Jekk is-sitwazzjoni tibqa' taħt kontroll minn April jibdew isiru l-festi anke b'mod estern

Dan ifisser li l-ewwel purċissjonijiet se jkunu dawn tal-Ġimgħa l-Kbira

Jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija tibqa' taħt kontroll, minn April 2022, l-attivitajiet reliġjużi esterni, bħall-purċissjonijiet u dawk festivi, bħall-marċi, jistgħu jerġgħu jiġu ċċelebrati b'responsabbiltà.

Dan ifisser li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira se jkunu l-ewwel li jerġgħu jsiru bi protokolli. Wieħed jistenna aktar dettalji dwar dan fil-ġimgħat li ġejjin. Jekk is-sitwazzjoni mbagħad tibqa' taħt kontroll, fis-sajf il-festi jsiru b'mod normali. 

Rigward il-festi li jiġu ċċelebrati fi Frar, bħal San Pawl, u f'Marzu, bħal San Ġużepp, ġie ċċarat li dan jistgħu jiġu organizzati biss skont il-protokolli preżenti. 

L-Għaqda Każini tal-Banda kkonfermat dan mas-sit illum.com.mt ftit ħin biss wara li ntemmet laqgħa deskritta 'kordjali' mal-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Professur Charmaine Gauci. Preżenti kien hemm ukoll rappreżentanza mill-Kurja tal-Arċisqof.

"Il-prinċipju ewlieni ta' dawn id-diskussjonijiet kien li s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi tibqa' tingħata prijorità," insistiet l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qed tħeġġeġ lil kull min hu involut fil-festi biex jibqgħu juru serjetà u dixxiplina ħalli jerġgħu jiċċelebraw u jorganizzaw l-attivitajiet reliġjużi u l-festi esterni li jiffurmaw parti mill-patrimonju Malti. 

Appellat ukoll lid-dilettanti tal-festi jikkonkorru għat-tilqim hekk kif dan jgħin biex jinżammu taħt kontroll l-agħar effetti tal-pandemija.

More in Festi