Alleanza ta' tliet pajjiżi thedded lill-Iżrael rigward Gaża

Ir-Renju Unit, Franza, u l-Kanada qed jheddu lill-Iżrael li hemm ċans li jieħdu 'azzjonijiet konkreti' jekk l-Iżrael tkompli bl-avvanz militari 'faħxi' f'Gaża

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer (xellug fuq), il-President ta' Franza Emmanuel Macron (xellug nofs), il-Prim Ministru tal-Kanada Mark Carney (xellug isfel) u l-President tal-Iżrael Benjamin Netanyahu (lemin)
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer (xellug fuq), il-President ta' Franza Emmanuel Macron (xellug nofs), il-Prim Ministru tal-Kanada Mark Carney (xellug isfel) u l-President tal-Iżrael Benjamin Netanyahu (lemin)

Pressjoni internazzjonali kbira qiegħda tagħfas fuq l-Iżrael hekk kif ir-Renju Unit, Franza u l-Kanada ngħaqdu biex joħorġu twissija konġunta kontra l-Iżrael.

Filwaqt li l-Prim Ministru tal-Iżrael Benjamin Netanyahu ħalef li "jieħu kontroll" ta' Gaża, il-mexxejja tat-tliet pajjiżi qalu li ħa jkun hemm risposta "konkreta" jekk l-Iżrael tibqa' sejra bil-pjanijiet militari tagħha. Kemm Franza, il-Kanada, u r-Renju Unit qed jisħqu li r-ritaljazzjoni tal-Iżrael hija spropozjonata u li l-kundizzjonijiet f'Gaża huma "insapportabbli".

Fil-fatt, is-sitwazzjoni f'Gaża bħalissa hija waħda tal-biki, speċjalment minħabba projbizzjoni totali tad-dħul ta' ikel, mediċina, u fuel f'Gaża imposta mill-Iżrael fit-2 ta' Marzu. Il-Ġnus Magħquda qalu li din is-sitwazzjoni kisret lill-poplu Palestinjan.

Minkejja li Netanyahu ħabbar li se jippermetti ammont minimu ta’ għajnuna umanitarja tidħol fiż-żona assedjata, saħaq ukoll li l-operazzjonijiet militari kontra l-għaqda terroristika Ħamas se jibqgħu għaddejjin sakemm jintlaħqu l-għanijiet tas-sigurtà nazzjonali Iżraeljana. Fl-istess waqt, il-President Iżraeljan ħadha kontra t-tliet pajjiż fejn qal li l-istqarrija konġunta tagħhom mhi xejn ħlief "premju kbir" lill-Ħamas.

L-insistenza ta' Netanyahu li jkompli bl-azzjonijiet militari hija tant li sal-lum inqatlu "44 persuna Palestinjana" skont l-Aġenzija tad-Difiża Ċivili ta' Gaża. Dawn inqatlu minħabba attakki mill-ajru.

Madankollu, l-għajnuna umanitarja bdiet dieħla bil-mod il-mod f'Gaża, xi ħaġa li t-tliet pajjiżi qalu li huwa "totalment inadegwat". Tom Fletcher, is-Sotto-Segretarju Ġenerali tal-Affarijiet Umanitarji tal-Ġnus Magħquda, qal li d-dħul tal-għajnuna umanitarja kienet bidla meħtieġa iżda li hija biss "qatra fl-oċean ta' x'hemm bżonn urġentament".

More in Barranin