Min huma l-partiti politiċi li qed jitolbuk il-vot? Araw il-profili tagħhom...

Madwar 40 siegħa oħra l-elezzjoni ġenerali... Kulħadd jaf min huma l-partiti iżda nafu għaliex twaqqfu? X’inhi l-ideoloġija tagħhom? Għandna nkunu nafu iżjed fuq il-partiti qabel ma nivvutaw?

Il-Partit Laburista 

Meta twaqqaf? Il-Partit Laburista twaqqaf fil-15 ta’ Ottubru, 1920. Dak iż-żmien l-isem tal-Partit kien “Camera del Lavoro”, li bil-Malti tfisser il-Kamra tax-Xogħol. Dan ġie magħmul minn tnax il-persuna; Antonio Agius, Guilermo Arena, Ġanni u Robert Benici, Carmelo Bonello, Gaetano Bonello, Mikiel u Mikielanġ Borg, Agostino Matrenza, Antonio Schembri, Giacinto Tua  u Salvu Zammit Hammet.  

Min hu l-Mexxej? Il-Mexxej tal-PL huwa Robert Abela, avukat li speċjalizza fil-liġi tax-xogħol u tal-familja, l-ippjanar u l-liġi industrijali. Mil-lat ta’ karriera politika, Abela kien parti mill-kampanja ta’ missieru l-President Emeritus George Abela, fl-2008, meta kkontesta l-kariga ta’ mexxej tal-PL, wara r-riżejna ta’ Alfred Sant. Il-PL reġa’ ra lil Abela fl-2017 meta ħareġ għall-elezzjoni u imbagħad elett mexxej nhar il-11 ta’ Jannar 2020. Huwa nħatar bħala Prim Ministru fit-13 ta’ Jannar. 

X’inhuma l-għeruq ideoloġiċi? L-għeruq ideoloġiċi tal-Partit huma s-soċjaliżmu demokratiku u jxeqleb kemmxejn liberali (centre-left). Il-Partit Laburista twaqqaf bil-għan li jaqbeż għad-drittijiet tal-ħaddiema  u jiġġieled kontra l-inġustizzji soċjali. Dan il-Partit hu affiljat mal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) li tradizzjonalment huma qrib il-ħaddiema, il-klassi medja u l-unjins. 

X’inhu s-slogan elettorali? Malta flimkien 

Uħud mill-proposti tal-PL:

Il-Partit Laburista ħabbar li waħda mill-wegħdiet elettorali hija investiment ta’ €700 miljun  għal ġonna u spazji miftuħa f’diversi lokalitajiet fosthom li l-ġnien Karin Grech f’San Ġwann jikber u jsir żona sħiħa pedonali u li u Triq Sant’Anna fil-Furjana ssir ġnien.  

Mil-lat ta’ infrastruttura l-PL wiegħed li jissaqqfu l-mini ta’ Santa Venera kif ukoll l-parkeġġ kbir li hemm fir-Rabat Għawdex se jinżel taħt l-art u minfloku se jsir ġnien. Dan apparti li fil-Ħamrun se titneħħa l-fabbrika tal-Ħalib u minflokha jsir ġnien urban kbir.  

Apparti r-rifużjoni tat-taxxa, li se tibqa tingħata annwalment b’total ta’ €24 miljun, Gvern immexxi mill-PL qed iwiegħed tibdil fit-taxxa tad-dħul b’dawn iż-żewġ miżuri b’kollox jgħid li se jħallu €700 aktar fil-but tan-nies.  

Wiegħed li se titnaqqas il-Corporate Tax, taxxa għall-kumpaniji, minn 35% għal 25%.  

Waqt l-ewwel rally f’Ħal Qormi l-Mexxej Laburista Robert Abela spjega kif dawn il-miżuri għandhom il-għan li jħallu aktar flus fil-but u allura jistimulaw l-ekonomija. 

Abela semma wkoll l-wegħda tal-First Time Buyers li permezz tagħha l-Gvern jagħti €1,000 fis-sena għal 10 snin, sa’ massimu ta’ €10,000.  L-iskema tal-10% depożitu se tiġi estiża għall-proprjetajiet b'valur ta' €225,000. Filwaqt li se jibqgħu jiġġeddu skemi oħrajn bħal tal-first-time buyers u oħrajn tal-UCA. 

