Ċelebrazzjoni ta’ talent, identità u stejjer li jingħadu bil-Malti

Minn vuċijiet differenti, Mużika Mużika jerġa’ jlaqqa’ l-aqwa talent lokali f’ċelebrazzjoni li tgħaqqad tradizzjoni u ħoss kontemporanju — festa tal-lingwa, l-emozzjoni u l-identità Maltija 

Ritratt: Festivals Malta
Ritratt: Festivals Malta

Fost l-aktar avvenimenti mużikali mistennija fil-kalendarju kulturali Malti, Mużika Mużika jerġa’ jlaqqa’ fuq il-palk l-aqwa talent lokali f’ċelebrazzjoni tal-kanzunetta Maltija. Dan il-festival mhux biss joffri spettaklu ta’ livell għoli, iżda jservi wkoll bħala pjattaforma li tgħaqqad ġenerazzjonijiet differenti ta’ artisti u stili mużikali, kollha magħqudin mill-imħabba lejn il-lingwa u l-identità tagħna. 

Kull sena, il-festival Mużika Mużika jilqa’ firxa varjata ta’ kantanti, kompożituri u awturi, li jippreżentaw kanzunetti oriġinali bil-Malti, f’ambjent li jfakkar il-wirt tal-festivals klassiċi tal-passat iżda b’enerġija kontemporanja. Il-produzzjoni, dejjem raffinata u viżwalment impressjonanti, tiġi mmexxija minn preżentaturi magħrufa li jagħtu ħajja lill-ispettaklu u jżommu lill-udjenza involuta matul l-iljiieli kollha — din is-sena il-preżentazzjoni se tkun f’idejn Keith Demicoli, Jamie Cardona, kif ukoll l-aħwa Ira u Jacqui Losco, li flimkien iġibu taħlita ta’ esperjenza, enerġija u kariżma fuq il-palk. 

Aktar minn sempliċi kompetizzjoni, Mużika Mużika hija ċelebrazzjoni tal-kreattività Maltija — spazju fejn il-mużika tiltaqa’ mal-emozzjoni, u fejn stejjer personali jinbidlu f’kanzunetti li jolqtu lill-pubbliku. Hekk kif kull edizzjoni ġġib magħha vuċijiet ġodda u interpretazzjonijiet friski, il-festival jibqa’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala wieħed mill-aktar avvenimenti importanti fix-xena artistika lokali. 

 

Avventura – MARA 

Kompożitur: Philip Vella 

Awtur: Joe Julian Farrugia 

Imwaqqaf fl-2021, MARA huwa grupp mużikali li f’dawn l-aħħar snin bena preżenza soda fix-xena lokali. Il-grupp huwa magħruf għall-istil modern tiegħu u għall-armoniji vokali distintivi, li jagħtuh identità mużikali ċara u rikonoxxibbli. Permezz ta’ taħlita ta’ influwenzi kontemporanji u approċċ frisk lejn il-mużika Maltija, MARA kompla jsaħħaħ ismu bħala wieħed mill-gruppi li qed jikkontribwixxu b’mod attiv għall-evoluzzjoni tal-mużika lokali. 

 

Fuq Ponot Subgħajja – Jolene Samhan 
Kompożitur: Marc Andre Dold 
Awtriċi: Leanne Ellul 

Jolene Samhan hija kantanta u songwriter min-Nadur, Għawdex, imwielda fis-sena 2000. Il-karriera tagħha bdiet tieħu spinta meta saret resident singer mal-DCapitals Big Band, fejn kisbet esperjenza importanti fuq il-palk. Hija kitbet u interpretat ukoll il-kanzunetta Place flimkien ma’ Micimago u Shaun Axiaq, li magħha rebħet il-Lovin Music Award għall-Aħjar Dance Track fl-2019 u ġiet nominata wkoll għall-Aħjar Kanzunetta tas-sena.  

