Ara kif se ssir l-attività bil-vara ta' San Pawl tal-Belt

Il-pubbliku kollu li se jattendi jrid jimxi mal-protokolli u għalhekk, fost oħrajn irid jibqa' bilqiegħda, jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin u anke jilbes il-maskra

Ilbieraħ sar magħruf li l-vara ta' San Pawl, anke jekk mhux f'purċissjoni, se tkun qed tinħareġ mill-Kolleġġjata Pawlina għal attività fi Triq San Pawl.

L-Għaqda tal-Pawlini ħabbret id-dettalji ta' kif se tkun qed issir l-attività li se tibda fis-7:00pm u li tagħlaq il-Festa ta' din is-sena.

Il-vara ta' San Pawl se tkun qed tinħareġ mill-Knisja u titniżżel ftit passi sa wita li wieħed isib it-Triq San Pawl. Il-vara se tkun milqugħa mis-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette.

Ir-reffiegħa se jpoġġu l-vara fuq l-istrippi biex jibda kunċert ta' innijiet u marċi Pawlini.

Il-pubbliku kollu li se jattendi jrid jimxi mal-protokolli u għalhekk, fost oħrajn irid jibqa' bilqiegħda, jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin u anke jilbes il-maskra.

Il-pubbliku se jkun maqsum f'żewġ bubbles distinti. 

Il-postijiet se jkunu fuq bażi first come first served, u dħul ikun min-naħa ta' Triq San Ġwann biss.

Wara li jintemm il-kunċert, il-vara tiddaħħal minnufih lura fil-Kolleġġjata.

Intant, il-festi interni qed jiġu ċċelebrati b'mod normali. Illejla ssir it-Tranżlazzjoni u l-Ewwel Għasar Solenni u għada filgħodu jsir il-Pontifikal Solenni bil-paniġierku mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Ftit jiem ilu tħabbar li din is-sena se jkunu qed jirritornaw il-festi, inkluż iċ-ċelebrazzjonijiet esterni. L-ewwel li se jsiru se jkunu l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.

Tant hu hekk li l-Ġużeppini Rabtin ħabbru li apparti l-festa interna f'Marzu, se jkunu qed jiċċelebraw festa kompluta, bil-purċissjoni wkoll, fl-ewwel ġimgħa ta' Mejju.

More in Festi