Intant fejn jidħlu l-anzjani; il-PL wiegħed li se jiżdiedu l-pensjonijiet b’ €15 żieda fil-ġimgħa tul il-leġiżlatura. Wiegħed ukoll li ser jagħti mediċini b’xejn għall-anzjani kollha. 

  • Ara aktar dwar il-proposti tas-Saħħa: Hawnhekk 
  • Ara aktar dwar il-propsti tal-Ambjent: Hawnhekk 
  • Ara aktar dwar il-proposti tal-PL dwar l-Edukazzjoni: Hawnhekk 

Il-Partit ADPD - The Green party  

Meta twaqqaf?  Dan il-partit twaqqaf fis-17 ta’ Ottubru fl-2020 minn Carmel Cacopardo u Timothy Alden wara li ngħaqdu żewġ partiti flimkien. Wieħed minn dawn kien l-Alternattiva Demokratika, li twaqqaf minn Toni Abela u Wenzu Mintoff u numru ta’ nies oħrajn fl-1989, kif ukoll il-Partit Demokratiku li twaqqaf fl-2016. Il-ħsieb li jingħaqad il-partit beda f’Settembru tal-2019. 

Carmel Cacopardo
Carmel Cacopardo

Min hu l-Kap?  Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-ADPD u huwa gradwat fl-arkitettura u l-inġinerija ċivili. Tul il-karriera tiegħu, Cacopardo kien membru tal-Partit Nazzjonalista, tant li kkontesta fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1987, 1992 u 1996. Huwa kien parti mill-kumitat eżekuttiv tal-PN għal 12-il sena. Cacopardo għamel żmien Segretarju għall-Informazjoni, Assistent Segretarju Ġenerali u l-President Eżekuttiv tal-Kunsill tal-PN. Kien ukoll Segretarju tal-MŻPN. Huwa qata’ kull kuntatt minn  mal-PN b’mod uffiċjali f’Jannar 2008 u aktar tard ingħaqad mal-Alternattiva Demokratika. 

X’inhuma l-għeruq ideoloġiċi? L-għan ta’ dan il-partit inkluż l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku; kollha ġejjin minn ideoloġija ċentru xellug b’politka favur l-attiviżmu aħdar. Tant hu hekk li għal dawn l-aħħar sentejn, il-politika tagħhom kienet fuq l-għoli tal-ħajja, l-ambjent kif ukoll il-liġi tal-kannabis fost oħrajn. L-ADPD fuq livell Ewropew hija msieħba mal-European Green Party filwaqt li fuq livell internazzjonali hija affiljata ma’ Global Greens.  

X’inhu s-slogan elettorali? Xkupa Ħadra Tnaddaf. 

Uħud mill-proposti tal-ADPD:

Dan il-partit għamel proposti fuq diversi setturi.  Fejn għandu x’jaqsam l-ambjent u t-tibdil fil-klima, ADPD tipproponi 16-il miżura. Fost dawn hemm li kull bini pubbliku, kummerċjali u fabbriki jkunu wżati għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mix-xemx kif ukoll li f’żoni industrijali għandu jkun hemm installazzjonijiet ta’ mikro-turbini tar-riħ.

Jemmnu li kull bini ġdid għandu jkun carbon neutral u jiġġenera l-enerġija kollha li jkollu bżonn kif ukoll li għandu jkun hemm moratorju fuq żidiet fl-għoli tal-bini biex ma jiġux affetwati l-użu tal-pannelli fotovoltajiċi. 

L-ADPD tipproponi wkoll li għandu jkun hemm skemi u qafas legali li jiffaċilità lis-sidien ta’ appartamenti jidħlu fi sħab bħala sidien ta’ pannelli fuq il-bejt tal-blokka tagħhom.Tipproponi wkoll li kull kumpanija kbira, inkluż il-banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u tas-servizzi finanzjarji jkunu obbligati li juru kif bi ħsiebhom ibiddlu l-operat tagħhom biex tintlaħaq il-mira li jsiru żero-karboju qabel l-2050. 

