Għall-ewwel darba fi tliet snin, rappreżentanti tal-Ukrajna u tar-Russja ltaqgħu wiċċ imb wiċċ f’Istanbul, it-Turkija, nhar il-Ġimgħa biex jipparteċipaw f'negozjati tal-paċi biex forsi jintemm il-kunflitt bejn iż-żewġ nazzjonijiet—kunflitt li kisser mijiet ta’ bliet u ħalla eluf mejta u miljuni spostati.
Il-laqgħat qed jiġu ospitati mit-Turkija, taħt is-sorveljanza tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Hakan Fidan, flimkien ma’ delegati mill-Istati Uniti. Il-Ministru tad-Difiża Ukren, Rustem Umerov, qed jirrappreżenta lil Kyiv, filwaqt li r-Russja bagħtet delegazzjoni mmexxija mill-konsulent presidenzjali Vladimir Medinsky.
Iżda l-assenza tal-President tar-Russja Vladimir Putin u l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy qajmet dubji kbar dwar kemm dawn n-negozjati jistgħu verament jirnexxu. Fil-fatt, Zelenskyy sfida lil Putin biex jiltaqgħu t-Turkija iżda l-President Russu rrifjuta.
Ir-rifjut ħalla togħma morra f'ħalq Zelenskyy, fejn akkuża lit-tmexxija Russa b'nuqqas ta' serjetà biex twaqqaf il-gwerra. Barra minn hekk, għajjar lid-delegazzjoni Russa bħala xejn aktar minn "prop tat-teatru".
Kundizzjonijiet u għanijiet
Waqt in-negozjati, l-Ukrajna saħqet li l-paċi tkun possibbli biss jekk ir-Russja taċċetta waqfien mill-ġlied għal 30 jum, ir-ritorn tat-tfal Ukreni li nħatfu waqt il-kunflitt, u t-tpartit tal-priġunieri tal-gwerra kollha.
Iżda r-Russja tidher ferm aktar interessata f'kundizzjonijiet li jiffavuruha, fosthom li l-Ukrajna tabbanduna l-ambizzjoni tagħha li tingħaqad man-NATO, kif ukoll li tikkonċedi territorji li bħalissa huma taħt il-kontroll tar-Russja u li ssir pajjiż newtrali – kundizzjonijiet li Kyiv iddikjarat li mhumiex aċċettabbli taħt l-ebda ċirkostanza.
Barra minn hekk, ir-Russja, minkejja li stqarriet li tixtieq twaqqaf il-kunflitt permezz tad-diplomazija, qalet li l-waqfien mill-ġlied jista' jkun opportunità biex l-Ukrajna terġa' tarma lilha nnifisha u tlesti għal attakk ieħor.
Min-naħa tiegħu, il-President Ukren qal li "jekk ir-rappreżentanti Russi f'Istanbul illum lanqas jistgħu jaqblu ma' dak, ma' waqfien fil-ġlied... mela ħa jkun 100% ċar li Putin qed ikompli jimmina d-diplomazija".
Hemm tama għall-waqfien?
Filwaqt li d-dinja qed tħares b'interess kbir lejn x'qed jiġri fit-Turkija, ħafna m'għandhomx tama li dawn in-negozjati ħa jwasslu għal xi ħaġa. Fil-fatt, Zelenskyy innifsu qal li "l-akbar prijorità hija waqfien mill-ġlied kompluta, sinċiera, u bla kundizzjonijiet".
"Din għandha tiġri minnufih biex jitwaqqaf il-qtil u biex ikun hemm bażi soda għad-diplomazija," kompla l-President tal-Ukrajna.
Saħansitra Fidan innifsu qal li hija "importanti u kritika li waqfien mill-ġlied iseħħ kemm jista' jkun malajr."
Mingħajr waqfien mill-ġlied, mhux se jkun hemm progress f'dan il-kunflitt milli jidher.