Fi stqarrija maħruġa nhar is-Sibt, in-negozji ta’ Għawdex talbu sabiex il-gvern jerġa’ jibda t-taħditiet dwar l-iżvilupp ta’ konnessjoni permanenti bejn il-Gżejjer Maltin.
Il-Gozo Business Chamber qalet illi l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp tal-ġimgħa li għaddiet reġgħu servew ta’ prova tal-isfidi ta’ aċċessibilità għal Għawdex minħabba d-dipendenza tagħha fuq l-uniku mod ta’ trasport; dak offrut bil-baħar mill-Gozo Channel Line.
Fl-istqarrija, il-lobby innotat b’diżappunt illi n-nies li xtaqu jivvjaġġaw bejn iż-żewġ geżjjer spiċċaw maqbuda, u tilfu appuntamenti importanti bħal titjiriet minħabba l-fatt li l-uniku mod ta’ trasport tagħna bejn iż-żewġ gżejjer ma setax jopera.
Il-vapuri tal-Gozo Channel Line li jgħaqqdu lil Malta u Għawdex ġew sospiżi għal perjodi ta’ ħin nhar it-Tnejn u l-Erbgħa, filwaqt illi ġew sospiżi għal kollox nhar it-Tlieta b’konsegwenza tal-maltemp qalil li ħakem il-Gżejjer Maltin. Is-servizz tal-Gozo Highspeed ġie kkanċellat ukoll għal perjodi itwal, għal raġunijiet simili.
Il-ħsieb sabiex tiġi żviluppata mina taħt il-baħar li tgħaqqad lil Malta u Għawdex ġiet effettivament abbandunat xi snin ilu wara snin ta’ ppjanar u xogħol preparatorju. Il-gvern kien qal fl-2023 illi kellu l-ħsieb li “jerġa’ jeżamina” l-idea tal-mina, iżda xejn ma ħareġ minn dik il-wegħda sal-lum.
Għaldaqstant, il-Gozo Business Chamber, illi kienet fost il-proponenti ewlenin tal-idea tal-mina, qalet nhar is-Sibt li d-diskussjoni għandha titqajjem mill-ġdid.
Fl-istess stqarrija, il-lobby faħħar il-pjanijiet sabiex tiġi riveduta mill-ġdid l-aċċessibilità tal-Port tal-Imġarr, filwaqt li nnota li huwa se jifforma parti minn task force ffukata fuq dak li tħabbar din il-ġimgħa. Il-lobby ħa nota wkoll tal-wegħda tal-gvern li jżid żewġ vapurimal-flotta eżistenti tal-Gozo Channel Line sal-2029.
Iżda, kompliet tgħid il-Gozo Business Chamber, dan il-proġett m’għandux neċessarjament jeskludi xogħol li jista' jitnieda fl-istess waqt sabiex tiġi żviluppata konnessjoni aktar permanenti bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-Gozo Business Chamber tenna li l-espansjoni ppjanata tal-flotta tal-Gozo Channel Line u l-proġett ta’ konnessjoni permanenti huma żewġ inizzjattivili għandhom jikkomplementaw lil xulxin għall-ġid ta’ dawk li jivvjaġġaw fuq bażi regolari bejn iż-żewġ gżejjer.