Benjamin Netanyahu, il-Prim Ministru tal-Iżrael, attakka verbalment lill-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer, il-President ta' Franza Emmanuel Macron, u l-Prim Ministru tal-Kanada Mark Carney billi qalilhom li huma essenzjalment favur il-Ħamas u li jixtiquhom "jibqgħu fil-poter".
L-attakk verbali kompla billi akkużahom li huma jappoġġaw lill-"qattiela tal-massa, stupraturi, qattiela tat-trabi, u nies li jaħtfu lill-persuni".
Dal-assalt verbali seħħ fil-kuntest tal-attakki li saru f'Washington nhar il-Ħamis, fejn inqatlet koppja li kienet taħdem għall-Ambaxxata Iżraeljana.
Iżda ftit tal-jiem qabel, il-mexxejja tat-tliet pajjiżi qalu li ħa jkun hemm risposta "konkreta" jekk l-Iżrael tibqa' sejra bil-pjanijiet militari tagħha u s-sitwazzjoni f'Gaża hija tal-biki u "insapportabbli".
Minkejja t-theddid, it-tliet pajjiż ikkundannaw il-qtil tal-koppja u fl-istess ħin, dejjem kienu t'appoġġ lill-Iżrael, partikolarment waqt l-attakk tal-Ħamas.
It-theddida tat-tliet pajjiżi kienet waħda mill-iktar kritiċi ibsin kontra l-Iżrael li ħarġu dal-aħħar, speċjalment fid-dawl tal-fatt li Netanyahu qal li effettivament jixtieq "jieħu kontroll" ta' Gaża.
Iżda dit-theddida ma ħadha xejn tajjeb Netanyahu, fejn issa qal li l-Ħamas iridu jeqirdu lill-Iżrael u l-poplu Iżraeljan u li dawk it-tliet pajjiżi huma "fuq in-naħa ħażina tal-umanità u n-naħa ħażina tal-istorja."
"Meta jirringrazzjawk il-qattiela tal-massa, l-stupraturi, il-qattiela tat-trabi, u nies li jaħtfu lill-persuni, mela intom fuq in-naħa l-ħażina tal-ġustizzja," qal il-Prim Ministru Iżraeljan.