Għal kull art ODZ li tittieħed 'għal raġunijiet eċċezzjonali' isir spazju miftuħ u ġnien tal-istess daqs

Park naturali fiż-Żonqor minflok l-AUM, siti organizzati għall-caravans u aktar liġijiet biex jiġi regolat is-settur tal-kostruzzjoni

Bħala parti mill-manifest elettorali mħabbar illejla, Gvern immexxi mill-PL qed iwiegħed li f'każi eċċezzjonali li jkollha tintuża art barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) għall-bini ta' proġett pubbliku, bini ta' skola jew sptar ġdid, il-PL se jdaħħal il-prinċipju ta' 'no-net land take'. Dan ifisser li tinħall art pubblika f'żona tal-iżvilupp li tkun ekwivalenti għad-daqs meħud u tiġi trasformata fi spazju miftuħ għat-tgawdija tal-familji. Dan filwaqt li jwiegħed li jibdew diskussjonijiet dwar regoli aktar stretti fejn jidħol żvilupp propost f'ODZ. 

Apparti minn hekk, il-PL saħaq li jekk jingħataw il-fiduċja se jagħtu prijorità lill-parkeġġ taħt l-art kull fejn ikun possibbli li fuqhom ikunu jistgħu jinfetħu spazji miftuħa. Dawn il-proġetti għandhom jindirizzaw problemi ta' għargħar u jaħżnu aktar ilma tax-xita. 

Il-PL iwiegħed ukoll li apparti li tiddaħħal politika dwar l-estetika tal-bini, jintroduċu skyline policy biex ikun hemm bilanċ bejn il-bżonn ta' bini għoli u li jħarsu l-identità tal-lokalitajiet, il-veduti u l-interessi tar-residenti fil-madwar, b'mod partikolari f'Għawdex.

Jekk jingħataw il-fiduċja se jintroduċu wkoll numru ta' liġijiet biex is-settur tal-kostruzzjoni jiġi regolat aħjar. Dan jinkludi l-implimentazzjoni ta' regolamenti dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi u titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema involuti kollha. 

Park naturali minflok l-Università Amerikana ... 

Fl-aħħar Baġit, il-Gvern ħabbar Park Naturali tal-Inwadar b'investiment ta' €20 miljun. Hekk kif fl-aħħar ġimgħat ġie mħabbar li l-proġett taż-Żonqor mhux se jsir u se jiġi rilokat fi Smart City, il-PL qed iwiegħed li din iż-żona tingħaqad mal-Park tal-Inwadar. 

Il-Partit iwiegħed ukoll li jsaħħaħ l-id regolatorja tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) billi tingħata setgħat ġodda u r-riżorsi meħtieġa biex din tkun tista' taqdi l-funzjonijiet regolatorji tagħha b'mod aktar effettiv. 

Bħala parti mill-istrateġija ta' aktar afforestazzjoni, il-PL iwiegħed li Gvern immexxi minnu jaħdem mal-iskejjel primarji u l-kunsilli lokali biex jinżergħu ammont ta' siġar li mbagħad jitħawlu f'żoni differenti madwar il-lokalitajiet kollha. Apparti minn hekk iwiegħed li tinbeda kampanja biex, gradwalment, jitneħħew siġar aljeni invażivi minn żoni rurali pubbliċi u jiġu mwaħla siġar indiġeni minflokom.  

Wegħda mfassla għad-dilettanti tal-carvans! Il-PL iwiegħed aktar siti 

Il-Partit Laburista wiegħed li ser jsir riġenerazzjoni u tisbiħ ta' numru ta' siti biex dawn ikunu jistgħu jintużaw għall-picnics, camping u għad-dilettanti tal-caravans. Dawn is-siti huma Taħt l-Għallis f'Baħar iċ-Ċagħaq u Ramlet il-Qortin fil-Mellieħa. Dan filwaqt li se jkomplu jevalwaw possibilità ta' aktar żoni għal dan l-iskop. 

Se jkun qiegħed iwiegħed ukoll li żewġ żoni fil-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieħa ser jiġu ddedikati biex jintużaw għall-picnics u camping matul is-sena kollha. 

Ġonna, solar paving u l-ewwel park ġeoloġiku... il-PL iwiegħed aktar spazji ħodor 

Il-PL qed iwiegħed eżerċizzju ta' demarkazzjoni ċara taż-żoni u passaġġi pubbliċi fil-kampanja li jkunu jistgħu jitgawdew mill-familji Maltin u Għawdxin. Il-PL qed iwiegħed ukoll li jitfasslu nature trails madwar Malta u Għawdex u tinħoloq mobile app li tiggwida lin-nies lejn dawk iż-żoni pubbliċi. 

Taħt amministrazzjoni Laburista, Ġnien ir-Rinella fil-Kalkara se ikun l-ewwel ġnien sostenibbli f'Malta bl-użu ta' solar paving, smart benches u solar smart bins. Apparti minn hekk, immudellat fuq dan il-proġett se jniedu programm ta' manutenzjoni u tisbiħ li għandu jara li l-bandli u ġonna pubbliċi jibdew jaħdmu b'mod sostenibbli.

Il-PL wiegħed ukoll l-ewwel park ġeoloġiku f'pajjiżna mal-kosta ta' Għar Lapsi u Wied iż-Żurrieq. Intant fil-Ġonna ta' Sant' Anton, apparti li se jkomplu x-xogħolijiet, se jinħolqu attrazzjonijiet ġodda fosthom butterfly house u guvi għall-għasafar

More in Elezzjoni 2022