Samhan hija magħrufa għall-għeruq varjati tagħha — b’influwenzi Brażiljani, Palestinjani, Ġermaniżi u Pollakki — li jikkontribwixxu għall-istil mużikali distint tagħha.  

 

Glorja Lilek – Lapes u Nadine 

Kompożituri: Claude Agius, Nadine Chircop u Edward Abela 

Awturi: Claude Agius u Nadine Chircop 

Lapes u Nadine huma duo mużikali Malti li jgħaqqad l-istil urban u liriku tal-Lapes mal-vuċi melodika u espressiva ta’ Nadine Chircop. Il-kollaborazzjoni tagħhom laqtet l-għajn f’X Factor Malta, fejn ikkompetew flimkien fil-kategorija tal-gruppi u waslu sal-live shows fl-istaġun 2023-2024. 

Bħala duo, huma joffru taħlita distintiva ta’ rap u vokali melodjużi, li tagħtihom identità mużikali moderna fix-xena lokali. 

 

Ħej Siri – Marija Bellia 

Kompożituri: Marija Bellia, Iona Dalli u Peter Borg 

Awtriċi: Marija Bellia 

Marija Bellia hija kantawtriċi Maltija li kisbet prominenza permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’X Factor Malta, fejn ħadet sehem f’aktar minn staġun wieħed u spikkat għall-kanzunetti oriġinali tagħha u l-interpretazzjonijiet bil-Malti.  

Fl-2022, hija kisbet it-tieni post f’L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Ismi, li kienet miktuba u komposta minnha stess flimkien ma’ Iona Dalli, u rebħet ukoll il-premju tal-Aħjar Singer/Songwriter.  

Barra minn hekk, Bellia hija magħrufa għall-istil tagħha li jiffoka fuq il-lingwa Maltija u fuq kitba personali u espressiva, fatt li jispikka fil-ħidma artistika tagħha u fil-preżenza tagħha fuq il-palk. 

 

Id f’Id – Keith Zammit Mintoff 

Kompożituri: Matthew James Borg u Paula Zammit Mintoff 

Awturi: Matthew James Borg u Keith Zammit Mintoff 

Keith Zammit Mintoff għandu 35 sena u jaħdem bħala nutar, filwaqt li ilu involut fil-mużika minn età żgħira. Ta’ 16-il sena beda jieħu l-kant b’mod aktar serju meta ngħaqad ma’ band u għal numru ta’ snin kanta f’diversi gigs lokali.  

Matul il-karriera tiegħu, huwa ħa sehem ukoll f’diversi musicals u produzzjonijiet teatrali, kif ukoll jikkollabora ma’ orkestri u bands differenti. Fl-2020 waqqaf il-band Sleek, u llum ikanta regolarment f’tiġijiet u avvenimenti oħra.  

Fl-2024 ipparteċipa għall-ewwel darba f’Mużika Mużika bil-kanzunetta Mingħajr Kliem

 

Indur Għalik – Lara & The Jukeboys 

Kompożituri: Lara & The Jukeboys u Matthew James Borg 

Awturi: Lara & The Jukeboys u Matthew James Borg 

Lara & The Jukeboys huwa grupp mużikali Malti mmexxi mill-kantanta Lara, li flimkien mal-band tagħha joffru stil enerġetiku influwenzat minn rock ‘n’ roll, swing u mużika retro. Il-grupp huwa magħruf għall-preżenza vibranti tiegħu fuq il-palk u għal repertorju varjat li jinkludi, kemm mużika oriġinali, kif ukoll covers interpretati bi stil distint. 

Il-band ilha attiva fix-xena lokali għal diversi snin u hija preżenti regolarment f’avvenimenti, kunċerti u festivals madwar Malta, tant li bniet reputazzjoni soda bħala live act dinamiku. 

