“Il-politika mhijiex għall-eternità.”

Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Raymond Schembri, is-Sindku ta’ Ħad-Dingli

 

Bħala sindku, xinhu l-ikbar inkwiet tiegħek? Xinhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?  

Nuqqas ta’ ħaddiema sabiex inwettqu aktar u fil-ħin il-manutenzjoni li l-Kunsill tagħna huwa responsabbli. L-akbar sfida tkun sabiex tfiehem meta jkunu se jsiru xi xogħlijiet infrastrutturali minn xi entità u jkun hemm bżonn tibdil fl-immaniġġjar tat-traffiku. 

Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?  

Bħala kunsill nirċievu kull applikazjoni li tidħol għal żvillupp, kemm ġdid, kif ukoll xi tibdil. Dawk fuq skala akbar, ikollna anke dritt għall-vot. Fejn il-kunsill jiddiskuti l-applikazzjoni u kollettivament niddeċiedu x’passi se nieħdu fl-interess tar-resident u l-komunità li nirrappreżentaw. 

Fis-snin li ġejjin, xgħandhatkunil-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin? 

Qatt ma nista’ ngħid biżżejjed. Jien inzertajt wieħed minn dawk li nħobb u naħdem għal dawn it-tip ta’ proġetti. Ħad-Dingli huwa raħal rurali, imżejjen bil-kampanja u raba’ jinħadem is-sena kollha. Fejn fil-fatt anke l-motto jindika dan ‘Non Segnis Quies Ruris’ — Il-Kwiet tar-Raba’ Mhux Għażżien. L-aktar spazju antik u fil-miftuħ huwa Ġnien il-Ħaddiem. Warajh sar Misraħ il-Mafkar li qiegħed fil-qalba tar-raħal. Biex kemm ilhom jeżistu l-Kunsilli kien inbena Ġnien il-Familja li qiegħed wara l-grawnd u mdawwar b’housing pemezz ta’ djar residenzjali. 

Kemm ilni Sindku jien, mill-2019 s’issa, saru xejn anqas minn tlieta oħra bl-aħħar wieħed jiġi inawgurat riċentement proprju nhar l-20 ta’ Marzu f’lejlet ir-rebbiegħa 2025. Qed nirreferi għal Spazju Miftuħ Santa Duminka bi spiża kapitali tlaħħaq mal-€400,000. Proġett li ġie ffinanzjat minn INDIS Malta u li jikkonsisti ġibjun li jilqa’ fih l-ilma tax-xita, parkeġġ għal 13-il vettura, u ġnien imżejjen b’siġar indiġeni Maltin. 

Qablu inawgurajna Spazju Miftuħ Dylan Zahra li jikkonsisti fi 28 parkeġġ, ġibjun taħt l-art li jesa’ żewġ miljun litru ilma tax-xita, gym fil-miftuħ imdawwar bi ġnien, kif ukoll l-ewwel sala għall-komunità. Proġett li kollu kemm hu ġie ffinanzjat mill-Gvern Ċentrali. Spazju ieħor fil-miftuħ tul l-aħħar leġiżlatura li sar huwa Ġardin Joseph Farrugia fejn biċċa art li kienet ġiet dovuta lilna fil-leġiżlatura tal-2015 inbidlet fi ġnien informattiv. Fih tħawlu ammont ta’ siġar kollha indiġeni Maltin u numru kbir ta’ arbuxxelli li dawru l-post. Hawn wieħed issib numru ta’ picnic benches fejn wieħed jista’ jmur u jgawdi aħjar il-post. Dan il-proġett sar b’investiment minn Infrastruttura Malta. 

F'Mejju tas-sena l-oħra inawgurajna resting area propju quddiem il-kappella tal-Madalena fuq l-irdumijiet permez ta’ fondi mogħtija lilna mil-Lesa u li magħhom ħadna fondi oħra permezz tar-reġjun Punent sabiex ikollna l-ewwel Automated public toilets.  

Għaż-żmien li ġej, bħala Sindku qed naħdem sabiex ikollna spazju ieħor fil-Miftuħ f’Ħad-Dingli.  

Dan kollu biex ma nsemmiex Proġetti oħra ta’ resting areas li saru minn kunsilli preċedenti. Qed nirreferi għall-area ta’ Żagħfrana u San Pawl tal-Pitkali. 

Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib? 

Għandna diversi proġetti li wħud minnhom huma ġa mibdija jew oħrajn li tagħhom għaddejjin it-taħditiet ma’ diversi dipartimenti u entitajiet. 

