Ottubru: Xahar ta’ tama, prevenzjoni, u kuxjenza
Ottubru, magħruf bħala Pink October, hu x-xahar iddedikat għar-rikonoxximent u l-prevenzjoni tal-kanċer tas-sider

minn Jaelle Borg

F’Ottubru — ix-xahar li madwar id-dinja jixgħel b’lewn roża biex ifakkar fil-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider, magħruf bħala Pink October — żewġ nisa Maltin, Janine Vickery u Maria Borg Busuttil, qasmu l-vjaġġ tagħhom mimli kuraġġ, tama, u determinazzjoni. Iż-żewġ stejjer tagħhom huma differenti, imma jgħaqqadhom f’messaġġ wieħed qawwi: li minkejja l-biża’ u l-inċertezza, il-kuraġġ li tieħu kontroll ta’ saħħtek jista’ jsalvalek, mhux biss il-ħajja, imma wkoll il-fidi fil-ħajja nnifisha.
Waħda minnhom hija Janine Vickery, Maltija li tgħix fir-Renju Unit, li qalet li meta ġiet dijanjostikata bil-kanċer tas-sider, id-dinja tagħha għal mument waqfet, iżda mbagħad sabet il-qawwa li tħares ’il quddiem b’determinazzjoni u tama ġdida.
“Meta ġejt dijanjostikata, ħassejt taħlita ta’ nuqqas ta’ fidi — bħal donnu ma kinitx qed tiġri lili — u determinazzjoni. Iddeċidejt kmieni li ridt nieħu kontroll tas-sitwazzjoni tiegħi u nfassal pjan ta’ trattament ċar, li wassalni biex nagħżel mastektomija bilaterali b’rekonstrukzjoni immedjata. Kienet deċiżjoni kbira, imma kont naf li kienet it-triq it-tajba għalija — waħda li ppermettietli niffoka fuq il-ħajja, il-fejqan u l-moviment ’il quddiem.”
“Irkuprajt malajr mill-operazzjoni billi segwejt bir-reqqa l-istruzzjonijiet tat-tobba u żammejt mentalità pożittiva,” tkompli tgħid Janine. “Id-deċiżjoni tiegħi kienet tfisser ukoll li ma kellix bżonn radjoterapija, u bħalissa qed nieħu Tamoxifen bħala parti mit-trattament kontinwu tiegħi, b’kirurġija oħra ppjanata għat-tmiem ta’ Frar. Dak li żammni soda kien li nżomm ir-rutina ta’ kuljum tiegħi, inkun attiva u ndawwar lili nnifsi bi mħabba — mir-raġel tiegħi, it-tifla tiegħi, u anke l-qtates tiegħi li dejjem kienu jħossu meta kelli bżonn is-serħan. Nemmen ukoll fil-bilanċ bejn trattament mediku u appoġġ ħolistiku, billi niffoka fuq nutrizzjoni tajba, eżerċizzju ġentili u mindset tajjeb biex inrawwem, kemm il-ġisem, kif ukoll il-moħħ.”
Illum, ftit xhur wara l-operazzjoni u waqt li reġgħet bdiet taħdem bħala lettur fl-Università, Janine tgħid li l-esperjenza għamlitha aktar b’saħħitha, aktar konxja u aktar grata lejn il-ħajja.
Mara oħra li qasmet l-istorja tagħha hija Maria Borg Busuttil, mara ta’ 35 sena li llum tispira lil ħafna bil-kuraġġ tagħha. Maria tgħidilna li l-vjaġġ tagħha beda sena ilu, f’Ottubru — ix-xahar ta’ għeluq sninha. “Dejjem kelli d-drawwa li nagħmel checkups tiegħi f’Ottubru, bħala tfakkira biex nieħu ħsieb lili nnifsi,” tgħid hi. Iżda dik id-drawwa ta’ kura personali sabet li kienet waħda li salvatilha ħajjitha.
Waqt wieħed minn dawk iċ-checkups, ir-radjologu sab bużżieqa u rrakkomandalha bijopsija. “Minn meta kont għamilt l-aħħar ultrasound kienet għaddiet sena biss, allura kont naf li kieku kien hemm xi ħaġa, kienet instabet kmieni — u dak il-ħsieb tani ħafna kuraġġ.” Fit-22 ta’ Ottubru rċeviet l-aħbar li kienet ġiet dijanjostikata b’kanċer tas-sider, Stadju 1, Grad 3.
“It-tobba spjegawli li kelli bżonn ngħaddi minn kimoterapija, kirurġija, terapija bir-radjazzjoni u terapija bl-ormoni — u li kont se nitlef xagħri,” tgħid Maria. “Bħala hairdresser, kont iltqajt ma’ ħafna nisa li għaddew mill-istess ħaġa. Dejjem kont ngħidilhom li x-xagħar jerġa’ jikber — u meta waslet id-darba tiegħi, kelli nħeġġeġ lili nnifsi bl-istess kliem.”
