“Naħdmu Flimkien u Jirnexxilna”: Id-Drittijiet Soċjali tal-UE tiegħek

Intervista mal-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Maria Elena Despott 

L-aħħar snin ġabu magħhom bidliet radikali fid-dinja tax-xogħol, bit-teknoloġija, l-isfidi ambjentali u soċjali, jittrasformaw kif naħdmu minn kull anglu. Barra minn hekk, quddiemna hemm ukoll sfidi demografiċi kbar, fosthom popolazzjoni li dejjem qed tikber fl-età u nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa fil-ħiliet meħtieġa f’setturi speċifiċi. 

Wara l-kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi, u l-pandemija tal-aħħar għaxar snin, huwa naturali wkoll li l-ekonomiji jfittxu kif se jikbru u jimxu ’l quddiem, u f’din is-sitwazzjoni ċ-ċittadini qed ifittxu li d-drittijiet soċjali u dawk marbuta mal-impjieg, ikunu mħarsa. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea tieħu rwol proattiv fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema filwaqt li tfittex opportunitajiet għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-individwu. 

Dwar dan, tkellimna ma’ Maria Elena Despott, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, fejn magħha ddiskutejna d-drittijiet soċjali li jgawdu ċ-ċittadini Ewropej. 

 

Kemm hu rilevanti l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali llum il-ġurnata, meta nqisu r-realtà tas-suq tax-xogħol Malti, bħad-diġitalizzazzjoni, ix-xogħol fuq il-pjattaformi, u forza tax-xogħol li qed tixjieħ?  

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu rwol importanti biex jappoġġja suq tax-xogħol ġust u li jaħdem sew f’Malta. Tista’ tarah bħala sett ta’ regoli soċjali li jiżgura s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u joħloq opportunitajiet għal kulħadd. Jippromovi kundizzjonijiet tal-għejxien u tax-xogħol aħjar, jinvesti f’edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklussiva, fit-taħriġ, fil-ħiliet u fl-innovazzjoni, u jiżgura li jkun hemm protezzjoni soċjali adegwata għal kulħadd.  

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru huwa li sal-2030, mill-inqas 60% tal-adulti kollha jieħdu sehem f’taħriġ kull sena. Dan huwa partikolarment importanti għax in-negozji fl-Ewropa kollha, inkluż f’Malta, jeħtieġu ħaddiema bil-ħiliet li hemm bżonn biex ikomplu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li joffru t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u n-nies għandhom bżonn opportunitajiet biex jaġġornaw l-għarfien tagħhom u jiffjorixxu matul ħajjithom.  

Bejn l-2021 u l-2027, il-Fond Soċjali Ewropew+ se jkun investa xejn inqas minn €124.4 miljun biex jappoġġa proġetti li jippromovu l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-aċċess għall-impjiegi u l-kura tas-saħħa f’Malta.  

Id-Direttiva dwar ix-Xogħol fuq il-Pjattaformi għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal aktar minn 28 miljun ruħ li jaħdmu fuq pjattaforma tax-xogħol diġitali madwar l-UE, inkluż dawk f’Malta. Dawn ir-regoli l-ġodda se jagħmlu l-użu tal-algoritmi fl-immaniġġjar tar-riżorsi umani aktar trasparenti, u jiżguraw li s-sistemi awtomatizzati se jkunu mmonitorjati minn staff ikkwalifikat, u li l-ħaddiema jkollhom id-dritt jikkontestaw id-deċiżjonijiet awtomatiċi. Se tgħin ukoll biex jiġi determinat korrettament l-istatus tal-impjieg tan-nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi, biex b’hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tal-ħaddiema li jkunu intitolati għalihom.  

 

Il-ħaddiema f’Malta kif ibbenefikaw mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Soċjali s’issa, b’mod partikolari fejn jidħlu opportunitajiet indaqs u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti?   

Minbarra l-leġiżlazzjoni li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies li qed jaħdmu permezz tal-pjattaformi, mindu ġie varat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru fl-2019, l-UE introduċiet:   

  • Regoli ġodda dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u nies oħrajn li jrabbu. Dawn ir-regoli jinkoraġġixxu kondiviżjoni aħjar tar-responsabbiltajiet ta' kura bejn in-nisa u l-irġiel billi jimmodernizzaw il-qafas legali eżistenti fil-qasam tal-leave marbut mal-familja, u arranġamenti tax-xogħol flessibbli.  

  • Il-miżuri ta’ Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi (EASE) biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fl-impjiegi u fil-ħiliet billi jappoġġaw it-tranżizzjonijiet fl-impjiegi, l-immodernizzar tas-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali, u billi jgħinu lis-servizzi tal-impjiegi jirrispondu aħjar ħtiġijiet li qed jinbidlu.  

  • Leġiżlazzjoni biex tingħalaq id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u biex jiżdied il-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid ta’ deċiżjonijiet korporattivi.   