L-ADPD tgħid li għanda ssir aktar faċli li tuża r-roti, inkluż dawk elettriċi permezz ta’ bicycle superhighways tul it-toroq ewlenin u prijorità lir-roti f’żoni urbani. Apparti minn hekk tgħid li fi ftit snin kemm l-MCAST, l-Università, l-Junior College u l-Higher Secondary għandhom ikunu konnessi permezz ta’ rottot siguri mal-lokalitajiet tal-madwar, b’parkeġġ adegwat għar-roti.

Fir-rigward ta’ trasport pubbliku, l-ADPD tipproponi li l-vetturi tat-trasport pubbliku għandhom jaħdmu kollha bl-elettriku. Dan filwaqt li jipproponu skema komuni ta’ tqassim ta’ prodotti fil-ħwienet li jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu t-traffiku fit-toroq.

  • Ara x'ipproponiet aktar l-ADPD:  Hawnhekk

Il-Partit Volt 

Meta twaqqaf? Volt twaqqaf f’Malta fit-30 ta’ April 2021, iżda dan il-partit jinsab f’30 pajjiż Ewropew. Fi ħdanu hemm  membri li ġejjin miż-żewġ partiti l-kbar; il-PL u l-PN, kif ukoll mill-partiti ż-żgħar.  Minn naħa l-oħra Volt Europa ġie mwaqqaf fid-29 ta’ Marzu fl-2017 - fl-istess jum li r-Renju Unit ħabbar il-Brexit - minn Andrea Venzon, Colombe Cahen, Salvador u Damian Boeselanger.   

Alexia DeBono u Arnas Lasys
Alexia DeBono u Arnas Lasys

Min hu l-Kap? It-tmexxija ta’ dan il-Partit huwa differenti minn dak li naraw is-soltu. Dan għaliex, huwa mmexxi minn koppja, Arnas Lasys u Alexia DeBono. Kienet proprju din il-koppja li ressqet lill-Volt f’pajjiżna. La Lasys u lanqas DeBono m’għandhom sfond politiku, iżda t-tnejn jaħdmu fil-qasam tal-midja soċjali u content creation. Apparti minn hekk, persuna oħra li tagħmel parti mit-tmexxija hija Cassandra Mallia, l-unika kandidata tal-Partit.  

X’inhuma l-għeruq ideoloġiċi? Volt iħaddan twemmin soċjo-liberali, progressiv u favur il-federaliżmu ewropew (centre/centre left). Tant hu hekk li f’Malta huwa l-ewwel partiti politiku li qiegħed jiġġieled riformi fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi inkluż l-abort fost aktar kwisjonijiet oħra. Wieħed mill-għanjiet ta’ dan il-partit huwa li jiżgura li l-ekonomija tkun immaniġjata b’mod sostenibbli.  

X’inhu s-slogan elettorali? Ivvota Aħjar. Ivvota Volt.  

Uħud mill-proposti tal-Volt: 

Volt għandhom numru ta’ proposti elettorali, li kienu qed jiġu aġġornati kull xahar.  Fejn jidħlu d-drittijiet tal-annimali, Volt qed tipproponi li jkun hemm żieda fil-bajjiet li jaċċettaw l-annimali.  

Mil-lat ta’ edukazzjoni l-partit qed jipproponi li jiġu introdotti aktar lezzjonijiet ta’ għarfien fuq il-midja kif ukoll fuq responsabiltajiet u kapaċitajiet li wieħed għandu jkollu tul il-ħajja biex ikun ċittadin kompetenti.  Dan filwaqt li qed jipproponu wkoll li jiġi żgurat li jingħata edukazzjoni sesswali fattwali, inklussiva, kuntestwali u fuq kollox mandatorja.  

Minn naħa l-oħra fis-settur tal-ekonomija, qed jinkoraġixxu l-formazzjoni tal-kooperattivi. Kif ukoll mil-lat ta’ start-ups, qed jippromwovu digitalizzazzjoni u proċess aktar sempliċi biex n-negozjanti ġodda jirreġistraw, ineħħu miżati u perjodu tad-dewmien.  

Intant huma qed jipproponu li l-attivitajiet kollha tal-partiti politiċi għandhom jiġu gvernati mil-Liġi għall-Iffinanzjar tal-Partiti u mhux mil-Liġi Korporattiva. Volt iridu li l-infieq nazzjonali jkun pubbliku, trasparenti, kurrenti u aktar aċċessibli. Volt qed jipproponu wkoll li jiġi ntrodott baġit parteċipattiv, kif ukoll jintużaw l-assemblej taċ-Ċittadini. 

