont fortunat, sibt għalliema li żergħu fija l-interess tar-riċerka u għalhekk iddeċidejt li nidħol l-Università.  

 

Kien hemm mument fejn kellek interessi oħra minflok tidħol l-Università? 
Iva kelli, u naf għal xiex qed tgħid. Jiena kont dħalt ukoll mas-Soċjetà tal-MSSP, li għaliha għandi ammirazzjoni kbira. Kont għamilt sena u nofs iż-Żebbuġ, Għawdex. Dakinhar kelli Superjur lil Dun Narċis Micallef, li issa qiegħed l-Awstralja, u kien ikolli argumenti miegħu sal-punt li dħalt fiċ-ċella tiegħi u ppakkjajt. Illum inħares lura u ngħid “Hu kellu raġun”. Imbagħad tlaqt fuq karettun bi ħmar, immaġina fis-75 jew 76.  

Niftakar kien rikkibni wieħed – kien fit-triq għall-Ħamrun – rani bil-bagalja u staqsieni kontx fuq btala Għawdex. Jien għedtlu l-istorja, u qalli li anke hu kien għal qassis. Kien staqsieni x’ħa nagħmel issa u għedtlu ma nafx. Qalli “Għandek A-Levels?” u għedtlu “Għandi xi ħaġa”. Imbagħad qalli “Mela agħmel kif ħa ngħidlek jien u studja għal avukat. Taf kemm taqla’ flus? Imbagħad oħroġ magħna.” Jien staqsejtu hu min hu u qalli li kien l-Avukat Ġużè Cassar. Dak iż-żmien hu kien il-Ministru għall-Ġustizzja, Deputat Laburista viċin il-Perit Mintoff.  

Ġużè kellu ħafna idjomi li ftit kienu jgħiduhom. Lil Mintoff kien jgħidlu Dom mhux prim. Mintoff dejjem, skont kif kienu jgħiduli, kien jaċċetta dak li kien jagħmel Ġużè. Kien qalli li kien, mingħalija, minn Ħal Safi u qalli minn hemm ħarġet il-kultura. Qalli “Il-problema taf x’inhi? Li [l-kultura] qatt ma daħlet lura.” Darba oħra, kienet mietet il-mara tiegħu u kont rajtu Strada Stretta, u kont tajtu l-għomor. Kont għedtlu li hemm kont il-funeral u qalli “Ġejt żġur għax ma niftakrekx.” Jien kien gerfixni, u staqsejtu jelabora. Qalli “Jien niftakar żgur lil min ma ġiex.” Jien bniedem li jekk nista’ l-funerali qatt ma nitlef wieħed bħala turija ta’ rispett. Tieġ teħlisha b’rigal, funeral ma teħlishiex. 

 

Inti diġà kont bdejt tikteb, il-pinna tiegħek kienet tajba. Ktibt affarijiet letterarji, kif ukoll xi affarijiet għax-xandir. Dan kien waqt li kont student jew qabel? 
Fl-Università għan wieħed kelli; dak li nkun avukat u kulma kont nagħmel hu li nistudja. Kont ngħid “Issa żmieni jasal” u niffoka fuq l-istudju. Kont nikteb mal-Orizzont, kont nikteb mal-ILLUM, kelli paġna ma’ Peppi Azzopardi kważi għamilt erba’ snin. Għamilt xi xhur mal-Independent nikteb bl-Ingliż. Kollox kont nikteb. Qabel l-Università kont noħroġ gazzetta letterarja jisma “Il-Mixtla” li ħadtha mingħand Ġorġ Mallia u fiha kont nippubblika l-letteratura tal-istudenti. Darba ktibt poeżija b’ħafna referenzi erotiċi u l-Head Master ħass li kellu jwaqqaf din il-gazzetta. “U l-liċenzja letterarja fejn hi?” għedtlu jiena. Qalli “Insa l-liċenzja letterarja” u li ma jridx jara affarijiet bħal dawn hawn ġew. 