 

Int u Jien – Kevin Paul Calleja  

Kompożituri: Kevin Paul Calleja, Edward Abela u Matthew James Borg 

Awturi: Kevin Paul Calleja, Edward Abela u Matthew James Borg 

Kevin Paul Calleja, magħruf bħala Kevin Paul, huwa kantant Malti li ilu attiv fix-xena mużikali lokali għal diversi snin. Huwa kiseb esperjenza permezz ta’ parteċipazzjoni f’diversi festivals u avvenimenti mużikali, kif ukoll permezz ta’ prestazzjonijiet live f’okkażjonijiet differenti. 

Huwa wkoll kantawtur li jikkontribwixxi direttament għall-mużika tiegħu stess, kif jidher f’din il-parteċipazzjoni f’Mużika Mużika, fejn huwa involut kemm fil-kompożizzjoni kif ukoll fil-kitba tal-kanzunetta.  

 

Jekk Forsi – Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri 

Kompożitur: Mark Spiteri Lucas 

Awtur: Emil Calleja Bayliss 

Mark Spiteri Lucas huwa kantant u mużiċist Malti magħruf. Huwa wkoll kantawtur attiv u ħa sehem f’diversi festivals mużikali, inkluż Mużika Mużika. 

Debbie Scerri hija kantanta b’esperjenza twila fix-xena mużikali Maltija. Hija rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest 1997 bil-kanzunetta Let Me Fly, u minn dakinhar baqgħet attiva f’diversi produzzjonijiet mużikali u festivals lokali. 

 

L-Aħħar Jum – Nathan Psaila 

Kompożitur: Cyprian Cassar 

Awtur: Lon Kirkop 

Nathan Psaila huwa kantant u songwriter Malti li beda t-taħriġ vokali tiegħu minn meta kellu għaxar snin. Huwa kiseb esperjenza permezz ta’ diversi kompetizzjonijiet u produzzjonijiet. 

Huwa wkoll kien wasal sal-fażi tal-Judges’ Houses f’X Factor Malta. Nathan iddebutta fil-Malta Eurovision Song Contest 2023 bil-kanzunetta Creeping Walls, fejn wasal sal-finali, u kompla jikkompeti fl-edizzjonijiet ta’ wara, inkluż il-finali tal-2025 bil-kanzunetta Ganador. 

 

Lilek Sibt Kristy Spiteri 

Kompożitur: Philip Vella 

Awtur: Joe Julian Farrugia 

Kristy Spiteri hija kantanta żagħżugħa Maltija li qed tikber fix-xena mużikali lokali. Hija kisbet attenzjoni partikolari meta waslet sal-finali tal-Malta Eurovision Song Contest u spiċċat fit-tieni post fl-2025 bil-kanzunetta Heaven sent li aktar tard ħadet għall-OGAE Second Chance Contest, u spiċċat fil-5 post, kisba li ġabet magħha rikonoxximent mill-pubbliku u mill-industrija.  

 

Nifs – ATT 

Kompożitur: Philip Vella 

Awtur: Philip Vella 

ATT huwa grupp mużikali li twaqqaf bis-saħħa ta’ Philip Vella, li ltaqa’ ma’ Sandie, Becky u Sean waqt li kienu qed jaħdmu fuq il-produzzjoni teatrali Boċċi, il-Musical ta’ Teatru Malta. 

Il-grupp, magħmul minn artisti ġejjin mix-xena tat-teatru, inħoloq bil-għan li jgħaqqad id-dinja tal-mużika ma’ dik teatrali. Filwaqt li Sean, Becky u Sandie ilhom jafu lil xulxin u jaħdmu flimkien għal snin twal, din hija l-ewwel darba li qed jippreżentaw lilhom infushom bħala kantanti flimkien taħt l-isem ATT. 