Volt għandha fehma ċara fejn jidħlu d-drogi rikreattivi. Fost dawn huma qed jipproponu li jintroduċu l-mudell Portugiż f’pajjiżna kif ukoll li tinħoloq Awtorità għad-Drogi Rireattivi biex jagħmlu r-riċerka u jevalwaw il-governanza fuq id-drogi rikreattivi.  Mil-lat ta’ kannabis Volt qed jipproponi li jinfetħu l-klabbs soċjali tal-kannabis, u jżid il-massimu tal-pussess tal-kannabis għal 25 gramma. 

Apparti minn hekk huma fasslu proposti għall-ħaddiema fejn qed jipproponi parental leave adegwat, lil hinn mill-ġeneru u mħallas kollu. Kif ukoll, li jiżguraw li l-ġenituri jkollhom aktar parental leave  maqsum bejn iż-żewġ ġenturi. Dan filwaqt li jiżguraw li l-minimum wage ikun living wage jiġifieri €1,100 fix-xahar.  

Fl-aħħar, l-aktar settur li fih għamlu proposti huwa dak tas-saħħa. Il-Partit jixtieq li appuntamenti mediċi isiru onlajn, meta possibli, kif ukoll tiġi legali l-ewtanażja passiva. Apparti minn hekk huma jemmnu li t-testment u għaldqastant il-wirt għandu jingħata qabel il-mewt u mhux wara, bħal ma tgħid il-liġi bħalissa.  

Mil-lat ta’ saħħa mentali Volt jemmen li Mount Carmel għandu jingħalaq u jsir investiment biex jinħolqu faċilitajiet ibbażati fil-kommunità, iridu li jinħolqu spazji rikreattivi kif ukoll jiżguraw li jkun hemm aċċessibilità għas-servizzi minn kulħadd inkluż miż-żgħażagħ u l-minoritajiet.  

Fl-aħħar jemmnu li b’Gvern immexxi minnhom l-abort jiġi dikriminalizzat u jikklassifikaw l-kontraċettivi bħala mediċni essenzjali. Dan apparti li jeliminaw it-taxxi ta’ prodotti menstruwali bħat-tampuni u jiġu mqassma mill-Pharmacy of Your Choice (POYC).  

Il-Partit Nazzjonalista 

Meta twaqqaf? Il-Partit Nazzjonalista twaqqaf fl-1800 minn Fortunato Mizzi. Dan il-Partit mhux minn dejjem kien magħruf bħala l-PN iżda qabel kien imsejjaħ il-Partito Anti-Riformista. Dan għaliex Mizzi, kien qed jopponi r-riforma li kienet tgħid li għandha tibda’ tintuża l-lingwa Ingliża fl-iskejjel, fl-amministrazzjoni u l-Qrati.  

Bernard Grech
Bernard Grech

Min hu l-Kap? Il-Kap tal-PN huwa Bernard Grech, avukat tal-familja. Il-karriera politika tiegħu bdiet fl-2011, meta kien parti minn kampanja kontra d-divorzju, iżda jidher li l-parteċipazzjoni fil-politika waqfet temporanjament sakemm ikkontesta għall-Kap tal-Partit. Fit-3 ta’ Ottubru tal-2020, Grech rebaħ l-elezzjoni kontra Adrian Delia b’69.3% vot u nħatar uffiċjalment Kap tal-Oppożizzjoni fis-7 ta’ Ottubru tal-2020. 

X’inhuma l-għeruq ideoloġiċi? L-għeruq tal-Partit huma Kristjan Demokratiċi u konservattiv (centre-right). Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista tradizzjonalment huwa kontra kwistjonijiet aktar liberali fosthom l-abort, drittijiet riproduttivi tan-nisa u drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+, għaliex iħaddan twemmin li jqarreb iktar lejn it-tgħalim reliġjuż, minn partiti tax-xellug. Il-Partit huwa imsieħeb mal-Partit Popolari Ewropew (EPP) li tradizzjonalment huwa aktar qrib il-klassi tan-negozji.  

X’inhu s-slogan elettorali? Miegħek għal Malta.  