Fejn fost l-oħrajn insibu l-proġett tal-ewwel dar respite għal persuni b’diżabbiltà u li fuqu għaddejjin sew ix-xogħlijiet. Dan kien possibbli wara għajnuna kontinwa mal-Ministeru għall-Inklużjoni taħt it-tmexxija tal-Ministru Julia Farrugia. Tajjeb insemmi wkoll li fl-aħħar leġiżlatura inawgurajna żewġ proġetti oħra li kollha ġew iffinanzjati mill-istess Ministeru. Qed nirreferi għall-ewwel pitch tal-boċċi fil-komunità kif ukoll l-inawgurazzjoni tal-monument bis-sehem ta’ persuni b’diżabbiltà f’San Pawl tal-Pitkali. 

Aħna nemmnu bis-sħiħ fl-inklużjoni, u b’wiċċi minn quddiem nista’ ngħid li Ħad-Dingli huwa minn ta’ quddiem nett fejn tidħol inklużjoni.  

Proġett ieħor li għaddej bħalissa huwa mill-WSC li huwa d-Dingli Waste Project permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Fejn għall-ewwel darba diversi residenti Dinglin li jgħixu fir-rural, se jkollom id-distribuzzjoni ta’ drenaġġ flok is-sistema tal-fossa. Ukoll, se tispicca darba għal dejjem is-sintina fi Triq il-Għajn propju fejn hemm il-kwartieri tal-Iscouts. 

Dan ifisser anqas traġitti ta’ bowsers ibattlu l-fosos, anqas tniġġis fl-arja kaġun tagħhom, kif ukoll arja aktar pjaċevoli kawża tal-irwejjaħ li dan kollu jġib miegħu. 

Proġett importanti ieħor li għaddej ma’ dan li għadni kif semmejt huwa trunk water main ġdid mill-ġibjun tar-Rabat sa Ħad-Dingli. Dan qed isir biex issaħħaħ il-provvista tal-ilma dejjem tikber u tiżdied ġewwa r-raħal. 

Jien inzertajt ukoll ħaddiem ta’ din il-korporazzjoni fejn nistqarr li ilni snin naħdem fuq dawn il-proġetti u sodisfazzjon tiegħi huwa li fl-aħħar qed narahom jitwettqu.  

Fl-aħħar leġiżlatura ukoll twettaq proġett kbir mill-Enemalta. Qed nirreferi għall-bdil ta’ cables ġodda mill-Mosta sa Ħad-Dingli. Hawn issaħħet sew il-provvista tal-elettriku li tlaħħaq mad-domanda għaż-żminijiet tal-lum. Investiment ta’ madwar 10 miljun ewro. 

Dan kollu juri biċ-ċar il-ħidma favur li Ħad-Dingli jkun isbaħ u aħjar milli sibnieh aħna. Proġetti li jfissru ħajja aħjar għar-residenti tagħna. 

Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti? 

Xewqa li għandi u li mhux se nieqaf naħdem sakemm naraha titwettaq hija n-night xelter jew aħjar dar għall-anzjani tagħna. Dan jista’ jkun possibbli anke bis-sehem tal-privat. Jitkellmu miegħi diversi anzjani li, jew għax ikunu tilfu s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, kif ukoll anzjan jgħixu waħedhom li jħossu wisq is-solitudni. Fejn b’night xelter biss ukoll tista’ tagħmel id-differenza aħseb u ara x’differenza tagħmel b’residenza għall-anzjani li jibqgħu fl-stess ambjent li trabbew fih. Indikajt ġa xi siti li fihom tista’ titwettaq din ix-xewqa u dan bl-inqas impatt ambjentali. 

Talba oħra li ilni snin li ressaqt u sa din il-kitba għadha ma twettqitx hija għar-residenti tal-Buskett. Dik li jerġa’ jkollhom lura r-rotta ta’ trasport pubbliku mir-Rabat għal Ħad-Dingli via l-Buskett. 

Ħidma oħra issa ilni dawn l-aħħar xhur għaddej fuqha hija biex f’Ħad-Dingli jerġa’ jkollna sub post office. Fejn diversi jużaw is-servizzi postali mingħajr il-ħtieġa li joqogħdu jmorru il-posta fir-Rabat. 

Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku? 

Jien bħala Sindku xogħli nħabbat diversi bibien ta’ dipartimenti u Ministeri. Dan ma nagħmlux għalija personali iżda nagħmlu għal ħtiġijiet tar-residenti u l-komunità li ngħixu fiha. Il-finanzi qatt mhuma biżżejjed biex iżomm dak li ġa għandek aħseb u ara biex twettaq dak kollu li bħala Sindku noħlom bih. Mhux dejjem jirnexxili però nkun l-aħħar wieħed li naqta’ qalbi nagħmel dan. 