 

Niftakarna – Daniel Cauchi 

Kompożituri: Daniel Cauchi, Chris Gatt u Robert Spiteri 

Awtur: Michael Spagnol 

Daniel Cauchi huwa mużiċist, kompożitur u direttur mużikali b’esperjenza vasta fix-xena artistika Maltija. Huwa serva bħala direttur artistiku ta’ diversi produzzjonijiet fosthom Minn Pjazza għal Pjazza, Kelma Kelma Nota Nota, Kuraġġ, u s-Sena Reġjonali tal-Kultura

Huwa wkoll il-fundatur ta’ Big Band Brothers u The Box, spazju kreattiv għall-arti. Bħala artista, għandu tliet albums ta’ kanzunetti bil-Malti u, bħala perkussjonista, ħadem ma’ numru ta’ orkestri internazzjonali. Mis-sena d-dieħla huwa se jkun wieħed mid-diretturi artistiċi ta’ Notte Bianca. 

 

Nistaqsi – Jasmine 

Kompożitur: Glen Vella 

Awtur: Philip Vella 

Jasmine twieldet fit-22 ta’ Jannar 1999 u sa minn età żgħira sabet il-vuċi tagħha fil-kant u fil-kitba. Il-vjaġġ professjonali tagħha beda permezz ta’ programm televiżiv li fetaħ il-bieb għal opportunitajiet ġodda u għen biex tiżviluppa l-istil u l-preżenza tagħha fuq il-palk. 

Matul il-karriera tagħha, ħadet sehem f’numru ta’ avvenimenti prestiġjużi fosthom iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-CHOGM 2015 quddiem ir-Reġina Eliżabetta II, kif ukoll f’avvenimenti bħal Eurovision 2016 u 2018, Rockestra 2016, u produzzjonijiet nazzjonali bħal 50 Sena ta’ Mużika Maltija, Djamanti Mużikali u Valletta 2018

Hija pparteċipat ukoll fit-tieni staġun ta’ X Factor Malta, kif ukoll f’Mużika Mużika fl-2023, fejn ikklassifikat fit-tielet post, u fl-edizzjoni tal-2025. Barra minn hekk, hija ħadet sehem fil-Malta Film Awards (2022 u 2024), l-Expo 2020 f’Dubai, kif ukoll f’ċelebrazzjonijiet nazzjonali Maltin fl-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Awstralja. 

 

Poeżija Mingħajr Tmiem – The Travellers 

Kompożitur: Andrew Vella 

Awtur: Andrew Vella 

The Travellers huma wieħed mill-aktar gruppi influwenti fix-xena mużikali Maltija, magħrufa għall-mod kif introduċew u saħħew l-użu tal-lingwa Maltija fil-mużika pop kontemporanja. Bil-ħoss uniku tagħhom, li jgħaqqad strumenti tar-ramm ma’ melodiji moderni u lirika emozzjonali, il-band ħolqot identità mużikali distintiva u niċċa ġdida fil-kuntest lokali. 

B’kanzunetti popolari bħal Ħafi Paċi Kuluri, Xemx u Xita, Ersaq fil-Qrib u Ħdejja, The Travellers kisbu suċċess konsistenti fuq ir-radji lokali u fuq l-akbar palkijiet f’Malta u Għawdex. Diversi diski tagħhom laħqu l-ewwel post għal ġimgħat sħaħ, filwaqt li l-band rebħet ukoll diversi premji fix-xena mużikali Maltija. 

Permezz tal-ħidma tagħhom, The Travellers jibqgħu jippromovu l-lingwa Maltija billi joħolqu mużika li tgħaqqad u tispira lil udjenzi ta’ kull ġenerazzjoni. 