Uħud mill-proposti tal-PN: 

Il-PN wiegħed għotja annwali ta’ €300 lill-ġenituri tal-istudenti iżgħar minn 18-il sena li jieħdu sehem f’xi programm estrakurrikulari strutturat u rreġistrat ma’ assoċjazzjoni konformi mal-Environment, Social Responsibility and Government (ESG) tal-għażla tagħhom fosthom fl-isport, fil-performing arts u fil-kultura u l-arti.  

Minn naħa l-oħra Gvern immexxi mill-PN se jitkellem u jaħdem aħjar għall-membri tal-korpi dixxiplinati. Membri tal-korpi dixxiplinati li jilħqu l-età ta’ rtirar jistgħu ikomplu jaħdmu.  

Dawn ikunu intitolati għall-paga u l-pensjoni. Mil-lat ta’ pensjoni ġenerali għall-anzjani, skont il-PN din għandha togħla daqs il-paga minima nazzjonali.  Dan filwaqt li r-romol jibqgħu jkunu intitolati għal pensjoni sħiħa.  

Grech ħabbar ukoll investiment ta’ biljun ewro fuq 10 setturi ekonomiċi. Dawn is-setturi huma; investimenti bbażati fuq metaverse, servizzi ta’ compliance u due diligence, manifattura avvanzata u speċjalizzata, ipprintjar 3D, applikazzjonijiet tal-intelligenza artifiċjali, e-sports, produzzjoni ta’ video games, industrija tal-isports, tisħiħ ta’ settur tal-enerġija u intrapriżi soċjali.  

Il-PN qed iwiegħed dritt ta’ study leave għal dawk il-persuni li jkunu jaħdmu full-time filwaqt li jkunu qed jistudjaw biex jiksbu minn MQF ta’ livell 5 u ‘l fuq.  

Bħala parti mill-manifest elettorali l-PN fassal numru ta’ proposti ekonomiċi. Il-PN qiegħed iwiegħed mekkaniżmu ġdid ta’ kif jitkejjel il-ġid tal-pajjiż li ma jkunx biss iddeterminat mill-indikaturi ekonomiċi bħall-Prodott Gross Domestiku (GDP) iżda jkun magħmul minn għadd ta’ indikaturi.  

Intant mil-lat ta’ paga minima, il-PN jipproponi l-introduzzjoni ta’ kunċett li permezz tiegħu jiġi stabbilit id-dħul nett li familja jkollha bżonn biex tgħix ħajja diċenti.  

L-ewwel 12-il xahar wara li tispiċċa bla xogħol, il-PN qed jipproponi benefiċċju ekwivalenti għall-paga minima biex titħarreġ u ssib impjieg alternattiv.   

Minn naħa l-oħra wegħda oħra hija dik ta’ rata’ ta’ taxxa ta’ 5% fuq l-ewwel €80,000 lil persuni rreġistrati fis-setturi sportivi u kulturali fosthom plejers, coaches, atleti u artisti. 

It-taxxi kollha tas-sigurtà soċjali tan-negozjanti li akkumlaw matul il-pandemija jistgħu jitħallsu fuq perjodu ta’ tmien snin.  

Sadanittant fejn jidħlu benefiċċji għall-koppji u l-familja, il-PN qed jipproponi żieda ta’ €150 fiċ-Childrens Allowance. Dan filwaqt li familji bi dħul taħt it-€12,000 jirċievu żieda ta’ €250. Qed jipproponi wkoll €1,000 fid-Disability Childrens Allowance kif ukloll żieda ta’ €1,500 fil-Foster Carer Allowance.  

Apparti minn hekk il-PN qed jipproponi għotja addizzjonali, ta’ darba, ta’ €1,000 lill-ġenituri għal kull twelid. Dan japplika wkoll b’lura għal dawk il-ġenituri li twelldulhom it-tfal mill-1 ta’ Jannar 2017 ‘l hawn. Il-PN wiegħed ukoll €1,000 għotja oħra lin-nisa li jkolhom it-tfal u jerġgħu jidħlu jaħdmu u ma jħallsux jew iħallsu ammont żgħir ta’ taxxa.  

Mil-lat ta’ saħħa, il-PN qed iwiegħed li ser jagħti €180 fix-xahar għall-pazjenti celiac biex jixtru prodotti speċjali li huma kostretti jixtru. Tax rebates ta’ 100% tal-ispiża lill dawk il-professjonisti kollha li jkomplu jitħarrġu u jispeċjalizzaw fl-oqsma tas-saħħa.  