 

Inti kont f’kors fejn f’Malta kienu qed jiġru ħafna affarijiet. Interessanti li fil-kors kien hemm erba’ karattri magħrufin bħal Reno Borg u Charles Scicluna. Kontu targumentaw xejn? 
Dak iż-żmien l-argument ma kienx wieħed fejn wieħed ma jkellimx lill-ieħor. Kellna rispett kbir lejn xulxin. Qatt ma naf mument fejn Charles qalli ma rridx inkellmek. Dak iż-żmien kien għal avukat u qed jistudja għal saċerdot. Charles kellu memorja fenomenali, kważi jattendi aktar għat-tagħlim tas-saċerdozju imma kellu marki eċċellenti. Kultant kien itini rikba għall-Università bil-Lambretta. Kien bniedem ġenjali. Biex niċċajtaw konna nkantawlu “Charles għall-Arċisqof!” L-aktar li kien jgħidha din kien Marco Farrugia. Tgħidx kemm konna nidħqu. Meta sar arċisqof, għedna: “rajnieha dakinhar ġejja!” 

 

Ħa mmur lura għall-fatt li kien żmien diffiċli għall-politika, b’riformi politiċi kontroversjali b’ċerti elementi ta’ diviżjoni fis-soċjetà. Fl-Università kien hemm din id-diviżjoni? 
Ma kinitx teżisti daqshekk fil-kors tagħna. Bejn katedri kienet teżisti daqsxejn. Niftakar fl-1981, kien jgħallimna l-Professur Micallef. Kien ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni fejn il-Labour ġab il-maġġoranza tas-siġġijiet però mhux maġġoranza tal-voti, xi ħaġa ċara. Kien għaddieli kumment “Abela, reġgħu rebħu tiegħek,” biex jiċċajta. Jien kont għedtlu “Stenna ftit, tgħaġġilx. Din ma nafx kif ħa tispiċċa l-biċċa.” Fil-fatt minn 1981 sal-1987, din il-problema baqgħet tkarkar kważi sitt snin. Jien sirt avukat fl-1983.  

 

Inti għamilt referenza għall-fatt li l-lettur kien diġà jagħrfek bħala persuna b’tendenzi Laburisti. Kien hemm żmien fejn titwieled f’partit jew ieħor. Għalik, din kienet naturali li tkun Laburist? 
Kienet naturali għar-raġuni li jien twilidt man-nanna materna, in-nanna Mer, ħajjata dejjem għaddejja. Kulħadd kien jinġabar għandha qisha kienet il-forum tad-diskussjoni għat-triq. Kellha ritratt tal-Perit Mintoff bil-pipa u l-ġlekk li libes Londra. Jiena nannti trabbiet hekk, imma apparti dan jien trabbejt man-nies li jmissu mal-faqar. Jien kont nagħmel parti mill-proletarjat tan-naħa t’isfel ta’ Malta. Imma t-triq tiegħi kienet mimlija bil-politika. Bieb ma’ bieb man-nanna kien hemm Karmnu Zammit li kien fl-eżekuttiv tal-PL. Ftit ’il bogħod m’għand in-nanna, darba morna sabiex nifirħu lit-tifel tal-Iskarpan, Joe Brincat għadu kif gradwa. Dak iż-żmien ma kinitx faċli li tilħaq avukat minn dik il-klassi. Illum nifraħ li hawn ħafna tfal ġejjin minn klassi ta’ nies li huma ħaddiema. Ma kinitx faċli. Missieri kien wissieni kontra li nidħol avukat. Qalli: “Inti qatt tista’ ssir parti minnhom?” Jien dak iż-żmien kont ideoloġikament infattwat. Kont naqra l-ideoloġiji kollha … dawk Marxisti. Fil-fatt, it-teżi tiegħi kien jisimha “The Marxist Interpretation of the Law”. Jiena mhux kont mal-Labour … kont mal-ideoloġija. Imbagħad inti tittraduċiha f’partit imma jien kont fl-ideoloġija. 

 

Meta sirt avukat kellek żewġ affarijiet favurik. Waħda l-fatt li għandek komunikattiva tajba, parola facile, u għandek memorja tajba wkoll li tgħin meta tiġġieled għal kawża. Inti ħriġt fid-dinja tax-xogħol u ftaħt uffiċċju, le tnejn, hux hekk? 

Kelli wieħed il-Ħamrun, daqsxejn ta’ toqba, u ieħor il-Belt. Tal-Ħamrun kien tahuli Karmenu Mifsud Bonnici. Kien qalli meta rani, “Fejn ħa tara n-nies?” u għedtlu, “Forsi nsib xi toqba xi mkien”. Imbagħad qalli “Għandi toqba tridha?”. Wara seba’ snin, xi ħadd kien ċempilli u offrieli nixtrih dak l-uffiċċju. Jien ħsibt li kien ta’ Karmenu l-uffiċċju, imma fil-fatt Karmenu kien qed jikrih mingħand sid il-kera. Bqajt skantat, seba’ snin hemm ġew u Karmenu jħallas il-kera. Kont affaċċjajtu u mort intih il-kera b’lura f’envelope wara li tajtu ċekk u ma sarrfux. Ma tajthilux waqt li kien jaf għax ma kienx jieħdu. Nista’ nassigurak li dan l-envelope għadu hemm jew tah lil ħaddieħor għax hekk kien Karmenu. 