  • Regoli ġodda li jżidu l-protezzjoni tas-saħħa u sikurezza tal-ħaddiema. Is-saħħa u s-sikurezza tajbin fil-post tax-xogħol għandhom bosta benefiċċji, fosthom li jitnaqqsu l-assenzi minħabba mard, it-tnaqqis ta’ spejjeż tal-kura tas-saħħa, li ħaddiema ta’ età aktar avvanzata jibqgħu fl-impjieg, li jiġu stimulati metodi ta’ ħidma u teknoloġiji aktar effiċjenti, u jikkontribwixxu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.     

 

Bosta ħaddiema u żgħażagħ illum il-ġurnata jinkwetaw dwar kif jistgħu jlaħħqu mat-tibdil rapidu fis-suq tax-xogħol. L-UE x’opportunitajiet toffri f’dak li jirrigwarda taħriġ, studju, u aġġornament ta’ ħiliet biex in-nies jibqgħu kompetittivi u kapaċi jadattaw?  

Sew jekk inti professjonist fil-bidu tal-karriera tiegħek, sew jekk intix adult li qed tipprova ttejjeb il-ħiliet attwali tiegħek, l-UE tappoġġa d-dritt tiegħek li taċċessa l-opportunitajiet ta’ taħriġ matul ħajtek.  

L-istrateġija tal-Unjoni tal-Ħiliet, li għadha kemm ġiet varata, tipprovdi opportunitajiet ġodda sabiex tkun tista’ titgħallem ħiliet ġodda biex tikber fl-impjieg attwali tiegħek jew biex issib wieħed ġdid.  

Il-Europass jista’ jgħinek tivvaluta l-ħiliet tiegħek u timmaniġġja kull pass tat-tagħlim u tal-karriera tiegħek.  

L-UE qed tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali biex jiġi żgurat li jipprovdi opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità għal kull età.  

Jekk għandek inqas minn 30 sena, tista’ ssib l-opportunità ta’ taħriġ li teħtieġ biex tikseb il-ħiliet li għad m’għandekx biex tidħol fis-suq tax-xogħol bis-saħħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.  

Barra minn hekk, il-Programm Ewropa Diġitali jiffinanzja taħriġ għall-individwi u n-negozji f’pajjiżi tal-UE, f’oqsma li jinkludu l-Intelliġenza Artifiċjali u ċ-ċibersigurtà.  

Ma nistgħux ma nsemmux inizjattivi ffinanzjati mill-UE bħall-Erasmus+ kif ukoll miżuri skont il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ Malta, bħall-kulleġġ online li jappoġġa l-aġġornament u t-tagħlim ta’ ħiliet ġodda billi joffri korsijiet komprensivi online, kif ukoll coaches li jgħinu lil min ikun qed jitgħallem, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ skema ta’ boroż ta’ studju li tħeġġeġ lill-istudenti jsiru professjonisti fil-qasam diġitali, inkluż f’teknoloġiji innovattivi bħall-intelliġenza artifiċjali.  

 

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, il-Kummissjoni, bħala parti mill-kampanja “Naħdmu Flimkien u Jirnexxilna”, stiednet lin-nies iżuru l-posta tagħha biex jistaqsu dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom. Il-pubbliku xi tħassib u interess wera? Kien hemm xi ħaġa li spikkat?  

Il-bilanċ kien tema rikorrenti fid-diskussjonijiet fuq il-posta tagħna, u bosta parteċipanti enfasizzaw l-importanza tiegħu, mhux biss meta tkellmu dwar il-benesseri tagħhom u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, iżda wkoll meta tkellmu dwar il-bilanċ li xtaqu bejn is-sigurtà finanzjarja u s-sens ta’ skop f’xogħolhom.  Iż-żgħażagħ li jaħdmu waqt li jistudjaw irriflettew ukoll fuq l-isfida li jibbilanċjaw ix-xogħol mal-attivitajiet ekstrakurrikulari tagħhom, filwaqt li bosta parteċipanti semmew il-vantaġġi li jsibu fix-xogħol remot.   

Lil hinn minn hekk, kien hemm ukoll interess b'saħħtu fl-opportunitajiet ta’ xogħol u l-mobilità, u kien hemm bosta żgħażagħ li kellhom interess partikolari fix-xogħol barra minn Malta.    

Temi frekwenti oħra kienu jinkludu l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u opportunitajiet biex jaġġornaw il-ħiliet tagħhom biex jimxu fil-karriera tagħhom, kif ukoll tħassib ieħor soċjali jew marbut mal-familja, bħal pereżempju li t-tfal jużaw it-teknoloġija b’mod li ma jagħmlilhomx ħsara.  

 

In-nies fejn jistgħu jitgħallmu aktar dwar id-drittijiet soċjali tal-UE tagħhom u l-programmi disponibbli?  

Is-sit web tal-kampanja “Naħdmu Flimkien u Jirnexxilna” fih l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet varji li huma protetti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.  

Is-sit fih paġna li fiha n-nies jistgħu jsibu l-organizzazzjonijiet li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet soċjali u tal-impjiegi f’Malta.  

 

  

  

 

More in Intervisti