Żewġ festi għall-Ġużeppini Rabtin; Festa interna f'Marzu u festa kompluta bil-purċissjoni għal Mejju
F'Marzu, iċ-ċelebrazzjonijiet interni se jsiru kollha kemm huma bħas-soltu iżda f'Mejju se ssir festa oħra biċ-ċelebrazzjonijiet interni u esterni
Il-Ġużeppini Rabtin se jkunu qed jiċċelebraw festa doppja, hekk kif apparti l-festa interna f'Marzu, se tkun qed issir festa oħra f'Mejju bil-għan li jkunu jistgħu jsiru wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet esterni, inkluż il-purċissjoni bil-vara ta' San Ġużepp.
Waqt Konsulta Ġenerali tal-Arċikonfraternità ta' San Ġużepp, li saret it-Tlieta l-1 ta' Frar, intlaħaq qbil unanimu dwar dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru hekk:
Il-festa ta' Marzu se ssir bil-mod solenni kollu tagħha. Dan ifisser li se jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet kollha interni bħalma jsiru s-soltu. Il-festa se tkun iċċelebrata bejn it-12 u d-19 ta' Marzu. Fost oħrajn, se jkun qed isir it-Tridu, it-Tranżlazzjoni u anke l-Pontifikal Solenni tal-festa li għalih ikun preżenti l-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina. Ovvjament, minħabba l-miżuri mħabbra, il-festi esterni u l-purċissjoni ma jistgħux isiru.
Propju għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li l-Ġużeppini Rabtin imbagħad jiċċelebraw festa oħra kompluta bejn l-1 u t-8 ta' Mejju. Dan ifisser li se jsiru l-funzjonijiet interni u anke se jkun hemm is-sehem tal-baned u n-nar, bil-qofol tkun il-purċissjoni bil-vara ta' San Ġużepp nhar it-8 ta' Mejju.
Il-festi se jiftħu nhar l-1 ta' Mejju, bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Mill-4 ta' Mejju jibda t-tridu, fis-7 ta' Mejju jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet ta' lejliet il-festa u l-Ħadd 8 ta' Mejju jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet kollha ta' nhar il-festa.
Aktar dettalji se jingħataw meta joqrob iż-żmien.
Ta' min ifakkar li l-Ġużeppini Rabtin kienu fost l-aktar milquta mill-pandemija. Fil-fatt, kienet din l-ewwel festa mħassra meta wasal il-Covid-19 f'Malta, f'Marzu tal-2020. Fis-sena 2021, lanqas il-festa interna ma setgħet tiġi ċċelebrata, għax f'Marzu, il-knejjes setgħu jiftħu biss għat-talb privat. Dan ifisser li għal sentejn sħaħ, lanqas il-festi interni ma setgħu jsiru kif almenu għamlu lokalitajiet u festi oħra.
Għalhekk, il-Ġużeppini ħatfu l-opportunità hekk kif nhar il-Ġimgħa, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda ħabbret li wara laqgħat mal-awtoritajiet tas-saħħa, intlaħaq qbil biex minn April, il-festi jkunu jistgħu jiġu ċċelebrati b'mod estern, bl-ewwel li se jsiru se jkunu l-purċissjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.