 

Il-karattru ta’ Karmenu Mifsud Bonnici kien wieħed interessanti. Bħala bniedem qatt ma smajt persuna li ma jitkellimx fuq il-qalb kbira tiegħu. Meta inti bdejt ix-xogħol tiegħek bħala avukat, fiex bdejt tispeċjalizza? 

Jiena kont social mixer. Ma kienx hemm ħanut fil-Marsa u l-Ħamrun li ma kinux jafuni. Kont qisni mejda tal-qubbajt. Ma niddejjaqx ngħid fin-natura tiegħi ġeneruż, u ma jiddispjaċinix. Ma niddejjaqx nonfoq fil-ħwienet, “grokk dak, grokk lil ieħor.” Kif imbagħad taqdi bniedem wieħed tajjeb, dan iġiblek għaxra. Meta tkun għadek fil-bidu trid taqla’ x’tiekol, mhux bħal-lum. Illum kif jilħqu l-avukati jkollhom infrastruttura tajba, speċjalizzazzjoni. Dak iż-żmien inti tkun l-avukat tar-raħal, kull ħaġa li tiġi għandek trid taħdimha bi prezzijiet baxxi. Jien mhux is-sinjuri kienu jiġu għandi. Meta l-fqir kien jiġi għandi u nitolbu żewġ liri, kien itini żewġ liri imma l-klijenti li kelli li ma kinux fqar. Trid tiġri warajhom biex iħallsuk. Jekk tistaqsini fiex xtaqt nispeċjalizza, kont ngħidlek id-drittijiet fundamentali tal-bniedem – il-kostituzzjonal. Il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa l-iżjed materjal għal qalbi. 

 

Inti sirt avukat u mbagħad dħalt mal-Partit Laburista, fejn fih bdejt timmilita u tlajt l-iskaluni. Kien hemm mument fejn inti kont President tal-PL fl-1988/9. Kien żmien diffiċli. Dan kien iż-żmien fejn inti, ma’ Wenzu Mintoff li għadu imħallef, tkellimtu b’mod apert fuq dak li kien qed jiġri fil-PL. Fuq il-vjolenza, fuq il-korruzzjoni … Inti ddeċidejt biex titlaq imma kien hemm żvolta. Kontu katalisti biex tibda l-Alternattiva Demokratika. Jiddispjaċik li għamiltu dan il-perjodu? Għenek dan il-proċess? 
Minn dak kollu li għaddejt minnu f’ħajti, bil-problemi li ġabuli b’konsegwenzi sfortunatament fuq il-familja tiegħi, ma jiddispjaċini xejn. Ngħid li ma niddejjaqx ngħix fil-periklu, għal għan ta’ ġid. Ta’ ġid mhux għalija imma għal dawk ta’ madwari.  

 

Dak iż-żmien il-mira ta’ ħafna mid-diskussjoni kien Lorry Sant. Kien perjodu b’ħafna tensjoni. Taħseb li lħaqtu dan l-għan? 

Intlaħaq. Fil-fatt, wara dak l-avveniment, il-PL għamel bidliet kbar fih innifsu. Jien ma niħux gost inħares lura, parti mill-istorja. Anke l-kelma li għedtli “timmilita”, iddejjaqni jien. Kieku għedtli “ħdimt” ngħidlek aħjar. Inbidel ħafna. Il-partit ġie rriformat f’ħafna aspetti. Però, meta tkun fil-politika hemm ħaġa li biex tasal għal xi ħaġa, ħafna drabi trid tissagrifika lilek innifsek. Inħossni qisni rrid inbiddel imma nsib ir-reżistenza. Fil-partiti u f’kull għaqda oħra, dejjem ħa jkun hemm l-elementi konservattivi li ħa jagħmlulek il-bsaten fir-rotti. Meta tkun ilek hemm ġo partiti, bl-interessi tiegħek, bniedem li jkun irid ibiddel tarah dimonju. Infatti lili rawni dimonju. Aktar ma jkollok għeruq, iżjed tkun diffiċli biex dak li jkun jaqagħlek. 

 

More in Intervisti