L-Għaqda tal-Pawlini tħabbar li San Pawl tal-Belt ħiereġ; Min se jassisti jrid jibqa' bilqiegħda

Sa issa għadhom ma ngħatawx dettalji dwar dak li se jkun qed isir għalkemm jidher li l-vara se tibqa' fi Triq San Pawl u dawk li jattendu se jkunu mitluba jibqgħu bilqiegħda

L-Għaqda tal-Pawlini, li flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata torganizza l-festa tan-Nawfraġju ta' San Pawl tal-Belt Valletta ħabbret li l-vara ta' San Pawl se tkun qed tinħareġ mill-knisja, anke jekk dawk li se jattendu se jkunu mitluba jibqgħu bilqiegħda

Għalkemm ma ngħatawx dettalji ta' dak li se jkun qed isir, il-vara ta' San Pawl se tinħareġ mill-Kolleġġjata, nhar l-10 ta' Frar fis-6:30pm.

Is-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette se tkun qed takkumpanja l-ħruġ tal-vara. Anke l-bandisti se jkunu kollha kemm huma bilqiegħda.

L-Għaqda tal-Pawlini spjegat kif "l-attività ser tkun f’format seated" u organizzata skont il-protokolli mill-Awtoritajiet tas-Saħħa għal attivitajiet simili. Għalhekk jidher li min se jattendi jrid jibbukja u anke jippreżenta ċertifikat validu tal-vaċċin.

Ftit jiem ilu tħabbar li din is-sena se jkunu qed jirritornaw il-festi, inkluż iċ-ċelebrazzjonijiet esterni. L-ewwel li se jsiru se jkunu l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.

Tant hu hekk li l-Ġużeppini Rabtin ħabbru li apparti l-festa interna f'Marzu, se jkunu qed jiċċelebraw festa kompluta, bil-purċissjoni wkoll, fl-ewwel ġimgħa ta' Mejju.

More in Festi