Għal Maria, il-prijorità ma kinitx ix-xagħar, imma li setgħet tagħmel it-trattament tagħha u tibqa’ d-dar biex tibqa’ ma’ bintha ta’ tliet snin.
Maria għaddiet minn sitt ċikli ta’ kimoterapija, 18-il ċiklu ta’ immunoterapija (kull tliet ġimgħat), u għaxart ijiem ta’ terapija bir-radjazzjoni. “Bdejt il-kimoterapija f’Diċembru u sa Lulju kont diġà bdejt ngħix ħajja ‘normali’. Issa fadal biss tliet sessjonijiet ta’ immunoterapija.”
Il-parti l-aktar diffiċli kienet meta kellha tgħid lill-familja u lill-ħbieb tagħha. “Fil-bidu tħossok qisek quddiem mina twila u mudlama mingħajr tmiem,” tiftakar hi, “imma ġbart il-kuraġġ kollu tiegħi u għedt: ejja niġġieldu dan, jum wara jum, ċiklu wara ċiklu.”
Illum, Maria tħoss gratitudni kbira lejn il-familja, il-ħbieb, u t-tim tal-onkoloġija li dejjem trattawha “b’dinjità u b’kompassjoni kbira”. “Qatt ma ħassejtni numru,” tgħid hi. “Huma għamlu l-ġranet tal-kimoterapija aktar faċli, u għal dan qatt ma nkun biżżejjed grat.”
Maria tħalli messaġġ li jolqot fil-fond lil kull min jaqra: “Il-kimoterapija mhix mixja f’park, imma kull mument jiswa meta jkun qed isalvalek ħajtek. Għal min għaddej mill-kanċer bħalissa — naf kemm tista’ tħossok megħlub fil-bidu, imma nemmen bil-qalb li hemm dawl fl-aħħar ta’ dik il-mina. Ħu kollox jum b’jum, ċiklu b’ċiklu, u żomm it-tama ħajja. Dan huwa kapitlu wieħed biss — mhux l-istorja kollha tiegħek.”
U fl-aħħar, tħalli parir li ġej mill-qalb: “Qatt tgħaddu sena mingħajr check ups. U agħmlu wkoll l-eżami personali darba fix-xahar. Skoperta bikrija tassew issalva l-ħajja.”
Il-kanċer tas-sider jibqa’ l-aktar forma ta’ kanċer mifrux fost in-nisa f’Malta. Skont informazzjoni ppubblikata mid-Dipartiment tal-Iscreening fi ħdan is-Servizzi tas-Saħħa (healthscreening.gov.mt), madwar 300 mara jiġu dijanjostikati bil-kanċer tas-sider kull sena. Grazzi għall-programmi bħall-Breast Screening Programme, li joffri mammografiji b’xejn lin-nisa bejn l-etajiet ta’ ħamsin u disgħa u sittin sena, ħafna każi issa qed jinqabdu fi stadji bikrija, meta t-trattament ikun ħafna iktar effettiv u l-probabbiltà ta’ fejqan tkun ogħla. Skoperta kmieni tista’ tagħmel differenza bejn ħajja u mewt, u għalhekk l-importanza tal-parteċipazzjoni f’dawn il-programmi ma tistax tiġi sottovalutata.
Il-prevenzjoni tibda minn ħajja b’saħħitha u konxja. Stil ta’ ħajja bilanċjata, dieta b’saħħitha, attività fiżika regolari u kontroll tal-konsum tal-alkoħol kollha jikkontribwixxu biex jitnaqqas ir-riskju tal-marda. Barra minn hekk, kull mara għandha tkun familjari ma’ ġisimha u tosserva bidliet fis-sider tagħha — kemm jekk huwa tibdil fil-forma, fil-kulur, kif ukoll fil-konsistenza. Dawn huma sinjali żgħar li jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ problema li teħtieġ attenzjoni medika.
Trattament għall-kanċer tas-sider illum f’Malta huwa ħafna aktar avvanzat milli kien f’għexieren ta’ snin ilu. It-timijiet mediċi fis-servizzi tas-saħħa pubbliċi u privati joffru kura personalizzata li tinkludi kirurġija, terapija bir-radjazzjoni, kimoterapija u mediċini mmirati li jindirizzaw it-tip eżatt ta’ kanċer li jkun żviluppa. It-trattament, mhux biss jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-marda, iżda wkoll fuq il-benessri mentali u emozzjonali tal-pazjent.
Ix-xahar t’Ottubru, għalhekk mhuwiex biss kampanja ta’ kulur jew slogan. Huwa mument ta’ riflessjoni u solidarjetà, fejn kull mara tiġi mfakkra fil-valur tal-prevenzjoni u l-kura personali, u kull familja tifhem kemm il-ħin jista’ jkun deċiżiv. Il-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider hija waħda li teħtieġ edukazzjoni, appoġġ, u kura kontinwa. Huwa messaġġ ta’ tama li jkompli jixxandar sena wara sena: skoperta bikrija ssalva l-ħajja.
