Jidher illi, għall-kuntrarju ta' dak li qal il-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela, ir-riforma tad-drittijiet tal-bniedem mhix waħda mill-prijoritajiet ta' Malta waqt il-presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa, li tibda fl-14 ta’ Mejju u ħa ddum sitt xhur.
Waqt konferenza stampa fejn ġie ppreżentat uffiċjalment il-logo tal-presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, Borg deher skomdu jwieġeb il-mistoqsija magħmula minn Kurt Sansone ta' MaltaToday, tal-gazzetta oħt ta' ILLUM, dwar id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li Malta kienet se taħdem fuq ir-riforma tal-Konvenzjoni.
Ir-riforma ma kinitx waħda mill-prijoritajiet tal-pajjiż meta l-ewwel semmiehom Borg fi Frar, u ma semmihiex lanqas fil-konferenza stampa.
“Tkellimt mal-prim ministru u dan hu l-programm li se nsegwu,” saħaq id-deputat prim ministru filwaqt li għamel referenza għall-prijoritajiet li kien għadu kif ħabbar.
Dawn il-prijoritajiet jinkludu t-tisħiħ tad-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, b’enfasi fuq il-vjolenza kontra n-nisa, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u d-diskors ta’ mibegħda, kif ukoll il-promozzjoni tal-inklużjoni tal-persuni LGBTIQ+.
Malta se tkun ukoll responsabbli għall-organizzazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 anniversarju tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Novembru li ġej.
Borg enfasizza li l-prijorità ta' Malta hi li "jħarsu u jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem." Meta Sansone kompla jagħfas lil Borg dwar x'qal il-Prim Ministru, il-Ministru wieġeb li ma jara xejn ħażin jekk mexxejja ta' pajjiżi differenti jiddiskutu l-isfidi marbuta mal-migrazzjoni.
“Nifhem li d-diskussjoni se tkompli fost grupp ta’ 14-il pajjiż fl-UE li jaħsbuha l-istess, iżda t-tim tekniku li qed imexxi l-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa se jkun iffukat biss fuq il-prijoritajiet li semmejt,” wieġeb Borg.
Il-Prim Ministru, f’laqgħa informali mal-mexxejja tal-UE f’Marzu li għadda, kien qal li Malta kienet se tressaq il-kwistjoni tar-riforma tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem waqt il-presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa.
Attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-gvern ta' Abela stess, esprimew tħassib id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru.
Iżda f’diskors fil-Parlament, Abela kien saħansitra qal li l-“interpretazzjoni riġida” u ċerti “lakuni” fil-Konvenzjoni qed jagħmlu pressjoni fuq pajjiżi bħal Malta li qed jaffaċċjaw sfidi serji mill-immigrazzjoni irregolari.