Grazzi għall-iskema maħruġa mid-dipartiment responsabbli mill-kunsilli lokali, minn żmien għal żmien permezz tagħhom insibuhom ta’ għajnuna kbira. 

Għall-mistoqsija tiegħek nista’ ngħid li iva għajnuna nsib. 

⁠ Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u xinhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali? 

Rigward il-bidliet leġiżlattivi li kellna fejn żgħażagħ ta’ 16 il-sena jistgħu jsiru Sindki ma kellu l-ebda impatt fil-Kunsill tiegħi. 

Il-ħsibijiet tiegħi jmorru lura żminijiet meta jien ta’ 16 il-sena kont diġà attiv fil-politika permezz tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti. 

Li trawwem żgħażagħ minn kmieni fl-età huwa tajjeb. Il-politika hija għodda tajba li meta tuża tajjeb taf tagħmel id-differenza f’ħajjet in-nies. Dak kien il-ħsieb u l-għan tiegħi. Ħidmet is-Sindku mhux li taqta’ xi żigarella ’l hemm u ’l hawn jew li tidher f’ħafna ritratti. Dawn sekondarji. Iżda ferm aktar minn hekk. Għandek ħafna responsabbiltà xi ġġorr. Għandek id-deċiżjonijiet x’tieħu u dawn ġieli ma tantx ikunu popolari u trid tqishom sew qabel tiddeċiedi. Il-maturità tidħol f’kollox. 

Ma rridx li niftiehem ħażin. Li ta’ età bikrija twassal il-ħsibijiet u l-ideat tiegħek taf tgħin il-ħafna wkoll. Li titrawwem minn età kmieni se ssibu għall-futur żgur. Il-politika mhijiex għall-eternità, jasal iż-żmien li jkollna nagħmlu l-wisa’ bħal m’għamlu ta’ qabilna għalina li minnhom tibni l-programm tiegħek. 

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 bkapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. Xmiżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju bsaħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji? 

L-allokazzjoni li aħna nirċievu hija dik li hi. Ammont konsiderevoli minnha tmur għall-ġbir ta’ skart, indafa, manutenzjoni, u pagi. Fejn jidħlu proġetti ġodda li jkun qed jiffinanzja l-kunsill trid tfaddal għalihom. Dawn bħal meta tkun se tixtri jew tbiddel xi ħaġa. Irid ikollok imfaddal għax jekk ma tagħmilx hekk u tberbaq dak li għandek kulħadd jaf x’jista jiġri. Sajjetti fil-bnazzi jinqalgħu wkoll allura trid taħseb għal dawn ukoll. B’hekk biss jista’ jkollok stabbiltà finanzjarja.  

Huwa għalhekk, iva, li jkollok il-parteċipazzjoni żagħżugħa tgħin ukoll sabiex ikollok taħlita ta’ fehmiet u ideat.  

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar tabenefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu? 

Din mhi differenti xejn. Kif jiġri kull ħames snin il-Kummissjoni Elettorali tagħmel dan l-eżerċizzju meta jiġu reveduti d-distretti elettorali sabiex jirrifletti l-popolazzjoni ta’ dawk l-irħula skont jekk tkunx kibret jew naqset. B’hekk issir analiżi ta’ kif ikunu kibru l-bliet u l-irħula Maltin. 

X’kienet l-aktar parti ta sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku sissa? 

Ta’ sodisfazzjon għalija jibqa’ l-legat li tħalli warajk. Dak li tkun ħlomt bih, taħdem għalih u tarah jitwettaq. Qed nirreferi għall-proġetti ġodda li ma kinux jeżistu qabel jew upgrade ta’ dawk eżistenti; it-titjib u l-immodernizzar ta’ dik li qabel kienet il-berġa, fejn il-lum hija l-Klinika fil-komunità, b’eżempju ta’ ħames servizzi ġodda; dawl ġdid u tisbiħ fi Ġnien il-Ħaddiem; iż-żieda ta’ aktar spazji miftuħa u l-immodernizzar ta’ dawk eżistenti; il-bini tal-ewwel dar respite għall-persuni b’diżabbiltà; l-ewwel pitch tal-boċċi fil-komunità; li jkollok l-ewwel sala tal-komunità; il-proġett taċ-ċentru l-antik fil-qalba tar-raħal, li wara snin fuq il-karta, illum huwa realtà. Dawn huma kollha monumenti li jagħtuk sodisfazzjon tremend. Dawn huwa l-eżempji ta’ kif tkun ħallejt lokalità isbaħ u aħjar milli tkun sibtha int, li tkun għamilt id-differenza. 

More in Intervisti