Il-Labour iwiegħed żidiet għall-għalliema, edukaturi taċ-Childcare u Supply Teachers

... jipproponi bini ta' Skola Primarja fil-Mosta, €20 miljun fir-rinovar ta' 180 laboratorju fi skejjel u kumpless sportiv fl-Università u ieħor f'Santa Luċija

Il-Partit Laburista qed iwiegħed fil-manifest tiegħu żidiet fil-pagi li jestendu għal ħafna mill-edukaturi. Fil-manifest Malta Flimkien, il-Partit Labrista mhux biss qed iwiegħed titjib "sinjifikanti" għall-għalliema, liema titjib qed iwiegħed li se jsir realtà fi ftehim settorjali li se jkun qed jiġi iffirmat iktar tard din is-sena, imma qed jestendi din il-wegħda għall-edukaturi fiċ-Childcare u anke żidiet għas-Supply Teachers

Il-Partit Laburista qed iwiegħed ukoll li jekk ikun lura fil-Gvern jħallas għat-Teaching Practice tal-Kindergarden Educators u anke tal-Learning Support Assistants. 

Iż-żidiet huma parti mill-elenku ta' wegħdi li qed jagħmel il-Partit Laburista u li dan is-sit  kif għamel bil-proposti tal-PN diġà - qed iwassal lill-qarrejja tiegħu. 

Il-Partit Laburista qed iwiegħed ukoll tnaqqis fit-taxxa li jitla' għal €300 għal ħarġiet kulturali tat-tfal, Childcare li jinfetaħ għal kulħadd mibni fuq il-kunċett li dan jgħin fl-iżvilupp tat-tfal u laptop b'xejn għal-istudenti tas-Seba' Sena. 

Taqbad inqas minn €14,300? Il-PL fil-Gvern se jipprovdilek l-uniformi tat-tfal u internet b'xejn, qed iwiegħed il-PL. 

Il-Partit Laburista qed iwiegħed li l-Malta Visual and Performing Arts School, tkun akkademja li tiġbor fiha l-Arti Performattiva kollha bi kwalifiċi MQF (4 u 5) u fuq nota differenti l-PL qed iwiegħed li jintroduċi s-suġġett tal-Coding, li huwa suġġett li jitratta l-programming. 

Fir-rigward ta' bini u titjib fi skejjel il-Partit Laburita qed iwiegħed Skola Primarja ġdida fil-Mosta, estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa u rinovar tal-iskejjel tal-Gvern f'Ħal Għaxaq, iż-Żejtun, Ħal Qormi u Kerċem u n-Nadur. Il-PL qed iwiegħed ukoll li jinbena Kumpless Sportiv f'Santa Luċija, filwaqt li jinvesti €20 miljun fl-immodernizzar ta' 180 laboratorju

Il-PL qed iwiegħed ukoll arja kkundizzjonata fl-iskejjel u Kumpless Sportiv ukoll fl-Università ta' Malta li jintuża mill-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika. 

U finalment l-istess partit qed jagħmel tragward ta' 20% tal-istudenti li jibdew jagħmlu parti mill-kors tagħhom barra mill-pajjiż.

More in Elezzjoni 2022