Il-PL qed iwiegħed li fejn jidħol l-mard rari jtiħejja pjan t'azzjoni nazzjonali dwar il-mard rari li ma jiffokax biss fuq id-dijanjosi u l-kura iżda wkoll fuq il-kwalità tal-ħajja ta' dawn il-persuni. Dan filwaqt li qed iwiegħed programm ħolistiku ta' genetic screening u ttestjar, tilqim kif ukoll moniteraġġ kontinwu ta' kundizzjonijiet u mard.
Fejn jidħlu ċ-ċentri komunitarji ta' saħħa, l-PL qed iwiegħed li apparti li jkun hemm ċentru f'kull lokalità, dawn joffru firxa ta' servizzi inkluż operazzjonijiet minuri, li sa' llum kienu pprovduti biss mill-Isptar Mater Dei.
National Posion centre u estensjoni tad-dipartiment tal-Aċċidenti u l-Emerġenza
Gvern immexxi mill-PL se jkabbar id-dipartiment tal-Aċċidenti u l-Emerġenza, flimkien ma' rijorganizzazzjoni tiegħu. Apparti minn hekk qed iwegħdu li se jitwaqqaf National Poison Centre biex jagħti assistenza lill-persuni, speċjalment tfal, li jkunu kkonsmaw jew ġew esposti għal materjal jew likwidi li jkunu ta' dannu għas-saħħa. Ġewwa fih, dan iċ-ċentru jżomm inventarju ta' prodotti u kimiċi differenti biex ikun f'pożizzjoni li jassisti lill-pubbliku f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.
Pazjenti li jaqsmu l-gżejjer għal trattament mediku ma jħallsux għat-traġitt tal-Gozo Channel, kemm Maltin jew Għawdxin. L-PL qed iwiegħed ukoll li din il-proposta tkun estiża wkoll għall-fast ferry u mal-inżul tiegħu fil-port, il-pazjenti se jkunu jistgħu jużaw trasport b'xejn biex imorru l-Isptar Mater Dei jew Ġenerali t'Għawdex.
Minn naħa l-oħra għall-pazjenti li jirċievu l-kura tal-kanċer, il-PL qed jipproponi li s-servizz tal-kimoterapija jiġi provdut barra mill-isptar jew fid-djar, meta jkun possibli.
Edukaturi mħarrġa fuq is-saħħa mentali fl-istituzzjonijiet edukattivi
Mil-lat ta' saħħa mentali l-PL qed iwiegħed lill-poplu li Gvern immexxi minnu se jwessa' l-kunċett ta' terapija fid-djar u l-komunità billi joffru opportunitajiet ta' taħriġ lit-tobba tal-familja u jintegraw aktar is-servizzi relatati mas-saħħa mentali fil-kura primarja.
Il-PL qed iwiegħed li l-iskop tal-Ispar Monte Carmeli jinbidel u jipprovdi servizz speċjalizzat lill-pazjenti b'dijanjożi doppja ta' saħħa mentali u problemi ta' dipendenza fuq ix-xorb jew id-droga, kif ukoll kundizzjonijiet psikjatriċi oħra. Dan għandu jinkludi fih 150 sodda li tipprovdi kura simultanja lill-pazjenti.
Fejn jidħlu t-tfal u ż-żgħażagħ, il-PL qed jipproponi li l-edukaturi jkunu mħarrġa biex ikunu f'pożizzjoni li jagħrfu s-sinjali ta' sfidi ta' saħħa mentali u jġibu dan għall-attenzjoni tal-ġenituri biex fejn hu l-każ ikunu jistgħu jirrikorru lill-uliedhom għall-għajnuna professjonali.
Amministrazzjoni Laburista tniedi boroż ta' studju għat-tobba fil-kura paljattiva
Fil-qasam tal-kura paljattiva, il-Partit Laburista qed iwiegħed li se jkompli jaħdem id f'id ma' entitajiet mhux governattivi, fosthom il-Hospice Malta u jkompli jingħata għajnuna fuq xiri ta' aktar apparat mediku, spejjeż relatati mal-ħaddiema u għajnuna fiżika u emozzjonali lill-pazjenti u lill-qraba tagħhom.
Il-Gvern immexxi mill-PL qed wiegħed li jniedi l-boroż ta' studju għal tobba u professjonisti mediċi oħra li jagħżlu li jispeċjalizzaw fil-kura paljattiva u jservi fi sptarijiet lokali.
Kura tas-saħħa tal-futur; telemediċina u intelliġenza artifiċjali ...
Il-PL qiegħed jipproponi, li jekk jingħata l-fiduċja, bil-parteċipazzjoni tar-riċerkatur, il-professjonisti u l-pazjenti nfushom, se jfasslu strateġija ta' għaxar snin għat-trasformazzjoni diġitali tas-servizzi tas-saħħa ta' pajjiżna. Il-PL jisħaq li kawża tal-Covid-19 qed ngħixu realtà differenti, dan jinkludi t-telemediċina. Għaldaqstant, jekk jingħata l-fiduċja, l-PL qed iwiegħed li fejn possibbli konsultazzjonijiet mediċi u follow-ups regolari -li ma jeħtiġux kuntatt fiżiku- jsiru b'mod virtwali.