 

Sensazzjoni – Jessica ft. J Joy 

Kompożitur: Glen Vella 

Awtur: Philip Vella 

Jessica wriet passjoni bikrija għall-mużika, b’interess fil-kant sa minn meta kellha tliet snin. Matul it-tfulija tagħha ħadet sehem f’kompetizzjonijiet televiżivi bħal Let Me Entertain You u Don’t Stop Me Now. Fl-2023 kienet finalista fil-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Tagħna Tnejn, filwaqt li fl-2025 waslet sal-finali tal-Għanja tal-Poplu bid-diska Qalbi

Fost l-esperjenzi tagħha, kantat ukoll mal-Armata ta’ Malta fil-Palazz tal-President, u kienet tippreżenta programm tar-radju fuq stazzjon tal-banda. Illum, Jessica hija kantanta residenti f’diversi postijiet prestiġjużi madwar Malta, fejn tkompli tispikka bil-vuċi u bl-enerġija tagħha. 

Min-naħa tiegħu, J Joy beda l-karriera tiegħu fl-1997 u sar wieħed mill-aktar DJs magħrufa f’Malta, b’segwaċi internazzjonali dejjem jikbru. Huwa qasam il-palk ma’ artisti internazzjonali bħal Coldplay, Snoop Dogg u Calvin Harris, u daqq f’festivals u clubs prestiġjużi fosthom Creamfields, Isle of MTV u Ministry of Sound. 

Bl-istil tiegħu li jgħaqqad house, trance u melodic techno, J Joy jibqa’ preżenza b’saħħitha fuq id-dancefloors, kemm lokalment, kif ukoll barra minn Malta. 

 

Twarrabnix – Nikki Vella u Mark Tonna 

Kompożitur: Ray Agius 

Awturi: Evelyn Saliba La Rosa u Michael Vella Haber 

Nikki Vella bdiet il-vjaġġ mużikali tagħha ta’ disa’ snin fil-kor tal-knisja parrokkjali ta’ Gwardamanġa, wara li diġà kienet żviluppat interess qawwi fil-mużika klassika minn età żgħira. Matul il-karriera tagħha, kienet parti minn korijiet prestiġjużi bħall-Kor Nazzjonali u l-Amadeus Chamber Choir, kemm bħala korista kif ukoll bħala solista. Hija ħadmet ukoll f’diversi musicals fi rwoli ewlenin, fosthom The Sound of Music, Fame, The Phantom of the Opera u The Addams Family Musical

Min-naħa tiegħu, Mark Tonna beda l-karriera mużikali tiegħu ta’ 11-il sena meta fforma kor u grupp mal-ħbieb tal-iskola. Aktar tard, wara esperjenza ma’ diversi bands rock, beda karriera bħala solista fl-1993. Fl-1996 ħareġ l-ewwel album tiegħu Before My Eyes, u minn dakinhar ħa sehem f’numru ta’ festivals prestiġjużi bħall-Kanzunetta għall-Ewropa, L-Għanja tal-Poplu u l-Festival Kanzunetta Indipendenza

Tul il-karriera tiegħu, Tonna wkoll ħadem fuq musicals u kiteb mużika u lirika għal produzzjonijiet Maltin, filwaqt li t-talent tiegħu wasslu biex jinterpreta barra minn Malta f’diversi pajjiżi fosthom l-Italja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Awstralja. 

 

B’firxa wiesgħa ta’ talenti, stili u stejjer personali, Mużika Mużika jkompli jikkonferma r-rwol tiegħu bħala pjattaforma ewlenija għall-kanzunetta Maltija. Minn artisti stabbiliti għal vuċijiet ġodda, kull parteċipant iġib miegħu identità unika li tarrikkixxi l-esperjenza tal-festival u tkompli tħeġġeġ lill-pubbliku japprezza aktar il-mużika bil-Malti. 

Din l-edizzjoni mhux biss turi d-diversità u l-kreattività li teżisti fix-xena lokali, iżda tkompli ssaħħaħ il-futur tal-industrija mużikali f’Malta. F’kull nota u f’kull kelma, Mużika Mużika jibqa’ jfakkarna fil-qawwa tal-mużika bħala mezz ta’ espressjoni u għaqda — ċelebrazzjoni li tkompli takbir sena wara sena. 

More in Socjali