Il-PN indirizza wkoll l-ambjent u wiegħed għotja ta’ €10,000 fuq ħames snin lill-familji li jneħħu vettura antika mingħajr ma jiksbu vettura oħra. Apparti minn hekk il-Partit ippropona li Gvern taħt amministrazzjoni Nazzjonalista iżid 50,000 metru kwadru ta’ art pubblika maż-żoni barra l-iżvilupp (ODZ).  

Il-Partit ABBA 

Meta twaqqaf? Dan il-Partit twaqqaf fl-aħħar xhur tal-2021. Dan twaqqaf minn Ivan Grech Mintoff li huwa wkoll il-Mexxej tal-Partit. Dan il-Partit huwa magħmul kemm minn persuni Laburisti u anke Nazzjonalisti u ngħaqad bil-għan wieħed li jiġġieled liġijiet liberali. Dan għaliex skont Grech Mintoff, f’kumment li ta lil din il-gazzetta, dawn il-liġijiet, “qed jagħmlu ħafna ħsara”. 

Ivan Grech Mintoff
Ivan Grech Mintoff

Min hu l-mexxej? Dan il-partit hu mmexxi minn Ivan Grech Mintoff, in-neputi tal-eks Prim Ministru Duminku Mintoff. Grech Mintoff twieled fl-1964, f’familja Laburista tant li jgħid li ma setax jiġi mgħammed minħabba l-interdett. Huwa kien parti mill-moviment laburista, tant li fl-1995 kien jagħmel parti mill-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) ma’ Joseph Muscat, Miriam Dalli u Glenn Bedingfield. Minkejja dan, huwa jgħid lil din il-gazzetta li telaq mill-partit wara kunflitt bejn Alfred Sant u Dom Mintoff.  

X’inhuma l-għeruq ideoloġiċi? L-ideoloġija ta’ dan il-partit hija s-soċjaliżmu kristjan. Bħala partit huma jqisu lilhom infushom bħala konservattivi. Grech Mintoff saħaq li bħala partit jemmnu bi sħiħ fis-sovranità u għaldaqstant li l-Malti jiddeċiedi għal pajjiżu.  

X’inhu s-slogan elettorali? ‘Dinjità lill-Maltin’ u ‘La Tisraqx, La Tigdibx, La toqtolx’.  

Uħud mill-proposti tal-Abba:

Dan il-Partit fassal ħames punti ta’ tluq li l-ABBA se tkun qed tiffoka fuqhom. Dawn huma d-dritt tal-ħajja, l-ħelsien tal-individwu, il-ġustizzja, l-liġi u l-ordni, il-kwalità ta’ ħajja u fl-aħħar is-sovrenità.  

Fl-ewwel kategorija dik tad-dritt tal-ħajja, l-ABBA tikkwota l-Kostituzzjoni ta’ Malta li tgħid li, “l-ebda persuna b’mod intenzjonali, m’għandha tiġi mċaħħda mid-dritt li tgħix ħajjitha.”  Il-Partit jgħid li la darba jiġi elett fil-Parlament jemendaw din il-frażi biex tfisser li l-ebda persuna mill-konċepiment, b’mod intenzjonali, m’għandha tiġi mċaħħda mid-dritt li tgħix ħajjitha.  

Din “tiggarantixxi li x-xewqa tal-poplu Malti tiġi onorata u li l-abort ma jiġix legalizzat”.  

Dan il-Partit jgħid li fl-aħħar żewġ leġiżlaturi d-drittijiet fundamentali ġew injoranti u dawn huma; id-dritt tal-ħajja, il-libertà tar-reliġjon u l-kuxjenza, tal-espressjoni, tal-assemblea, tal-assoċjazzjoni u l-moviment liberu fost oħrajn.  

Mil-lat tal-Ġustizzja, l-Liġi u l-Ordni, l-ABBA tisħaq li tixtieq li tara Gvern ta’ koalizzjoni fejn l-ebda partit ma’ jkollu l-poter assolut “biex jagħmel dak li jrid.” Jemmnu li Gvern ta’ koalizzjoni ireġġa’ lura l-governanza regolata u xierqa. Dan filwaqt li qalu li jridu d-dinjità lura.  

