L-Italja u stati Ewropej oħra jsejħu għal bidla fil-Qorti tad-Drittijiet Umani

Disa' stati Ewropej, fosthom l-Italja, id-Danimarka, u l-Polonja, jiffirmaw talba biex ikun hemm dibattitu fuq kif il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tinterpreta l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani • It-talba hija simili għat-talba tal-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela biex ikun hemm riforma fid-drittijiet tal-bniedem

Il-Prim Ministru tad-Danimarka Mette Frederiksen (xellug) u l-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni (lemin) (Ritratt: Mette Frederiksen/Facebook)
Il-Prim Ministru tad-Danimarka Mette Frederiksen (xellug) u l-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni (lemin) (Ritratt: Mette Frederiksen/Facebook)

L-Italja u Danimarka, flimkien ma’ seba' stat membri oħra tal-Unjoni Ewropea, ippubblikaw ittra miftuħa li sejħet għal reviżjoni ta’ kif tiġi interpretata l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, speċjalment fejn tidħol il-migrazzjoni.

L-ittra ġiet żvelata f’konferenza stampa f'Ruma wara laqgħa bejn il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni u l-Prim Ministru Daniża Mette Frederiksen. Huma qalu li hemm bżonn ta’ "dibattitu ġdid b'moħħna miftuħ" dwar kif il-Qorti ta’ Strażburgu qed tinterpreta u timplimenta l-Konvenzjoni u jekk hux qed tmur lil hinn mill-iskop oriġinali tagħha.

“Hemm bżonn t'aktar spazju biex niddeċiedu b’mod nazzjonali dwar meta għandna nkeċċu ċittadini barranin kriminali,” tgħid l-ittra, fejn ukoll qalu li d-deċiżjonijiet tal-qorti ħalqu żbilanċ fl-interessi protetti—fi kliem ieħor, id-drittijiet u l-libertajiet ta' persuna.

L-ittra ġiet ffirmata wkoll mill-mexxejja tal-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka, pajjiżi li f’dawn l-aħħar snin ħadu pożizzjonijiet aktar stretta dwar l-immigrazzjoni irregolari.

Il-mexxejja esprimew tħassib dwar l-possibbiltà li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’ċerti każijiet ġebbdet l-iskop u l-ispirtu tal-Konvenzjoni, b’mod li, skonthom, li qed jillimita l-kapaċità tad-demokraziji Ewropej biex jieħdu deċiżjonijiet politiċi sovrani.

Meloni insistiet fuq il-ħtieġa ta’ "soluzzjonijiet innovattivi", fejn aċċennat għall-arranġament bejn l-Italja u l-Albanija. "Għandna bżonn inkunu kuraġġużi, għandna bżonn naħsbu b'mod ġdid, u niddeskrivu s-sitwazzjoni kif inhi", żiedet tgħid Meloni.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma inforzabbli fil-pajjiż firmatorji kollha, li jinkludu 46 membru inklużi s-27 stat tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti ħarġet diversi sentenzi kontra pajjiżi bħall-Italja, id-Danimarka, il-Polonja, u l-Latvja fuq trattament ta’ migranti u regoli fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja.

Is-sitwazzjoni Maltija

Xahrejn ilu, il-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela qal xi ħaġa simili ta' li qed jitolbu dawn il-pajjiżi, fejn iddikjara li l-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem skadew u li hemm bżonn jiġu aġġornati skont ir-realtà tal-migrazzjoni llum—dikjarazzjoni li qalgħet ħafna kritika minn bosta għaqdiet ċivili, inklużi Repubblika u l-fundazzjoni aditus.

Iżda b'dan l-iżvilupp, fejn għandek disa' nazzjonijiet firmatorja għal ittra li qed tagħmel talba simili tad-dikjarazzjoni ta' Abela, jaf jinbidlu l-affarijiet fejn is-sentiment ta' Abela ssib kemm appoġġ lokali kif ukoll internazzjonali.

Ftit wara d-dikjarazzjoni ta' Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg qal li r-riforma tad-drittijiet tal-bniedem mhix waħda mill-prijoritajiet ta' Malta waqt il-presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa.

Minflok Borg enfasizza li l-prijorità ta' Malta hi li "jħarsu u jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem."

More in Barranin