Dan terġa’ tisħqu fil-kategorija tal-kwalità tal-ħajja hekk kif il-Partit jisħaq li jekk ABBA jidħol fil-Parlament dan se jkun sinjal ċar li mhux ‘business as usual’ u membri parlamentari mill-ABBA se jiżguraw irkupru ta’ liġi u ordni f’qasir żmien.  

Jisħqu li Malta għandha żżomm is-sovranità u “d-drittijiet mogħtija minn Alla” biex tagħmel id-deċiżjonijiet meħtieġa li ser jaffettwaw il-preżent u l-futur taċ-ċittadini tagħha. ABBA tgħid ukoll li beħsieba taffilja ruħa ma’ stati membri Ewropej bil-għan li tiżgura li Malta żżomm is-sovarnità tagħha u l-poter li tieħu d-deċiżjonijiet.  

Il-Partit Popolari  

Meta twaqqaf? Dan il-Partit twaqqaf fl-20 ta’ Novembru 2019. Il-Partit Popolari (PP) twaqqaf mill-mexxej tiegħu stess Paul Salomone. L-għan wara dan il-partit huwa li jħares il-kultura ta’ missirijietna u jkun “il-vuċi tal-poplu, ta’ min ma jinstemax, ta’ min ġie mwarrab u traskurat u l-vuċi ta’ dawk kollha li qed isofru l-inġustizzji ta’ Parlament arroganti.” 

Paul Salamone
Paul Salamone

Min hu l-mexxej? Paul Salomone ilu jaħdem fl-industrija tas-servizzi tal-bini bħala Operations Manager għal dawn l-aħħar 36 sena. Huwa kien membru tal-kumitat kif ukoll volontier fil-Fondazzjoni Wirt Artna. Huwa ngħaqad ma’ din l-għaqda fl-1990 fuq l-idea li, “missirijietna ssagrifikaw ħajjithom biex bnew lil pajjiżna” u jemmen bi sħiħ li huwa dmir tagħna li nieħdu ħsieb u nippreservaw dak kollu li missirijietna ġġieldu għalih.  

X’inhuma l-għeruq ideoloġiċi? Dan il-partit huwa lemini u konservattiv. Waħda mill-kwistjonijiet li jopponi l-aktar huma l-immigrazzjoni illegali. Fi kliem il-Partit stess, dan twieled biex iħares, “il-kultura ta’ missirijietna”. Il-Partit Popolari jgħid li għalkemm pajjiżna kien imsejjes fuq valuri nsara u li l-partit huwa favur il-familja u l-ħajja, ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-reliġjonijiet u nies ta’ rieda tajba.  

X’inhu s-slogan elettorali? Familja, Nazzjon, Libertà. 

Uħud mill-proposti tal-Partit Popolari: 

Dan il-Partit jrid li jiġi stabbilit limitu fuq il-baġit tal-partiti u “nħottu l-mudell korrott tal-finanzjament tagħhom.” Apparti minn hekk irid li l-partiti jaħdmu biċ-ċittadini, bil-volontarjat u bil-ħeġġa tal-membri tagħhom u l-Partit Popolari “qed juri bl-eżempju tiegħu li dan hu possibli”. 

Il-PP irid inaqqas is-setgħa għall-politiċi filwaqt li jsaħħaħ u jwessa’ d-dritt tar-referendum fuq il-mudell Żvizzeru.  

Mil-lat ta’ miżuri kontra l-imxija tal-Covid-19, dan il-partit minn dejjem kien voċiferu kontra ċertu miżuri u għalhekk qed jisħaq biex jitneħħew rekwiżiti għall-kwarantina “diskriminatorja” għal dawk li jsiefru mingħajr ma jkunu mlaqqma.  

Intant huma kontra “l-abbuż lampanti tas-sistema tal-ażil għall-skopijiet ta’ immigrazzjoni ekonomika.” Jemmnu li “l-importazzjoni massiva legali ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea” għandha titwaqqaf u titreġġa’ lura b’mod gradwali. Dan il-Partit jisħaq li l-ekonomija għandha taddatta ruħha għad-daqs tal-forza tax-xogħol Maltija u mhux bil-kontra.  

More in Elezzjoni 2022